Skip to main content

Informazzjoni għall-awtoritajiet li joħorġu ĊES

Flag of Austria
L-Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

Il-Grundbuch (reġistru tal-artijiet) huwa reġistru pubbliku li jimżamm mill-qrati distrettwali li fih jiġu rreġistrati l-irqajja’ tal-art u d-drittijiet in rem għalihom (eż. sjieda, rahan).

Iz-Zentrale Melderegister (ZMR, Reġistru Ċentrali tar-Residenti) huwa reġistru pubbliku tal-ismijiet ta’ kull min huwa rreġistrat fl-Awstrija flimkien mad-dettalji tar-residenza prinċipali tiegħu u – fejn ikun applikabbli – tar-residenza/i sekondarja/i tiegħu. Iz-ZMR fih data dwar l-identità (pereżempju l-isem, il-ġeneru, id-data tat-twelid, in-numru fir-reġistru, in-nazzjonalità, eċċ.) u data dwar ir-residenza tal-individwi.

Iz-Zentrale Testamentsregister (ZTR, Reġistru Ċentrali tat-Testmenti) jintuża biex jiġi rreġistrat id-depożitu ta’ dokumenti relatati mas-suċċessjoni ma’ ċerti depożitarji, u għalhekk biex jiġi żgurat l-irkupru tagħhom fi proċeduri ta’ suċċessjoni.

Fit-Testamentsregister (Reġistru tat-Testmenti) tal-ġuristi Awstrijaċi, il-ġuristi u d-ditti legali jistgħu jirreġistraw testmenti, depożiti testamentarjii oħra, ftehimiet skont l-Artikolu 14(5) tal-Wohnungseigentumsgesetz (l-Att dwar il-Kondominju, is-sjieda tal-kondominju fil-każ ta’ mewt) u r-rinunzji tal-wirt.

Il-Firmenbuch (Reġistru tan-Negozji) huwa reġistru pubbliku li jinżamm mill-qrati reġjonali (fi Vjenna mill-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna (Handelsgericht Wien), u fi Graz mill-Qorti Reġjonali għall-Kwistjonijiet Ċivili ta’ Graz (Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz)). L-iskop tiegħu huwa li jiġu rreġistrati u ppubblikati fatti li għandhom jiġu rreġistrati f’konformità mal-liġi kummerċjali.

L-Ediktsdatei (Bażi tad-Data tal-Avviżi Legali) kienet inizjalment limitata għal pubblikazzjonijiet rigward l-insolvenza, iżda kull sena żdiedu oqsma oħra ta’ negozju, bħal pubblikazzjonijiet mill-qrati distrettwali rigward proċedimenti ta’ infurzar ġudizzjarji.

2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1

Informazzjoni dwar id-data rreġistrata fir-reġistri rispettivi, id-dettalji ta’ kuntatt tar-reġistri, l-istruttura bażika tar-reġistri (pereżempju jekk il-bażijiet tad-data humiex reġjonali jew nazzjonali) jew id-drittijiet u l-possibbiltajiet ta’ aċċess jistgħu jiġu kkonsultati online fuq il-links li ġejjin, f’xi każijiet anke bl-Ingliż:

Grundbuch (Reġistru tal-Artijiet)

https://www.oesterreich.gv.at/themen/bauen_wohnen_und_umwelt/grundbuch.html

https://www.justiz.gv.at/home/e-justice/grundbuch~8ab4a8a422985de30122a90f642f6204.de.html

Zentrale Melderegister (ZMR, Reġistru Ċentrali tar-Residenti)

https://www.bmi.gv.at/413/Buergerinnen/start.aspx

Zentrales Testamentsregister (ZTR, Reġistru Ċentrali tat-Testmenti)

L-informazzjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Kamra tan-Nutara Awstrijaka (notar.at) taħt Aktuelles (Aħbarijiet) / öffentliche Bekanntmachungen (Avviżi pubbliċi) / Richtlinien der Österreichischen Notariatskammer (Linji Gwida tal-Kamra tan-Nutara Awstrijaka).

Testamentsregister der österreichischen Rechtsanwälte (Reġistru tat-Testmenti tal-Ġuristi Awstrijaċi)

https://www.rechtsanwaelte.at/buergerservice/servicecorner/testamentsregister/

Firmenbuch (Reġistru tan-Negozji):

https://www.justiz.gv.at/home/e-justice/firmenbuch~36f.de.html

https://www.justiz.gv.at/home/e-justice/firmenbuch/firmenbuchabfrage~2c9484852308c2a601240b693e1c0860.de.html

Ediktsdatei (Bażi tad-Data tal-Avviżi Legali)

https://www.justiz.gv.at/home/e-justice/ediktsdatei~8ab4a8a422985de30122a90efd5761fd.de.html

3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji

Iz-zentrale Kontenregister (Reġistru Ċentrali tal-Kontijiet) huwa bażi tad-data li tinżamm mill-Ministeru Federali tal-Finanzi li fiha tiġi rreġistrata d-data prinċipali tal-kontijiet għal kull kont ma’ bank domestiku. Id-data prinċipali tal-kontijiet tinkludi, pereżempju, in-numru tal-kont, l-isem u d-data tat-twelid tad-detentur ta’ kont, jew id-dati tal-ftuħ u l-għeluq tal-kont. Min-naħa l-oħra, l-hekk imsejħa data dwar il-movimenti bħall-bilanċi tal-kontijiet jew il-fatturat ma tinħażinx.

Minbarra l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi u l-qrati kriminali, ir-Reġistru Ċentrali tal-Kontijiet jista’ jiġi eżaminat biss mill-pulizija fiskali u l-awtoritajiet tat-taxxa u mill-Qorti Federali tal-Finanzi (Bundesfinanzgericht). L-awtoritajiet tal-wirt ma għandhom l-ebda dritt ta’ spezzjoni.

Id-detenturi ta’ kontijiet infushom biss huma intitolati li jaċċessaw informazzjoni dwar id-data maħżuna dwarhom. Id-dritt ta’ aċċess huwa meqjus bħala dritt personali ħafna, li jiskadi mal-mewt tad-detentur ta’ kont.

Aktar informazzjoni dwar ir-Reġistru tal-Kontijiet hija disponibbli fuq: https://www.bmf.gv.at/themen/betrugsbekaempfung/kontenregister-konteneinschau.html

4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Id-dritt tal-awtur għax-xogħol li jkun inħoloq jidħol fis-seħħ bil-ħolqien tax-xogħol. L-ebda entrata hi meħtieġa f’reġistru.

Ir-reġistri tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali (privattivi, disinji, trademarks) jinżammu mill-Uffiċċju Awstrijak tal-Privattivi: https://www.patentamt.at/

5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

Fl-Awstrija, jinżammu reġistri oħra, minbarra dawk imsemmija hawn fuq, li jistgħu jkunu wkoll ta’ interess fil-kuntest preżenti:

Iz-Zentrale Personenstandsregister (ZPR, Reġistru Ċentrali tat-Twelid, l-Imwiet u ż-Żwiġijiet) huwa reġistru li jintuża mill-uffiċċji tar-reġistri Awstrijaċi kollha li, flimkien maz-Zentrale Staatsbürgerschaftsregister (ZSR, Reġistru Ċentrali taċ-Ċittadinanza), beda jopera fil-pajjiż kollu fl-1 ta’ Novembru 2014. Iz-ZPR huwa rekord ċentrali tad-data dwar l-istat ċivili (twelid, żwiġijiet, sħubijiet reġistrati, imwiet) u kwistjonijiet relatati (pereżempju ismijiet). Huwa jissostitwixxi l-Personenstandsbücher (rekords dwar l-istat ċivili).

Iz-ZSR jirreġistra l-akkwist taċ-ċittadinanza Awstrijaka (permezz ta’ dixxendenza jew naturalizzazzjoni) u t-telf tagħha. Huwa juri wkoll iċ-ċertifikati taċ-ċittadinanza li jkunu nħarġu. Flimkien maż-ZPR, dan beda jopera fil-pajjiż kollu fl-1 ta’ Novembru 2014.

Zentrales Kraftfahrzeugregister (KZR, Reġistru Ċentrali tal-Vetturi) Ir-rekords ċentrali tar-reġistrazzjonijiet ikopru, fost affarijiet oħra, persuni fiżiċi li jkollhom reġistrazzjoni tal-vettura fl-Awstrija skont il-Kraftfahrgesetz (Att dwar il-Vetturi bil-Mutur). Din id-data tirrigwarda: is-sid tal-vettura (identifikazzjoni, indirizz) u l-vettura (numru, reġistrazzjoni, data teknika).

Iż-Zentrale Waffenregister (ZWR, Reġistru Ċentrali tal-Armi) huwa rekord kompjuterizzat li fih jiġu rreġistrati armi tan-nar tal-kategoriji kollha.

6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni

Bil-kunsens tal-awtur tiegħu, depożitu testamentarju jista’ jinżamm minn kwalunkwe persuna jew awtorità.

Id-depożitarju ma jridx jiftaħ id-depożitu testamentarju, iżda jibagħtu lill-qorti tas-suċċessjoni.

Kull min jiddikjara li għandu interess legali fih, b’mod partikolari minħabba li jiddikjara li jkun benefiċjarju tad-depożitu testamentarju, jista’ jitlob li dan jinfetaħ.

Skont id-dritt Awstrijak, ma jsirx qari solenni jew formali tat-testment, iżda jitfassal biss rekord ta’ aċċettazzjoni mingħajr il-preżenza tal-partijiet. L-Artikolu 152(1) tal-Außerstreitgesetz (l-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi):

“(1) Il-kummissarju tal-qorti għandu jaċċetta atti relatati ma’ struzzjonijiet testamentarji (testmenti, depożiti testamentarji oħra) u r-revoka tagħhom, ftehimiet dwar il-patrimonju, suċċessjoni u ishma riżervati u r-revoka tagħhom jew dikjarazzjonijiet oħra fil-każ ta’ mewt, u għandu jikkwota f’rekord ta’ aċċettazzjoni ċ-ċirkostanzi kollha li jkunu rilevanti għall-valutazzjoni tal-awtentiċità u l-validità tagħhom, bħal jekk id-dokument kienx issiġillat u jekk kellux difetti esterni.”

Ladarba r-rekord ikun tfassal, il-kummissarju tal-qorti għandu jibgħat kopja mhux iċċertifikata tad-dokumenti aċċettati lill-partijiet involuti fil-proċedimenti u lill-persuni kollha li, abbażi tal-proċess, jiġu mħarrka skont il-liġi dwar is-suċċessjoni. Skont il-formulazzjoni tal-liġi, dawn iridu għalhekk fi kwalunkwe każ jintbagħtu lill-werrieta testamentarji, lill-persuni intitolati għal ishma riżervati u lill-werrieta legali l-oħra.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna