Skip to main content

Informazzjoni għall-awtoritajiet li joħorġu ĊES

Flag of Spain
Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

  • Ir-reġistru tal-artijiet
  • Ir-reġistru tal-proprjetà
  • Ir-reġistru kummerċjali
  • Ir-reġistru tal-proprjetà mobbli
  • Ir-reġistru ċivili, li jirreġistra wkoll ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali
  • Ir-reġistru ta’ sħubijiet de facto, meta dan ikun jeżisti
  • Ir-reġistru ċentrali tat-testmenti
  • Ir-reġistru ta’ poloz tal-assigurazzjoni u ta’ fondi tal-pensjoni
  • Ir-reġistru pubbliku tal-insolvenzi

2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1

  1. Ir-reġistru tal-artijiet: Ir-reġistru tal-Istat li fih id-deskrizzjoni tal-proprjetajiet rurali, urbani u speċjali u li jipprovdi informazzjoni għall-ġestjoni, għall-ġbir u għall-kontroll ta’ diversi forom ta’ tassazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali. Jintuża għal finijiet tat-taxxa u tal-ġbir, iżda mhux għal finijiet legali. Link għas-sit web: Reġistru tal-artijiet
  2. Ir-reġistru tal-proprjetà: Istituzzjoni legali li tistabbilixxi s-sjieda tal-proprjetà, it-tariffi u d-drittijiet in rem assoċjati mal-proprjetà immobbli b’effetti legali inkontestabbli. Jipprovdi ċertezza legali għal tranżazzjonijiet ta’ proprjetà legali. Link għas-sit web: Reġistru tal-proprjetà
  3. Ir-reġistru kummerċjali: L-iskop tiegħu huwa li jiżgura ċertezza fi tranżazzjonijiet kummerċjali legali billi jippubblika d-data legali u finanzjarja tal-kumpaniji u ta’ persuni legali oħrajn u tar-rappreżentanti tagħhom. Link għas-sit web: Reġistru kummerċjali
  4. Ir-reġistru tal-proprjetà mobbli: L-iskop tiegħu huwa li jippubbliċizza l-proprjetà u t-tariffi u l-aggravji fuq proprjetà mobbli. Link għas-sit web: Reġistru tal-proprjetà mobbli. Huwa maqsum fit-taqsimiet li ġejjin:
    1. It-taqsima tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru: Din tkopri ipoteki, negozjar, lokazzjoni u kwalunkwe kuntratt b’rabta ma’ bastimenti, ordnijiet ta’ sekwestru u aggravji oħrajn fuq bastimenti u fuq inġenji tal-ajru.
    2. It-taqsima tal-karozzi u ta’ vetturi bil-mutur oħrajn: Din it-taqsima tkopri kuntratti ta’ bejgħ b’pagamenti parzjali, lokazzjonijiet finanzjarji, tipi oħrajn ta’ lokazzjonijiet (bħall-kiri) u kwalunkwe kuntratt, ordni ta’ sekwestru, talba jew projbizzjoni ta’ disponiment, u annotazzjonijiet preventivi jew aggravji oħrajn fuq karozzi u fuq vetturi bil-mutur.
    3. It-taqsima tal-makkinarju industrijali, tal-bini kummerċjali u tal-oġġetti kapitali: tkopri ipoteki ta’ beni mobbli fuq makkinarju industrijali jew fuq stabbilimenti kummerċjali, kif ukoll ordnijiet ta’ sekwestru u aggravji oħrajn fuq oġġetti bħal dawn.
    4. It-taqsima tal-kollateral: tkopri ipoteki ta’ beni mobbli u irhna mingħajr trasferiment fuq drittijiet ta’ proprjetà industrijali u intellettwali.
    5. It-taqsima għal drittijiet mobbli oħrajn li jistgħu jiġu rreġistrati: tkopri kuntratti u aggravji fuq oġġetti oħrajn bħal titoli ta’ garanzija reġistrati, ishma ta’ kumpaniji, liċenzji tas-sajd jew drittijiet oħrajn ta’ natura amministrattiva li jistgħu jiġu ttrasferiti.
    6. It-taqsima tar-reġistru tat-termini u tal-kundizzjonijiet ġenerali: jirreġistra t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali u s-sentenzi ġudizzjarji li jannullawhom.
    7. It-taqsima tax-xogħlijiet u tar-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi.
  5. Ir-Reġistru Ċivili: Dan huwa r-reġistru pubbliku u għandu diversi funzjonijiet. Jirreġistra fatti relatati mal-istat ċivili tal-persuni fiżiċi, bħal twelid, żwieġ u mwiet. Link għas-sit web: Reġistru ċivili
  6. Ir-reġistri ta’ sħubijiet de facto: Dawn il-korpi jirreġistraw b’mod speċifiku sħubijiet de facto bl-għan li jirrikonoxxu d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fi sħubijiet bħal dawn bħala ekwivalenti, għad li b’xi differenzi, għal dawk ta’ koppji miżżewġin. Kull Komunità Awtonoma stabbiliet il-leġiżlazzjoni tagħha stess. Link għas-sit web: Reġistru ta’ sħubijiet de facto (Għar-reġistri awtonomi ta’ sħubijiet de facto, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web uffiċjali ta’ kull Komunità Awtonoma)
  7. Ir-reġistru ġenerali tat-testmenti: Dan ir-reġistru tal-Istat, li huwa marbut mal-Ministeru tal-Ġustizzja, jirreġistra t-testmenti bl-għan li jiggarantixxi l-għarfien tal-eżistenza tagħhom wara l-mewt jew matul il-ħajja tal-persuni li jkunu eżegwew it-testmenti. Link għas-sit web: Reġistru ġenerali tat-testmenti
  8. Ir-reġistru ta’ poloz tal-assigurazzjoni u ta’ fondi tal-pensjoni: L-iskop tiegħu huwa li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jippermetti lil partijiet potenzjalment interessati jsiru jafu jekk persuna deċeduta kellhiex polza tal-assigurazzjoni fuq il-mewt, u sabiex jidentifika l-impriża tal-assigurazzjoni li magħha tkun ittieħdet. Link għas-sit web: Reġistru tal-poloz tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet
  9. Ir-reġistru pubbliku tal-insolvenzi: L-iskop tiegħu huwa li jirreġistra s-sentenzi kollha fid-diversi proċedimenti ta’ insolvenza mressqin quddiem kemm il-qrati kif ukoll ir-reġistraturi kummerċjali u tal-proprjetà. Link għas-sit web: Reġistru pubbliku tal-insolvenza
  • Jeżistu reġistri reġjonali?
  1. Ir-reġistru tal-artijiet: Le, hemm reġistru tal-artijiet wieħed organizzat fil-livell nazzjonali, b’ġestjoni reġjonali u territorjali. Hemm ħames reġistri differenti fi Spanja: wieħed għal kull waħda mit-tliet provinċji storiċi tal-Pajjiż Bask (Guipúzcoa, Álava u Vizcaya), wieħed għal Navarra u ieħor għall-bqija ta’ Spanja.
  2. Ir-reġistru tal-proprjetà: Le, jeżistu reġistri f’kull distrett ta’ ipoteki. Ir-reġistraturi kollha jridu jkunu membri tal-Kulleġġ Nazzjonali ta’ reġistraturi tal-proprjetà.
  3. Ir-reġistru kummerċjali: Ir-reġistraturi kummerċjali jeżistu fuq livell territorjali, wieħed f’kull provinċja ta’ Spanja, u fuq il-gżejjer, minbarra r-Reġistru Kummerċjali Ċentrali.
  4. Ir-reġistru tal-proprjetà mobbli: Hemm reġistri f’kull provinċja kif ukoll reġistru ċentrali tal-proprjetà mobbli.
  5. Reġistru Ċivili: Le, iżda jeżistu delegazzjonijiet f’kull provinċja, u wkoll lokalment fi ħdan kull provinċja.
  6. Ir-reġistru ta’ sħubijiet de facto: Iva, hemm reġistru f’kull Komunità Awtonoma u f’kull belt, għaliex il-kunsilli muniċipali huma responsabbli għal dan ir-reġistru.
  7. Ir-reġistru ġenerali tat-testmenti: Le, hemm wieħed biss.
  8. Ir-reġistru ta’ poloz tal-assigurazzjoni u ta’ fondi tal-pensjoni: Le, hemm wieħed biss.
  9. Ir-reġistru pubbliku tal-insolvenzi: Le, hemm wieħed biss.
  • Ir-reġistri reġjonali huma interkonnessi?

Ir-reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli ta’ Spanja huma interkonnessi.

Ir-reġistri ċivili huma interkonnessi wkoll, organizzati fil-livell lokali.

  • Ir-reġistri reġjonali jistgħu jiġu kkuntattjati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?
  1. Ir-reġistru tal-artijiet: online, bħal utenti oħrajn.
  2. Ir-reġistru tal-proprjetà: iva, bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi legalment permissibbli; ikkuntattja wiċċ imb wiċċ, bit-telefown jew bil-posta jew online billi tuża r-reġistru online disponibbli fuq din il-link. Għal domandi akkademiċi, huwa possibbli li jiġi kkuntattjat il-punt ta’ kuntatt deżinjat b’mod uffiċjali.
  3. Ir-reġistru kummerċjali: iva, bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi legalment permissibbli; ikkuntattja wiċċ imb wiċċ, bit-telefown jew bil-posta jew online billi tuża r-reġistru online disponibbli fuq din il-link. Għal domandi akkademiċi, huwa possibbli li jiġi kkuntattjat il-punt ta’ kuntatt deżinjat b’mod uffiċjali vocal.ue@registradores.org
  4. Ir-reġistru tal-proprjetà mobbli: iva, bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi legalment permissibbli; ikkuntattja wiċċ imb wiċċ, bit-telefown jew bil-posta jew online billi tuża r-reġistru online disponibbli fuq din il-link. Għal domandi akkademiċi, huwa possibbli li jiġi kkuntattjat il-punt ta’ kuntatt deżinjat b’mod uffiċjali vocal.ue@registradores.org
  5. Reġistru Ċivili: online, bħal utenti oħrajn.
  6. Ir-reġistru ta’ sħubijiet de facto: online, bħal utenti oħrajn.
  7. Ir-reġistru ġenerali tat-testmenti: online, bħal utenti oħrajn. Possibbiltà oħra biex tikkuntattja lil dan ir-Reġistru tidher fuq il-paġna web ta’ ARERT (l-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew tar-Reġistri tat-Testmenti), aċċessibbli permezz ta’ din il-link.
  8. Ir-reġistru ta’ poloz tal-assigurazzjoni u ta’ fondi tal-pensjoni: online, bħal utenti oħrajn.
  9. Ir-reġistru pubbliku tal-insolvenzi: online, bħal utenti oħrajn.
  • L-informazzjoni li tinsab fir-reġistru hija disponibbli għall-pubbliku, jew hemm restrizzjonijiet fuq l-aċċess?

Iva, ir-reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli huma disponibbli għall-pubbliku. Dawn huma reġistri pubbliċi. Madankollu, sabiex tikseb informazzjoni legali, huwa neċessarju li jkollok interess leġittimu.

  • Meta jkunu jeżistu restrizzjonijiet fuq l-aċċess, wieħed ikun intitolat jitlob informazzjoni?

Iva, iżda jrid ikollok interess leġittimu marbut mal-iskop propju tar-reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli ta’ Spanja.

  • L-awtorità li żżomm ir-reġistru għandha l-kompetenza skont id-dritt nazzjonali li tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra?

IVA

  • X’informazzjoni tista’ tipprovdi l-awtorità tar-reġistru lil awtorità nazzjonali oħra f’konformità mad-dritt nazzjonali?

L-istess informazzjoni li hija tista’ tipprovdi lil kwalunkwe membru tal-pubbliku.

  • Fuq liema bażi l-awtorità tar-reġistru tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra?

Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-privatezza personali, meta l-informazzjoni tintalab għal skop mhux relatat mar-reġistru u għal raġunijiet ta’ konformità mal-Liġi Organika dwar il-Protezzjoni tad-Data, sakemm mhux fuq ordni mill-awtorità ġudizzjarja.

  • B’mod partikolari, fir-rigward ta’ testmenti reġistrati, l-awtoritajiet li jżommu l-informazzjoni fuq it-testmenti fi Spanja jistgħu jiddivulgaw il-kontenut ta’ testment lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor?

L-awtoritajiet li jżommu informazzjoni dwar it-testmenti fi Spanja ma jistgħux jiddivulgaw il-kontenut ta’ testment għaliex ma għandhomx aċċess għalih. L-unika data miżmuma fir-reġistru tat-testmenti huma l-isem, il-kunjom u n-numru tal-karta tal-identità tat-testatur u d-dettalji, id-data tat-twelid, l-isem tal-ġenituri u tal-konjuġi, id-dettalji tan-nutar, u d-data li fiha nkiteb it-testment. Tista’ tintalab informazzjoni dwar jekk hemmx testment – u, jekk iva, l-ordni sabiex jiġi eżegwit – għal persuna partikolari. Fi Spanja, l-aħħar testment ġeneralment jirrevoka t-testmenti preċedenti kollha, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-aħħar testment. Ladarba jkun ġie identifikat l-aktar testment riċenti, il-kontenut tiegħu jrid jintalab mingħand in-nutar li jkun eżegwih.

L-iskop speċifiku għall-kisba ta’ informazzjoni, inkluż għal werriet sabiex jikseb kopja tat-testment, huwa stabbilit fl-iskedi informattivi tal-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew tar-Reġistri tat-Testmenti, fuq din il-link.

Għal Spanja, il-proċedura hija spjegata f’dettall fil-links li ġejjin: Ċittadini Spanjoli u Irreġistra u sib testment.

U l-kanali ta’ komunikazzjoni huma spjegati f’dawn il-links: Reġistru tat-testmenti u Informazzjoni ta’ kuntatt.

  • X’informazzjoni trid tipprovdi l-awtorità rikjedenti minn Stat Membru ieħor sabiex tkun tista’ tikkonsulta r-reġistru?

L-isem sħiħ u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna deċeduta (numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa jew numru ta’ identifikazzjoni barrani), u ċ-ċertifikat tal-mewt.

  • L-awtorità rikjedenti trid tipprovdi evidenza ta’ sostenn għall-informazzjoni pprovduta dwar il-persuna deċeduta?

Iva, trid tipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn kollha (ċertifikat tal-mewt, ċertifikat li jistabbilixxi liema kien l-aħħar testment, in-numru tal-karta ta’ identità tal-persuna deċeduta u n-numru tal-karta ta’ identità tal-persuna interessata). It-talba se tiġi kklassifikata mir-reġistratur, li jrid jinnota jekk jeżistix interess leġittimu, għall-finijiet ta’ salvagwardja, kif stabbilit fil-Liġi Organika dwar il-Protezzjoni tad-Data.

  • L-awtorità rikjedenti trid tipprovdi prova li qed titlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 66(5)?

Iva, kull talba għal informazzjoni trid tkun akkumpanjata minn prova sabiex jingħata aċċess għall-informazzjoni mitluba.

Fir-rigward tal-konsultazzjoni tar-reġistri tal-proprjetà sabiex tiġi identifikata kwalunkwe proprjetà li hija fil-pussess tal-persuna deċeduta, irid jiġi ddikjarat li l-informazzjoni qiegħda tintalab għal dak l-għan.

  • X’mezz jista’ jintuża sabiex tintalab u tiġi pprovduta l-informazzjoni?

Jistgħu jintużaw il-mezzi kollha permessi minn leġiżlazzjoni speċjali; posta, talba wiċċ imb wiċċ jew applikazzjoni online.

  • B’liema lingwa tista’ tintalab l-informazzjoni?

L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fi kwalunkwe lingwa uffiċjali ta’ Spanja.

  • Kif se tiġi pprovduta l-informazzjoni?

It-testment jiġi kkonsenjat stampat, bħala kopja vera/ċċertifikata jew kopja sempliċi. Jekk il-parti interessata ma tkunx tista’ tiġbor il-kopja personalment, tista’ titlob li tintbagħtilha bil-posta reġistrata jew bil-posta elettronika lil reġistratur ieħor b’komunikazzjoni sigura, sabiex dan tal-aħħar jistampa kopja u jikkonsenjahielha.

Fil-każ ta’ reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli: ċertifikazzjoni jew verbatim sempliċi jew silta, f’forma elettronika jew stampata.

  • B’liema lingwa tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni?

L-informazzjoni hija pprovduta bil-lingwa nazzjonali uffiċjali jew bil-lingwa li biha nkiteb it-testment.

Fil-każ ta’ reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli: bl-Ispanjol, fil-każ ta’ noti sempliċi, tista’ tintalab traduzzjoni bl-Ingliż.

  • L-awtorità rikjedenti trid tħallas tariffa sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba? Kif titħallas it-tariffa?

Iva, trid titħallas tariffa bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi permessi mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Fil-każ ta’ reġistri tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli, iva, bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi permessi mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Barra minn hekk, ir-reġistri tal-proprjetà u kummerċjali ta’ Spanja pprovdew interfaċċa online fuq il-paġna www.registradores.org, li hija mfassla b’mod speċifiku sabiex tippermetti li titfittex l-informazzjoni mitluba, miksuba u li għaliha jsir il-ħlas.

  • X’inhuma r-rekwiżiti formali u sostantivi għar-reġistrazzjoni ta’ tibdil fis-sjieda tal-proprjetà reġistrata li jirriżulta mis-suċċessjoni?

It-titolu pubbliku tas-suċċessjoni (testment jew dikjarazzjoni tal-werrieta intestati). Prova ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja tas-suċċessjoni (kopja awtentika ta’ dokument notarili), att pubbliku ta’ diviżjoni jew korp privat ta’ werriet uniku u dokumenti supplementari (ċertifikazzjoni mir-reġistru tat-testmenti, ċertifikati tal-mewt u ċertifikat mir-reġistru tal-assigurazzjoni tal-ħajja) u tlestija tat-taxxa tal-wirt, b’awtovalutazzjoni. Il-prova ta’ aċċettazzjoni hija d-dokument li jiċċertifika l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni mill-werrieta.

Dawn id-dokumenti kollha jridu jkunu rreġistrati mill-awtorità kompetenti (reġistru tal-proprjetà jew kummerċjali)

  • X’informazzjoni hija mitluba sabiex tippermetti lill-awtorità tar-reġistrazzjoni tidentifika l-proprjetà reġistrata u tirreġistra tibdil fis-sjieda wara suċċessjoni?

Fil-każ ta’ proprjetà immobbli: id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-patrimonju (identifikatur uniku tal-patrimonju reġistrat, kodiċi tar-reġistru uniku jew numru tal-patrimonju reġistrat); f’eċċezzjonijiet, reġistru tal-artijiet jew dettalji tal-post tal-patrimonju (jiġifieri l-indirizz, li jista’ jkun soġġett għal tibdil fil-każ li t-toroq jingħataw isem ġdid). Pereżempju, fil-każ ta’ proprjetà immobbli: l-indirizz preċiż, in-numru tar-roqgħa jew katastali, deskrizzjoni tal-proprjetà immobbli. Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ identifikazzjoni b’akkuratezza tal-proprjetà immobbli, ara s-sentenza tal-QĠUE tad-9 ta’ Marzu 2023, il-Kawża 351-21.

Ladarba l-proprjetà immobbli tkun ġiet identifikata kif xieraq, iridu jiġu pprovduti d-dokumenti identifikati fil-mistoqsija preċedenti.

Fil-każ ta’ proprjetà mobbli: in-numru ta’ reġistrazzjoni u n-numru tal-qafas.

  • X’inhu l-valur legali fl-Istat Membru tiegħek tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru?

L-entrati fir-reġistru tal-proprjetà, tal-proprjetà kummerċjali u tal-proprjetà mobbli jibbenefikaw minn preżunzjoni konfutabbli ta’ legalità u ta’ veraċità. Is-sid reġistrat huwa s-sid benefiċjarju tal-patrimonju; il-persuna li tikseb il-patrimonju mingħand il-persuna li tidher fir-reġistru bħala s-sid reġistrat tibbenefika wkoll minn preżunzjoni inkonfutabbli li hija s-sid veru, li tista’ tiġi annullata biss permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti. Anki meta s-sjieda reġistrata tal-bejjiegħ tiġi annullata legalment, il-parti terza li tkun akkwistat il-proprjetà mingħandhom bona fide bi skambju ma’ ħlas għandha żżomm l-akkwiżizzjoni tagħha (l-Artikolu 34 tal-Liġi dwar l-Ipoteki).

3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji

  • Hemm awtorità fl-Istat Membru tiegħek li żżomm lista tal-kontijiet bankarji?

Le. Il-Bank ta’ Spanja ma għandux il-kompetenza sabiex joħloq reġistru tal-kontijiet bankarji miżmumin mill-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-Bank ta’ Spanja għandu l-funzjonijiet ta’ bank ċentrali u ta’ superviżjoni tas-sistema bankarja ta’ Spanja u ta’ intermedjarji finanzjarji oħrajn li joperaw fi Spanja. Dawn il-funzjonijiet jitwettqu fi ħdan il-qafas istituzzjonali Ewropew, li fih il-Bank ta’ Spanja jifforma parti integrali mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u mill-Eurosistema, u wkoll mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u mill-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM).

- Liema awtorità żżomm din l-informazzjoni?

L-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel hija li tikkuntattja lill-Amministrazzjoni tat-Taxxa, li żżomm id-dikjarazzjonijiet finanzjarji attribwiti lilha, ikkomunikati mill-entità jew mill-entitajiet li għandha kontijiet magħhom.

- Id-dettalji ta’ kuntatt:

L-awtoritajiet tat-Taxxa ta’ Spanja huma awtoritajiet reġjonali u nazzjonali. L-awtorità nazzjonali ewlenija hija l-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Finanzi u għas-Servizz Ċivili.

https://hacienda.gob.es

Portal ċentrali: https://sedeminhap.gob.es

Disponibbli wkoll bl-Ingliż.

L-awtorità tat-taxxa u tad-dħul hija l-Aġenzija Statali tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa (AEAT, Agencia Estatal de Administración Tributaria), li tirrapporta lill-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Finanzi u għas-Servizz Ċivili.

Il-portal ewlieni tagħha huwa: https://sede.agenciatributaria.gob.es/

A.E.A.T. Delegazzjoni Speċjali ta’ Madrid,

C/ Guzmán el Bueno, 139,

Telefown: 91 582 6767

Hemm uffiċċji f’kull Komunità Awtonoma u fil-bliet ewlenin.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Bank ta’ Spanja huma dawn li ġejjin:

BANCO DE ESPAÑA

C/ Alcalá, 48 28014 Madrid - C/ Alcalá, 522 28027 Madrid

Numru tat-telefown: 91 338 5000

Paġna web

  • L-awtorità għandha l-kompetenza li tipprovdi informazzjoni dwar il-kont(ijiet) bankarju/i tat-testatur fuq it-talba ta’ awtorità nazzjonali li tittratta s-suċċessjoni?

Le, dan ma huwiex possibbli. L-informazzjoni trid tintalab mill-istituzzjoni b’uffiċċju jew b’fergħa miftuħa fi Spanja. Id-dokumenti ta’ sostenn kollha jridu jiġu tradotti u jrid ikun fihom kwalunkwe kjarifika neċessarja.

L-istituzzjonijiet li fihom it-testatur ikun fetaħ kontijiet huma dawk li jridu jipprovdu lill-werrieta l-informazzjoni li jitolbu, jiġifieri d-dokumentazzjoni li normalment trid tiġi sottomessa lill-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex jiġi pprovat l-istatus ta’ werriet, jiġifieri: iċ-ċertifikat tal-mewt tal-klijent, iċ-ċertifikat mir-reġistru tat-testmenti, kopja awtorizzata tal-aħħar testment jew, meta l-persuna tkun mietet mingħajr ma eżegwiet testment, trid tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-werrieta intestati (dan id-dokument irid jinkludi l-att konklużiv taċ-ċertifikat tal-wirt). Id-dikjarazzjoni tal-werrieta intestati hija proċedura mwettqa quddiem nutar, li l-iskop tagħha huwa li tiddikjara liema qraba tal-persuna deċeduta għandhom l-istatus ta’ werriet fil-każijiet li fihom il-persuna deċeduta ma tkunx ħalliet testment [u tipprovdi] l-informazzjoni mitluba minn dawk il-werrieta. It-talbiet għal informazzjoni dwar movimenti fil-kontijiet iridu jispeċifikaw il-perjodu li jkunu relatati miegħu, u jridu jkunu raġonevoli. It-talbiet sabiex tinkiseb informazzjoni dwar movimenti li jkunu seħħew ferm qabel id-data tal-mewt normalment ma jiġux aċċettati.

Il-werrieta jistgħu jitolbu kwalunkwe mill-informazzjoni li ġejja mingħand l-istituzzjonijiet bankarji:

-      id-dikjarazzjoni tal-kont tal-klijent deċedut;

-      il-movimenti fil-kontijiet wara d-data tal-mewt;

-      il-movimenti fil-kontijiet relatati ma’ perjodu ta’ żmien ta’ madwar sena qabel il-mewt, u b’hekk il-werrieta jitħallew jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom;

-      kopja tal-kuntratti miżmumin mill-klijent deċedut.

Huwa essenzjali li kemm l-informazzjoni dwar l-assi miżmumin mill-klijent fid-data tal-mewt kif ukoll il-kuntratti ta’ finanzjament jew ta’ garanzija (kuntratti ta’ self, kuntratti ta’ approvazzjoni, eċċ.) li kienu validi fid-data jiġu pprovduti lill-werrieta qabel l-aċċettazzjoni tal-wirt sabiex ikunu jistgħu jiġu informati dwar il-patrimonju.

  • Fuq liema bażi l-awtorità tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni lill-awtorità nazzjonali li tittratta s-suċċessjoni?

L-entità tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda interess leġittimu (pereżempju, il-persuna rikjedenti ma tkunx werriet tal-persuna deċeduta, jew ma jkollha l-ebda interess fis-suċċessjoni). Jew fil-każ ta’ awtoritajiet mhux kompetenti.

L-istituzzjonijiet bankarji jistgħu jiġu miċħudin biss jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-wirt stabbiliti aktar ’il fuq jew it-talba tagħhom tkun relatata ma’ perjodu ferm qabel is-sena li tippreċedi d-data tal-mewt.

  • X’informazzjoni l-awtorità rikjedenti minn Stat Membru ieħor trid tipprovdi meta titlob informazzjoni dwar il-kont(ijiet) bankarju/i tal-persuna deċeduta?

In-numru tal-karta tal-identità tat-testatur jew, meta jkollu kontijiet bankarji f’pajjiż ieħor, in-numru ta’ identifikazzjoni barrani tiegħu f’dak il-pajjiż u wkoll in-numru ta’ identifikazzjoni barrani Spanjol tiegħu, u prova li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafi preċedenti.

  • L-awtorità rikjedenti trid tipprovdi evidenza ta’ sostenn għall-informazzjoni pprovduta dwar il-persuna deċeduta?

Iva, iċ-ċertifikat tal-mewt.

  • L-awtorità rikjedenti trid tipprovdi prova li qed titlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 66(5)?

Iva.

  • X’mezz jista’ jintuża sabiex tintalab u tiġi pprovduta l-informazzjoni?

Jiddependi mill-mezzi disponibbli għal kull bank.

  • B’liema lingwa tista’ tintalab l-informazzjoni?

Bl-Ispanjol jew bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Spanjol.

  • B’liema lingwa tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni?

Jiddependi mill-istituzzjoni bankarja. Bħala regola, l-informazzjoni tista’ tkun bi kwalunkwe lingwa uffiċjali ta’ Spanja, jew bl-Ingliż. Xi banek għandhom servizz ta’ traduzzjoni.

  • L-awtorità rikjedenti trid tħallas tariffa sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba? Kif titħallas it-tariffa?

Il-Bank ta’ Spanja jawtorizza lill-istituzzjonijiet bankarji Spanjoli jitolbu kummissjoni għal dan is-servizz. Ir-rata massima permessa hija ta’ EUR 100 bil-VAT miżjud magħha, u titħalla għad-diskrezzjoni tal-bank jekk jitlobhiex jew le.

4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Ir-reġistru tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (bħad-dritt tal-awtur, il-privattivi, iċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari, il-mudelli ta’ utilità, it-topografiji ta’ prodotti semikondutturi, it-trademarks, l-indikazzjonijiet ta’ oriġini ġeografika, id-disinji, id-drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti).

  • Fi Spanja, awtorità jew entità żżomm l-informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali?

Iva.

L-applikazzjonijiet għall-ewwel reġistrazzjoni jistgħu jiġu sottomessi lil kwalunkwe wieħed mill-uffiċċji mmexxijin mir-reġistri territorjali, meta dawn ikunu jeżistu, jew mir-Reġistru Ċentrali. Billi hemm unitajiet ta’ reġistrazzjoni madwar Spanja, l-applikazzjonijiet sottomessi minn kwalunkwe wieħed mir-reġistri għandhom l-istess effett.

Ir-reġistri territorjali huma responsabbli għall-ipproċessar u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-fajls tad-dħul rigward il-partijiet interessati li jissottomettu applikazzjonijiet fi ħdan it-territorju tagħhom.

Permezz tal-Uffiċċji Provinċjali, ir-Reġistru Ċentrali huwa responsabbli għall-ipproċessar tal-fajls tal-partijiet interessati li jissottomettu applikazzjonijiet fi kwalunkwe waħda mill-Komunitajiet Awtonomi l-oħrajn. Kuntatt: Paġna web

5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

Il-Ministeru għall-Finanzi: L-Aġenzija tat-Taxxa. Dan huwa l-korp responsabbli għall-ispezzjoni, għall-ġestjoni u għall-ġbir ta’ taxxi fi Spanja. Minħabba r-rwol tiegħu, għandu d-data dwar it-taxxa tal-kontribwenti kollha li huma taxxabbli fid-dawl tan-nazzjonalità jew tar-residenza tagħhom fit-territorju Spanjol.

Ċerti taxxi, bħat-taxxa fuq il-wirt, jiġu ddelegati lill-Komunitajiet Awtonomi, li għandhom id-delegazzjonijiet tal-Aġenzija tat-Taxxa tagħhom stess, u huma responsabbli għall-ispezzjoni, għall-ġestjoni u għall-ġbir kemm tat-taxxi tagħhom stess kif ukoll ta’ dawk ċeduti mill-Istat fit-territorju rispettiv tagħhom.

6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni

  • Liema awtoritajiet jew persuni huma awtorizzati jżommu t-testment?

It-testatur jista’ jżomm it-testment issiġillat fil-pussess tiegħu, jiddelega l-kustodja tiegħu lil persuna ta’ fiduċja, jew jiddepożitah man-nutar awtorizzanti, li jżommu fl-arkivju tiegħu.

  • Dawn l-awtoritajiet jew il-persuni huma legalment obbligati jiddivulgaw il-kontenut tat-testment wara l-mewt tat-testatur?

Iva.

  • Lil min dawn l-awtoritajiet jew il-persuni jridu jiddivulgaw il-kontenut tat-testment?

Lin-nutar li jkun ħareġ ir-rekord tat-testment issiġillat.

  • Min jista’ jitlob id-divulgazzjoni tat-testment?

Il-persuna kkonċernata mill-wirt.

  • F’liema kundizzjonijiet u proċeduri jiġi ddivulgat il-kontenut tat-testment?

Il-persuna li jkollha t-testment issiġillat fil-pussess tagħha trid tissottomettih lil nutar kompetenti fi żmien 10 ijiem minn meta ssir taf bil-mewt tat-testatur.

In-nutar awtorizzanti ta’ testment issiġillat, maħtur bħala depożitarju tat-testment mit-testatur, irid, fi żmien 10 ijiem milli jsir jaf bil-mewt ta’ dan tal-aħħar, jinforma lill-konjuġi superstiti, lid-dixxendenti u lill-axxendenti tat-testatur – u, fin-nuqqas ta’ persuni bħal dawn, il-qraba kollaterali sar-raba’ livell – dwar l-eżistenza tat-testment.

Fiż-żewġ każijiet imsemmijin hawn fuq, jekk ma jkunx jaf bl-identità jew bid-domiċilju ta’ dawn il-persuni, jew jekk ma jkunx jaf bl-eżistenza tagħhom, in-nutar irid jiddivulga l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi notarili (l-Artikolu 712 tal-Kodiċi Ċivili).

  • Liema awtoritajiet jew persuni huma awtorizzati jżommu t-testment?

Fi żminijiet ta’ gwerra, is-suldati skjerati f’kampanja, il-voluntiera, l-ostaġġi, il-priġuniera u individwi oħrajn impjegati fl-armata jew li jsegwuha jistgħu jeżegwixxu t-testment tagħhom quddiem uffiċjal bil-grad minimu ta’ kaptan.

Din id-dispożizzjoni tapplika għall-individwi ta’ armata f’pajjiż barrani. Jekk it-testatur ikun marid jew ikorri, jista’ jeżegwixxi t-testment tiegħu quddiem kappillan jew tabib li jassistih. Jekk ikun f’taqsima distakkata, jista’ jeżegwixxi t-testment tiegħu quddiem l-uffiċjal kmandant, anki jekk dan tal-aħħar ikun is-subordinat tiegħu.

  • Dawn l-awtoritajiet jew il-persuni huma legalment obbligati jiddivulgaw il-kontenut tat-testment wara l-mewt tat-testatur?

It-testmenti jridu jintbagħtu mill-aktar fis possibbli lill-kwartieri ġenerali, mnejn iridu jintbagħtu lill-Ministeru għad-Difiża.

Jekk it-testatur ikun miet, il-Ministeru jrid jibgħat it-testment lill-Kulleġġ tan-Nutara li jikkorrispondi għall-aħħar indirizz tal-persuna deċeduta. Jekk l-aħħar indirizz ma jkunx magħruf, jibagħtu lill-Kulleġġ Notarili ta’ Madrid.

Il-Kulleġġ Notarili jibgħat it-testment lin-nutar li jikkorrispondi għall-aħħar indirizz tat-testatur. Mar-riċevuta min-nutar, dan tal-aħħar irid jinforma lill-werrieta u lil partijiet interessati oħrajn dwar l-eżistenza tas-suċċessjoni fi żmien 10 ijiem, u għalhekk jistgħu jidhru quddiem in-nutar sabiex jifformalizza t-testment f’konformità mal-liġi. Ladarba dawn il-formalitajiet ikunu tlestew, jiġu awtorizzati f’konformità mal-arranġamenti ġenerali stabbiliti għat-testmenti ssiġillati.

  • Liema awtoritajiet jew persuni huma awtorizzati jżommu t-testment?

Fil-każ ta’ żmien ta’ gwerra, it-testment jiġi eżegwit quddiem il-kontabilist jew il-persuna li twettaq dmirijietha, fil-preżenza ta’ żewġ xhieda xierqa li jaraw u jifhmu t-testatur. Il-kaptan tal-bastiment, jew il-persuna li twettaq dmirijietha, irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu wkoll.

Fuq bastiment merkantili, it-testment jiġi awtorizzat mill-kaptan jew mill-persuna li taġixxi f’ismu, bl-assistenza ta’ żewġ xhieda xierqa.

  • Lil min dawn l-awtoritajiet jew il-persuni jridu jiddivulgaw il-kontenut tat-testment?

Testmenti miftuħin eżegwiti fuq il-baħar jinżammu mill-kmandant jew mill-kaptan, u se ssir referenza għalihom fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment.

Jekk il-bastiment jirmiġġa f’port barrani fejn ikun hemm aġent diplomatiku jew konsulari Spanjol, il-kmandant militari jew il-kaptan merkantili jrid jgħaddi lil dan l-aġent kopja tat-testment miftuħ jew tar-rekord tal-eżekuzzjoni tat-testment issiġillat, u tan-nota meħuda fil-ġurnal ta’ abbord.

L-aġent diplomatiku jew konsulari jrid joħroġ rekord bil-miktub tal-konsenja u, wara li jissiġilla u jittimbra l-kopja tat-testment jew tar-rekord ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ testment issiġillat, irid jissottomettih man-nota mill-ġurnal ta’ abbord permezz tal-kanali xierqa lill-Ministru għall-Flotta Navali, li jordnalu sabiex jiġi ddepożitat fl-Arkivju tal-Ministeru tiegħu.

Meta l-bastiment, tal-gwerra jew merkantili, jirmiġġa fl-ewwel port Spanjol, il-kmandant jew il-kaptan jgħaddi t-testment oriġinali, ittimbrat u ssiġillat, lill-awtorità marittima lokali, flimkien ma’ kopja tan-nota magħmula fil-ġurnal ta’ abbord. L-awtorità marittima tgħaddi dawn id-dokumenti mingħajr dewmien lill-Ministru għall-Flotta Navali.

  • Testment olografiku

Dan huwa testment miktub mit-testatur. It-testment olografiku jrid jiġi fformalizzat u sottomess lil nutar fi żmien 5 snin mill-mewt tat-testatur. In-nutar ifassal id-dokument tas-suċċessjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni notarili.

Il-persuna fil-pussess ta’ testment olografiku trid tippreżentah lil nutar kompetenti fi żmien 10 ijiem minn meta ssir taf bil-mewt tat-testatur. Nuqqas ta’ konformità ma’ dan id-dmir jagħmilha responsabbli għal kwalunkwe dannu li tkun ikkawżat.

Huwa neċessarju li dan id-dokument jiġi ċċertifikat u fformalizzat f’konformità mal-leġiżlazzjoni notarili nazzjonali.

Skedi informattivi dwar “Suċċessjonijiet”, “Drittijiet” u “Drittijiet Speċjali” jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika

Informazzjoni ġenerali dwar ir-reġistri kummerċjali, ir-reġistri tal-proprjetà u r-reġistri ta’ insolvenzi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna