1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- Ir-Reġistru tal-Kummerċ (Obchodní rejstřík)
- Id-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (Centrální depozitář cenných papírů)
- Ir-Reġistru tal-Insolvenzi (Insolvenční rejstřík)
- Ir-Reġistru tad-Dokumenti tas-Sistema li Tirregola l-Beni tal-Miżżewġin (Seznam listin o manželském majetkovém režimu)
- Ir-Reġistru tal-Vetturi tat-Triq (Registr silničních vozidel)
- Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru (Letecký rejstřík)
- Ir-Reġistru Ċentrali tal-Armi (Centrální registr zbraní)
- Ir-Reġistru tal-Bastimenti u r-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar (Plavební rejstřík, rejstřík malých plavidel)
- Ir-Reġistru tal-Artijiet (Katastr nemovitostí)
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
Ir-Reġistru tal-Kummerċ
Ir-Reġistru tal-Kummerċ huwa ċentralizzat. Huwa rregolat bl-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi, (disponibbli bl-Ingliż hawnhekk). Ir-Reġistru tal-Kummerċ huwa miżmum f’format elettroniku. Is-sit web jipprovdi aċċess mill-bogħod u l-possibbiltà li tinkiseb kopja elettronika ċċertifikata b’mod uffiċjali. Il-bażi tad-data online tippermetti wkoll tfittxijiet fuq il-bażi tal-persuni fiżiċi involuti. Sabiex tfittex entità, huwa neċessarju li tkun taf isimha, in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha jew ir-referenza tal-fajl li biha tkun reġistrata taħt il-qorti tar-reġistru kompetenti, u, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, tal-anqas kunjomhom. L-informazzjoni kollha fir-reġistru hija biċ-Ċek biss. L-aċċess mill-bogħod u l-kopji elettroniċi ċċertifikati b’mod uffiċjali huma mingħajr ħlas.
Fuq talba, il-qorti tar-reġistru toħroġ kopja stampata ċċertifikata b’mod uffiċjali tal-entrata jew tad-dokumenti ddepożitati fir-reġistru tad-dokumenti. L-ammont mitlub għall-ħruġ tal-kopja ċċertifikata ma jistax ikun ogħla mill-ispejjeż amministrattivi li fil-fatt ikunu involuti sabiex tinħareġ.
Il-persuna msemmija f’entrata ma għandhiex id-dritt li teċċepixxi li l-entrata ma taqbilx mar-realtà fil-konfront ta’ persuna li taġixxi legalment u bona fide abbażi tal-entrata (pubbliċità materjali).
Ir-Reġistru tal-Kummerċ jirreġistra l-persuni/l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 42 tal-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi. Id-dettalji mdaħħlin fir-reġistru pubbliku huma stabbiliti fl-Artikolu 25 tal-Att. Id-dettalji addizzjonali rreġistrati fil-każ ta’ korporazzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Att.
Id-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli
Fir-Repubblika Ċeka, ir-rekords ta’ strumenti finanzjarji ma humiex ċentralizzati.
Wieħed mill-korpi li jipprovdi din l-informazzjoni huwa d-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (Centrální depozitář cenných papírů, a.s.).
Id-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli ma jaqsamx rendikonti ma’ ħadd ieħor għajr mad-detentur tal-kont. L-eċċezzjonijiet għar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali huma stabbiliti fl-Artikolu 115 tal-Att 256/2004, l-Att dwar in-Negozjar fis-Swieq Kapitali, li jippermetti li informazzjoni mir-rekords tinqasam, pereżempju, ma’ nutara fil-kapaċità tagħhom bħala kummissarji ġudizzjarji fi kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni.
Id-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli jaqsam informazzjoni wkoll ma’ nutara jew ma’ qrati barranin permezz tal-intermedjarju tal-qorti Ċeka kompetenti li tkun irċiviet talba mingħand il-qorti barranija għal informazzjoni dwar il-patrimonju tat-testatur.
Għal dan l-għan, trid tingħata prova tad-dritt ta’ verifika tal-patrimonju tat-testatur speċifiku inkwistjoni. F’konformità mal-Artikolu 116(6) tal-Att dwar in-Negozjar fis-Swieq Kapitali, id-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli għandu l-permess li jitlob ħlas sabiex ikopri l-ispejjeż amministrattivi mġarrbin.
Reġistru tal-Insolvenzi
Ir-Reġistru tal-Insolvenzi fih lista ta’ operaturi insolventi, lista ta’ debituri u fajls ta’ insolvenzi. Ir-Reġistru tal-Insolvenzi huwa aċċessibbli pubblikament. Kulħadd għandu d-dritt jikkonsultah u jikseb kopji u siltiet minnu. L-aċċess għar-Reġistru tal-Insolvenzi huwa mingħajr ħlas. L-informazzjoni kollha fih hija biċ-Ċek. Fuq talba, il-qorti tal-insolvenza toħroġ output iċċertifikat.
Id-data tiddaħħal fil-lista ta’ debituri mill-qorti tal-insolvenza malli jseħħ kwalunkwe avveniment relatat mal-proċedimenti ta’ insolvenza u mhux aktar tard minn 7 ijiem minn meta jseħħ l-avveniment. Malli jinħatar amministratur tal-insolvenza, il-qorti tal-insolvenza tirreġistra dan fil-lista ta’ debituri. Fir-reġistru tal-insolvenzi, il-qorti tal-insolvenza tippubblika s-sottomissjonijiet kollha lir-rekords tal-qorti miżmumin mill-qorti tal-insolvenza fir-rigward tad-debitur, f’ordni kronoloġika, filwaqt li tiddikjara d-data tat-tidħil tad-deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza meħuda fil-proċedimenti ta’ insolvenza jew f’tilwimiet inċidentali.
Reġistru tad-Dokumenti tas-Sistema li Tirregola l-Beni tal-Miżżewġin
Il-liġi Ċeka ma fiha l-ebda regola speċifika relatata mal-proprjetà ta’ sħab irreġistrati.
Ir-Reġistru tad-Dokumenti tas-Sistema li Tirregola l-Beni tal-Miżżewġin jinżamm f’forma elettronika mill-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka (Notářská komora ČR) (http://www.nkcr.cz/). Ir-Reġistru huwa ċentralizzat u jippermetti l-konsultazzjoni pubblika ta’ jekk koppja miżżewġa biddlitx is-sistema li tirregola l-beni tagħha u qablitx li tagħmel din l-informazzjoni pubblika, jew jekk inħarġitx deċiżjoni tal-qorti dwar is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin.
Ir-Reġistru jista’ jiġi kkonsultat b’mod elettroniku hawnhekk: https://rejstrik.nkcr.cz/, u l-kriterju tat-tiftix huwa d-data tat-twelid ta’ xi ħadd mill-konjuġi. Jekk ir-Reġistru jinkludi data dwar dokument reġistrat, l-applikazzjoni tippermetti li ssir talba għall-ġenerazzjoni ta’ kopja f’format PDF. Billi juża dan id-dokument ta’ talba, il-klijent imbagħad ikun jista’ jitlob lil kwalunkwe nutar (https://www.nkcr.cz/seznam-notaru) joħroġ kopja tad-dokument (jew tal-kontenut tiegħu) mir-Reġistru. It-talba tista’ ssir b’mod elettroniku wkoll (pereżempju bil-posta elettronika). Il-kopja tad-dokument mir-Reġistru magħmula min-nutara hija kopja ta’ dokument aċċessibbli pubblikament. L-informazzjoni hija pprovduta biċ-Ċek.
Il-konsultazzjoni tar-Reġistru u n-notifika ta’ kopja ta’ dokument huma soġġetti għat-tariffi stabbiliti fil-Kodiċi tan-Nutara (l-Att Nru 358/1992) u fl-Iskeda tat-Tariffi tan-Nutara (l-Att Nru 196/2001).
Ir-Reġistru tal-Vetturi tat-Triq
Ir-Reġistru tal-Vetturi tat-Triq huwa sistema ta’ informazzjoni li ma hijiex aċċessibbli pubblikament ġestita mill-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika Ċeka. L-aċċess għar-reġistru jingħata lil muniċipalitajiet b’kompetenza estiża. Fuq talba, jistgħu jaqsmu informazzjoni mir-Reġistru ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu juru interess ġuridiku. Is-sid jew l-operatur tal-vettura ma huwiex meħtieġ juri interess ġuridiku. L-awtoritajiet kompetenti jipprovdu wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi bid-data mir-Reġistru li jeħtieġu sabiex iwettqu dmirijiethom. It-talbiet għal informazzjoni mir-Reġistru tal-Vetturi tat-Triq isiru billi tintuża l-formola stabbilita. Il-formola hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tat-Trasport HAWNHEKK. Il-kunsill lokali ta’ muniċipalità b’kompetenza estiża jista’ jipprovdi wkoll informazzjoni mir-Reġistru f’forma elettronika.
Il-Ministeru tat-Trasport ma jimmaniġġjax talbiet mingħand awtoritajiet barranin responsabbli għal proċedimenti ta’ suċċessjoni għal informazzjoni dwar vetturi konnessi mal-persuna deċeduta. L-awtorità barranija jeħtiġilha tippreżenta din it-talba permezz ta’ qorti Ċeka, li tivverifika jekk l-awtorità barranija li tkun qed tagħmel it-talba tkunx intitolata sabiex tingħata l-informazzjoni. Imbagħad, il-qorti tippreżenta talba għal informazzjoni mingħand ir-Reġistru lill-muniċipalità kompetenti b’kompetenza estiża għall-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.
Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru
Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru huwa reġistru aċċessibbli pubblikament ġestit ċentralment mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (https://www.caa.cz/letadlova-technika/letecky-rejstrik/). Kwalunkwe persuna tista’ tikkonsulta r-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru u titlob kopja jew silta tal-informazzjoni li fih mingħand l-Awtorità. Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk: https://lr.caa.cz/letecky-rejstrik. Barra minn hekk, huwa possibbli li tintalab informazzjoni mir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru mingħand l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili bil-posta jew b’mod elettroniku hawnhekk podatelna@caa.cz.
Ir-Reġistru Ċentrali tal-Armi
Ir-Reġistru Ċentrali tal-Armi huwa sistema ta’ informazzjoni li ma hijiex aċċessibbli pubblikament ġestita mill-pulizija (https://www.policie.cz/). Fir-Repubblika Ċeka, persuni li jirresjedu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka biss jistgħu jkunu sidien ta’ armi. Meta jmut sid ta’ arma, tintbagħat notifika mir-reġistru bażiku tal-popolazzjoni lir-Reġistru Ċentrali tal-Armi. Il-korp tal-pulizija kompetenti jipprovdi informazzjoni dwar is-sid deċedut u l-armi tiegħu lill-awtorità kompetenti li tmexxi l-proċedimenti ta’ suċċessjoni. L-awtoritajiet barranin jeħtiġilhom jipprovdu prova li jkunu qegħdin imexxu l-proċedimenti ta’ suċċessjoni għall-individwu inkwistjoni. It-talba għal informazzjoni tista’ tintbagħat bil-posta jew b’mod elettroniku b’firma elettronika.
Ir-Reġistru tal-Bastimenti u r-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar
Ir-Reġistru tal-Bastimenti huwa reġistru pubbliku, filwaqt li r-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar huwa rekord mhux pubbliku ta’ informazzjoni. Huma ġestiti mill-Amministrazzjoni Statali tan-Navigazzjoni (http://www.plavebniurad.cz/).
Huwa possibbli li jsir tiftix fir-Reġistru tal-Bastimenti billi jintuża n-numru ta’ reġistrazzjoni (6 figuri) jew bin-Numru Uniku Ewropew ta’ Identifikazzjoni tal-Bastiment, l-ENI, (8 figuri) hawnhekk: https://plavebniurad.cz/dok-pl/plavebni-rejstrik.
Fuq talba, l-Amministrazzjoni tan-Navigazzjoni tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi bid-data mir-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar li jeħtieġu sabiex iwettqu dmirijiethom. Taqsam data wkoll ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu juru interess ġuridiku; is-sid jew l-operatur tal-bastiment ma huwiex meħtieġ juri interess ġuridiku.
Fuq talba, huwa possibbli li jsir tiftix fir-reġistru fuq il-bażi tad-dettalji tas-sid irreġistrati fir-reġistru, inklużi tal-anqas ismu u kunjomu, id-data tat-twelid tiegħu, jew il-post ta’ residenza tiegħu. Informazzjoni dwar parametri tekniċi hija siewja wkoll. L-Amministrazzjoni tan-Navigazzjoni taċċetta talbiet bil-posta jew b’mod elettroniku b’firma elettronika.
Ir-Reġistru tal-Artijiet
Ir-Reġistru tal-Artijiet fih informazzjoni dwar proprjetà immobbli u min hu sidha. Id-dettalji ta’ kuntatt tar-Reġistru jistgħu jinstabu hawnhekk Indirizzi. Huma stabbiliti reġistri individwali tal-artijiet għal żoni ġeografiċi differenti, u sabiex jinstabu d-dettalji ta’ kuntatt speċifiċi, l-ewwel huwa neċessarju li jintgħażel ir-reġun rilevanti tar-Repubblika Ċeka. Ir-Reġistru tal-Artijiet huwa konness madwar ir-Repubblika Ċeka u kull fergħa lokali għandha aċċess għar-Reġistru Ċentrali tal-Artijiet.
L-informazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet hija disponibbli pubblikament. Madankollu, l-aċċess mingħajr ħlas huwa limitat, u l-aċċess sħiħ huwa soġġett għal tariffa. Informazzjoni speċifika dwar x’data hija pprovduta u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tinstab hawnhekk. Id-Dipartiment tas-Servizz għall-Utenti tal-Amministrazzjoni Ċeka għall-Istħarriġ tal-Art u għar-Reġistru tal-Artijiet (Český úřad zeměměřictví a katastru) jipprovdi aċċess sabiex jiġu kkonsultati d-drittijiet ta’ sjieda u oħrajn relatati mal-proprjetà immobbli rreġistrati għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi fit-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka għal applikanti li għandhom dritt legali sabiex jagħmlu użu minn dik l-informazzjoni mingħajr ħlas (id-dettalji ta’ kuntatt hawnhekk).
Jistgħu jsiru tfittxijiet online għal irqajja’, għal bini u għal unitajiet. Jistgħu jsiru tfittxijiet għal proċeduri wkoll.
Ir-Reġistru tal-Artijiet jistgħu jiġu kkuntattjati mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħrajn, iżda din ma hijiex prattika standard u, għalhekk, ma nissuġġerux li jsir hekk. Huwa aktar effettiv li tiġi kkuntattjata l-qorti kompetenti lokali.
L-informazzjoni hija pprovduta biċ-Ċek. Ir-Reġistru tal-Artijiet jipprovdi kopji ċċertifikati.
Id-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu rreġistrati d-drittijiet fir-Reġistru tal-Artijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 6 ff. tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet Nru 256/2013.
Il-każijiet speċifiċi ta’ reġistrazzjoni tad-drittijiet fuq il-bażi ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huma rregolati mill-Artikolu 69(6) tad-Digriet dwar ir-reġistru tal-artijiet 357/2013.
Id-drittijiet huma stabbiliti, emendati jew estiżi fuq il-bażi ta’ entrata fir-Reġistru tal-Artijiet.
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
Sabiex titfittex informazzjoni dwar kont tal-bank, huwa neċessarju li jiġu identifikati l-banek li magħhom it-testatur kellu kontijiet (ma hemm l-ebda reġistru ċentrali), u li wara tintbagħat talba skont ir-Regolament (UE) 2020/1783 lill-qorti distrettwali jew lill-qorti distrettwali ta’ Praga li tkun kompetenti għall-post fejn il-bank inkwistjoni jkollu l-uffiċċju ewlieni tiegħu. Kwalunkwe dokument ta’ sostenn li jindika d-dettalji tal-proċedimenti kurrenti ta’ suċċessjoni jkun ta’ għajnuna, iżda ma jkunx meħtieġ bilfors.
It-talba trid tinkludi tal-anqas l-isem, il-kunjom, u d-data tat-twelid tad-detentur tal-kont. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali tista’ tiffaċilita t-tfittxija. L-informazzjoni pprovduta ma hijiex soġġetta għal xi tariffa.
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Fir-Repubblika Ċeka, reġistru tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huwa ġestit mill-Uffiċċju tal-Kunfidenzjalità Industrijali - l-informazzjoni rilevanti kollha tista’ tinstab hawnhekk.
Id-dettalji ta’ kuntatt:
Industrial Property Office (Úřad průmyslového vlastnictví)
Antonína Čermáka 2a
160 68 Prague 6 - Bubeneč
Tel/Faks: 220 383 111 / 224 324 718
Posta elettronika: posta@upv.gov.cz
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Ir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet (Centrální evidence exekucí)
Ir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet huwa reġistru pubbliku ġestit mill-Kamra Ċeka tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Exekutorská komora ČR) (https://www.ekcr.cz/). Ir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet huwa ċentralizzat u jipprovdi informazzjoni dwar proċedimenti speċifiċi ta’ eżekuzzjoni, bħal jekk infetħux proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni fir-rigward ta’ persuna speċifika.
L-informazzjoni fir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet hija aċċessibbli pubblikament u tista’ tiġi kkonsultata minn utenti reġistrati u mhux reġistrati fuq https://www.ceecr.cz/. Il-kriterju ta’ tiftix huwa l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid jew in-numru tal-ID tal-persuna. It-talbiet jiġu aċċettati wkoll f’forma elettronika, dment li jkunu ġew iffirmati b’firma elettronika kwalifikata. Siltiet mir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet jistgħu jinkisbu wkoll personalment billi wieħed imur il-Kamra tal-Uffiċjali Ġudizzjarji fi Praga jew f’Brno, jew f’uffiċċju taċ-Česká pošta b’CzechPOINT. Mistoqsijiet dwar proċedimenti ta’ eżekuzzjoni speċifiċi jridu jiġu indirizzati lil uffiċjali ġudizzjarji individwali fir-reġistru tal-uffiċjali ġudizzjarji.
Fil-każ ta’ persuni deċeduti, importanti li jiġi osservat li, fiż-żmien tat-talba, jista’ jkun li l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jkunu ġew ittrasferiti lil persuna oħra (bħal werriet) jew ingħalqu. F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni kurrenti, ma jkunx possibbli li l-każ inkwistjoni jinstab fir-Reġistru Ċentrali tal-Eżekuzzjonijiet billi tintuża d-data personali tal-persuna deċeduta.
L-aċċessar tal-informazzjoni fir-Reġistru huwa soġġett għal tariffa stabbilita mid-Digriet Nru 329/2008 dwar ir-reġistru ċentrali tal-eżekuzzjonijiet.
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Testment jista’ jinżamm bil-modi li ġejjin:
- Jekk testment jew trasferiment causa mortis ieħor ma jkunx fil-forma ta’ att notarili, iżda jkun tfassal mit-testatur bħala strument privat, jista’ jiġi ddepożitat ma’ nutar sabiex jissalvagwardjah. Id-dokument oriġinali jibqa’ għand in-nutar, li joħroġ rekord tad-depożitu, u mbagħad jirreġistrah fir-Reġistru tal-Atti Legali Causa Mortis (Evidence právních jednání pro případ smrti) ġestit mill-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka.
- Ma hemm l-ebda regola speċifika li tkopri każijiet li fihom id-dokument ma jiġix iddepożitat ma’ nutar. L-aktar xenarji komuni huma depożitu kompletament informali ma’ qraba, ma’ werrieta, id-dar, ma’ avukat jew f’bank.
Fi proċedimenti ta’ suċċessjoni, kwalunkwe persuna fil-pussess ta’ trasferiment causa mortis mill-persuna deċeduta jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor rilevanti għall-proċedimenti ta’ suċċessjoni jeħtiġilha tipprovdih lill-qorti fuq talba. Nuqqas ta’ konformità ma’ din it-talba jista’ jkun punibbli b’multa proċedurali.
Il-kontenut u l-istatus ta’ dokumenti li ma kinux irreġistrati u li ġew ippubblikati biss matul il-proċedimenti jiġu vverifikati minn kummissarju tal-qorti. Nutar jivverifika l-kontenut tat-testmenti ex officio.
Verifika pubblika tal-kontenut u tal-istatus tad-dokument tikkonċerna biss dokumenti li jkunu ġew iddepożitati ma’ nutar għas-salvagwardja u li ma ġew ifformulati bħala atti notarili. F’dan il-każ, il-kontenut u l-istatus tad-dokumenti jiġu vverifikati pubblikament, li jfisser li n-nutar, filwaqt li jaġixxi bħala kummissarju tal-qorti, jikkomunika d-data tal-qari lill-persuni li l-investigazzjoni inizjali tindika li jkunu l-werrieta.
Din il-proċedura ma tapplikax għal dokumenti fformulati bħala atti notarili, jew għal dokumenti li ma ġewx irreġistrati, bħal dokumenti li t-testatur żamm id-dar jew iddepożita ma’ avukat jew ma’ persuna oħra, bħall-werrieta jew l-eżekuturi.