1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Ir-reġistri ewlenin fir-Rumanija li fihom informazzjoni ta’ rilevanza għas-suċċessjonijiet huma kif ġejjin:
- Cartea funciară (ir-Reġistru tal-Artijiet)
- Registrele de stare civilă (ir-Rekords tal-Istat Ċivili)
- Registrul național notarial al regimurilor matrimoniale (RNNRM, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tar-Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali)
- Registrul național notarial de evidență a liberalităților (RNNEL, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet)
- Registrul național notarial de evidență a opțiunilor succesorale (RNNOS, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Opzjonijiet tas-Suċċessjoni)
- Registrul național notarial de evidență a procurilor și a revocărilor acestora (RNNEPR, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Prokuri u tar-Revoka tagħhom)
- Registrul național notarial de evidență a succesiunilor cu element de extraneitate (RNNES, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Suċċessjonijiet b’Elementi transfruntieri)
- Registrul National de Publicitate Mobiliară (RNPM, ir-Reġistru Nazzjonali ta’ Proprjetà Mobbli)
- Registrul Comerțului (ir-Reġistru Kummerċjali)
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
1. Cartea funciară (ir-Reġistru tal-Artijiet)
Ir-Reġistru tal-Artijiet jiddeskrivi l-proprjetà immobbli u jistabbilixxi d-drittijiet in rem assoċjati mal-proprjetà.
Kif previst mil-liġi, l-entrati fir-Reġistru tal-Artijiet jistgħu jinkludu wkoll drittijiet oħrajn, fatti legali jew rapporti, u jekk dawn ikunux assoċjati mal-proprjetà immobbli mdaħħla fir-Reġistru tal-Artijiet.
Skont it-tifsira ta’ din l-intestatura, il-proprjetà immobbli tirreferi għal roqgħa waħda jew aktar irqajja’ kontigwi, irrispettivament mill-kategorija ta’ użu, b’kostruzzjonijiet jew mingħajr, li jappartjenu għall-istess sid, li jinsabu fit-territorju ta’ unità amministrattiva-territorjali u li jkunu identifikati permezz ta’ numru katastali uniku.
Il-katast u r-Reġistru tal-Artijiet jifformaw sistema uniformi obbligatorja ta’ fajls tekniċi, ekonomiċi u legali ta’ importanza nazzjonali, għall-proprjetà immobbli kollha fit-territorju nazzjonali.
L-Agenția Națională de Cadastru și Publicitate Imobiliară (A.N.C.P.I., l-Aġenzija Nazzjonali għar-Reġistrazzjoni tal-Katasti u tal-Artijiet) tikkoordina u tikkontrolla l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet katastali u tiżgura li l-proprjetajiet immobbli jkunu reġistrati fir-Reġistru ta’ proprjetà mobbli madwar il-pajjiż.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-istituzzjoni huma disponibbli fuq: https://www.ancpi.ro/.
2. Registrele de stare civilă (ir-Rekords tal-Istat Ċivili)
Ir-Rekords tal-Istat Ċivili huma dokumenti li fuq il-bażi tagħhom jitfasslu ċ-ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt. Fl-arkivji, ir-Rekords tal-Istat Ċivili jitqiegħdu f’ordni u jiġu organizzati f’unitajiet amministrattivi-territorjali, bid-dokumenti u bl-atti kollha f’ordni kronoloġiku.
3. Registrul național notarial al regimurilor matrimoniale (RNNRM, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tar-Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali)
Ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali (RNNRM) iżomm rekord, għall-effetti fir-rigward ta’ partijiet terzi, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali magħżul mill-konjuġi. Ċertifikati taż-żwieġ għal żwiġijiet mill-1 ta’ Ottubru 2011 iridu jkunu reġistrati, u hekk ukoll kuntratti taż-żwieġ u atti li jemendaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq: https://cnarnn.infonotsystems.ro/ersan/
4. Registrul național notarial de evidență a liberalităților (RNNEL, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet)
It-tipi li ġejjin ta’ atti legali, konklużi minn nutara pubbliċi jew minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet Rumeni speċjalizzati jridu jiddaħħlu fir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Testmenti u ta’ Donazzjonijiet Awtentiċi (RUNNEL): testmenti, emendi u supplimenti għalihom (kodiċilli); dikjarazzjonijiet tar-revoka ta’ testmenti; irtirar tar-revoka tat-testmenti; depożizzjonijiet testamentarji rigward somom ta’ flus, valuri jew titoli depożitati f’istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjalizzati u revoki ta’ dawn tal-aħħar, eċċ.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq: https://cnarnn.infonotsystems.ro/ersan/
5. Registrul național notarial de evidență a opțiunilor succesorale (RNNOS, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Opzjonijiet tas-Suċċessjoni)
Ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Opzjonijiet tas-Suċċessjoni jżomm rekord, għall-effetti fir-rigward ta’ partijiet terzi, tal-atti notarili kollha li jikkonċernaw l-aċċettazzjoni u/jew ir-rinunzja ta’ wirt, imħejjijin f’forma awtentika, kif ġej: dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja ta’ wirt awtentikati sal-iskadenza għal din l-opzjoni, mill-1995 sal-lum; dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ wirt (li skont dawn, is-suċċessuri jiddikjaraw wara li tkun għaddiet l-iskadenza għall-opzjoni li ma fehmux li kienu kisbu l-istatus ta’ werriet), mill-2007 sal-lum; dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ wirt taħt il-benefiċċju tal-inventarju, awtentikati mill-1995 sal-31 ta’ Marzu 2012; id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ aċċettazzjoni pura u sempliċi, awtentikati mill-2007 sal-lum.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq: https://cnarnn.infonotsystems.ro/ersan/
6. Registrul național notarial de evidență a procurilor și a revocărilor acestora (RNNEPR, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Prokuri u tar-Revoka tagħhom)
Fil-kuntest ta’ suċċessjonijiet ikkontestati fi proċeduri notarili, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Prokuri u tar-Revoka tagħhom huwa importanti għaliex iżomm rekord tal-prokuri/mandati kollha mogħtijin matul il-proċeduri notarili rigward tilwimiet dwar wirt, u wkoll l-atti espliċiti kollha sabiex jiġu rrevokati. L-atti għar-revoka ta’ prokuri ilhom jiġu rreġistrati mill-2007 u, mill-2013, bdew jiġu rreġistrati wkoll il-prokuri ta’ rilevanza għall-attività notarili.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq: https://cnarnn.infonotsystems.ro/ersan/
7. Registrul național notarial de evidență a succesiunilor cu element de extraneitate (RNNES, ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tas-Suċċessjonijiet b’Elementi transfruntieri)
Ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tas-Suċċessjonijiet b’Elementi Transfruntieri (RNNES) iżomm rekord tal-każijiet ta’ suċċessjoni mill-2007 relatati ma’ ċittadini Rumeni, barranin u mingħajr stat li l-aħħar domiċilju tagħhom ma jkunx magħruf jew li ma jinsabux fit-territorju Rumen, u li l-assi tagħhom ikunu baqgħu r-Rumanija, u anki s-soluzzjonijiet ta’ ċertifikati Ewropej tas-suċċessjoni, meta jkun xieraq.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq: https://cnarnn.infonotsystems.ro/ersan/
8. Registrul National de Publicitate Mobiliară (RNPM, ir-Reġistru Nazzjonali tal-Proprjetà Mobbli)
Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Proprjetà Mobbli huwa l-ordinament ġuridiku għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà mobbli li japplika għal ipoteki, trusts, avviżi speċifiċi, prodotti titolizzati u bonds ipotekarji. Ir-Reġistru Nazzjonali ta’ Proprjetà Mobbli huwa strutturat skont il-persuni u l-proprjetà, bil-funzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-proprjetajiet fil-każ ta’ eżekuzzjoni furzata, tal-pubblikazzjoni ta’ atti legali u ta’ operazzjonijiet previsti mil-liġi.
9. Registrul Comerțului (ir-Reġistru Kummerċjali)
Ir-Reġistru Kummerċjali huwa s-servizz pubbliku ta’ interess ġenerali għar-reġistrazzjoni u għad-divulgazzjoni ta’ professjonisti awtorizzati li jkunu kummerċjanti waħdiena, ta’ impriżi individwali u ta’ negozji tal-familja, u ta’ professjonisti li jkunu kumpaniji, kumpaniji Ewropej, kumpaniji korporattivi, kumpaniji kooperattivi Ewropej, organizzazzjonijiet ta’ kreditu kooperattivi, gruppi b’interess ekonomiku u gruppi Ewropej b’interess ekonomiku, li jkollhom l-uffiċċji reġistrati fir-Rumanija, kif ukoll għar-reġistrazzjoni u għad-divulgazzjoni tal-fergħat tagħhom u tal-fergħat tal-persuni ġuridiċi elenkati hawn fuq, li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab barra mill-pajjiż.
Ir-Reġistru Kummerċjali huwa strutturat skont il-kategoriji tar-reġistru li ġejjin, jiġifieri:
- reġistru għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, tal-kumpaniji nazzjonali, tad-ditti nazzjonali, tal-korporazzjonijiet awtonomi, tal-gruppi b’interess ekonomiku, tad-ditti Ewropej, tal-gruppi Ewropej b’interess ekonomiku, u ta’ persuni ġuridiċi oħrajn espressament previsti mil-liġi, bl-uffiċċju reġistrat tagħhom fir-Rumanija u, meta xieraq, fergħat ta’ persuni ġuridiċi bl-uffiċċju reġistrat tagħhom barra mill-pajjiż;
- reġistru għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji kooperattivi u ta’ kumpaniji kooperattivi Ewropej bl-uffiċċju reġistrat tagħhom fir-Rumanija, il-fergħat tagħhom u, meta xieraq, il-fergħat ta’ kumpaniji kooperattivi jew ta’ kumpaniji kooperattivi Ewropej bl-uffiċċju reġistrat tagħhom barra mill-pajjiż;
- reġistru għar-reġistrazzjoni ta’ persuni fiżiċi awtorizzati, ta’ intrapriżi individwali u ta’ intrapriżi tal-familja bl-uffiċċju reġistrat u, meta xieraq, bis-siti tax-xogħol tagħhom fir-Rumanija.
Id-dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru huma disponibbli fuq is-sit web tal-istituzzjoni: https://www.onrc.ro/index.php/ro/
Uħud mir-reġistri msemmijin hawn fuq joperaw fil-livell nazzjonali. Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-Reġistru Notarili Nazzjonali tar-Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali (RNNRM) u tar-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet (RNNEL). Ir-rekords dwar l-istat ċivili huma organizzati f’unitajiet amministrattivi-territorjali.
L-uffiċċji għar-reġistrazzjoni tal-katasti u tal-artijiet, organizzati f’kull kontea u fil-belt ta’ Bucharest, joperaw taħt l-awtorità tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Reġistrazzjoni tal-Katasti u tal-Artijiet. Tal-anqas uffiċċju tar-reġistrazzjoni tal-katasti u tal-artijiet wieħed jew, meta xieraq, uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi wieħed jopera taħt l-awtorità tal-uffiċċji territorjali f’kull kostitwenza ġudizzjarja, bħala unitajiet mingħajr personalità ġuridika.
Skont l-Artikolu 334(5) tal-Kodiċi Ċivili, rigward ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tar-Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali (RNNRM), kwalunkwe persuna tista’ tfittex fir-reġistru u, f’konformità mal-liġi, titlob il-ħruġ ta’ siltiet iċċertifikati mingħajr il-ħtieġa li jiġi ġġustifikat interess.
Fir-rigward tal-attività notarili, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, in-nutara pubbliċi għandhom aċċess mingħajr ħlas għall-uffiċċji tar-reġistrazzjoni tal-artijiet u wkoll għall-istituzzjonijiet l-oħrajn sabiex jiksbu d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa bl-għan li jlestu l-proċeduri notarili, u jistgħu jitolbu u jiksbu ċertifikati tat-taxxa f’format stampat jew elettroniku mingħand l-awtorità tat-taxxa kompetenti tal-awtorità amministrattiva pubblika lokali.
Ir-Reġistru Notarili Nazzjonali tar-Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali (RNNRM), ir-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet (RNNEL) u r-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet (RNNEOS) jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ħlas.
L-informazzjoni li trid tiddaħħal fir-reġistri nazzjonali RNNRM, RNNEL u RNNEOS tista’ tiġi pprovduta lill-awtoritajiet nazzjonali.
Fir-rigward tal-RNNRM, tal-RNNEL u tal-RNNEOS, l-għoti ta’ informazzjoni minn dawn ir-rekords fil-livell nazzjonali tista’ tiġi rrifjutata jekk, pereżempju, ma jkunx possibbli li jiġu identifikati b’mod suffiċjenti mit-talba l-persuna jew id-dokument li fir-rigward tagħhom tintalab l-informazzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 1046 tal-Kodiċi Ċivili, għall-finijiet ta’ informar tal-persuni li jistgħu juru l-eżistenza ta’ interess leġittimu, testmenti li jkunu awtentikati jiddaħħlu fir-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet (RNNEL). Madankollu, l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ testment tista’ tingħata biss wara l-mewt tat-testatur.
L-RNNEL jirreġistra u jivverifika t-tipi li ġejjin ta’ dokumenti legali: testmenti, emendi u supplimenti għalihom (kodiċilli); dikjarazzjonijiet tar-revoka ta’ testmenti; irtirar tar-revoka tat-testmenti; depożizzjonijiet testamentarji rigward somom ta’ flus, valuri jew titoli depożitati f’istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjalizzati u revoki ta’ dawn tal-aħħar. Fil-każ ta’ testmenti, ta’ kodiċilli, u ta’ revoki ta’ dawn tal-aħħar, l-att legali ma jintbagħatx għad-dħul fir-reġistru. Ir-reġistru fih informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dawn l-atti biss, iżda mhux dwar il-kontenut tagħhom. Wara l-verifika tal-eżistenza tad-depożizzjoni testamentarja, il-kontenut tat-testment jista’ jinkiseb mingħand in-nutar pubbliku li d-dokument jinżamm fl-arkivju tiegħu jew, meta xieraq, mingħand l-awtoritajiet jew l-istituzzjonijiet Rumeni speċjalizzati.
Il-persuni interessati jistgħu jitolbu verifika tal-eżistenza ta’ testment biss fuq il-bażi ta’ ċertifikat tal-mewt. Fil-każ ta’ verifiki mwettqin permezz ta’ nutar pubbliku, l-informazzjoni mitluba tintbagħtilhom permezz tal-portal, jiġifieri b’mod elettroniku.
L-entrati fir-reġistri nazzjonali u t-tweġibiet għad-domandi jkunu bir-Rumen.
Fuq it-talba tal-persuni interessati li jużaw is-servizzi ta’ nutar pubbliku, in-nutar pubbliku jista’ jitlob data dwar l-eżistenza tad-depożizzjonijiet testamentarji mir-reġistru nazzjonali ta’ fajls permezz ta’ applikazzjoni elettronika u bl-ispejjeż imġarrbin minnu.
It-trasferiment tad-dritt tas-sjieda jiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet fuq il-bażi tad-dokument li jistabbilixxi dan it-trasferiment - pereżempju, l-att awtentiku li jittrasferixxi d-dritt ta’ sjieda tal-proprjetà, iċ-ċertifikat tal-wirt jew id-deċiżjoni tal-qorti. Id-dokument irid jiġi abbozzat f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti bil-liġi, u, bħala regola, irid jidentifika b’mod korrett l-ismijiet tal-partijiet u jirreferi għall-kodiċi numeriku personali jew, meta xieraq, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (jekk ikun ġie allokat wieħed), il-kodiċi ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa jew il-kodiċi ta’ reġistrazzjoni uniku, meta xieraq, assenjat lill-persuni ġuridiċi, u l-proprjetà immobbli trid tiġi individwalizzata permezz ta’ numru tar-reġistru tal-artijiet u numru katastali jew topografiku, meta xieraq.
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
F’każijiet li fihom, f’tilwima dwar proċedimenti tas-suċċessjoni, in-nutar pubbliku Rumen li jittratta t-tilwima dwar il-wirt jeħtieġ informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji miftuħin f’isem il-persuna deċeduta, dan irid jikkuntattja lill-bank inkwistjoni direttament, fuq il-bażi tal-informazzjoni riċevuta mingħand is-suċċessuri, filwaqt li jispeċifika li l-informazzjoni tkun meħtieġa fil-kuntest ta’ fajl tas-suċċessjoni rreġistrat mal-uffiċċju tan-nutar.
L-Artikolu 61(1) tal-Liġi Nru 207/2015 tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali pprovda l-bażi legali għall-ħruġ tal-Ordni Nru 3746/2020 tat-23 ta’ Ottubru 2020 mill-President tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali dwar l-organizzazzjoni u l-operat tar-Reġistru elettroniku ċentrali għall-kontijiet ta’ pagament u għall-kontijiet bankarji identifikati bl-IBAN u għall-approvazzjoni ta’ proċeduri rigward l-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi sabiex jipprovdu informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 61 tal-Liġi Nru 207/2015 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, li jispjega l-proċedura rigward l-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi sabiex jipprovdu informazzjoni lill-korpi tat-taxxa ċentrali, u l-proċedura tar-reġistrazzjoni fis-sistema tal-IT imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi.
L-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali torganizza u toperazzjonalizza r-Reġistru elettroniku ċentrali għall-kontijiet ta’ pagament u għall-kontijiet bankarji identifikati bl-IBAN.
L-uffiċċju reġistrat tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali (ANAF, Agenția Națională de Administrare Fiscală) jinsab Bucharest, Str. Apolodor No 17 Settur 5 tel. 04021-3199750, 04021-3199759, 04021-3199776.
Skont l-Artikolu 61(1)(4) tal-Liġi Nru 207/2015 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, fuq it-talba motivata ta’ korp tat-taxxa lokali jew ta’ awtorità pubblika ċentrali jew lokali, il-korp tat-taxxa ċentrali għandu jipprovdi informazzjoni li tippermettilhom jaqdu d-dmirijiet statutorji tagħhom.
Skont l-Artikolu 61(5)(1) tal-Liġi Nru 207/2015 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 129/2019 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda ċerti atti leġiżlattivi, kif emendata, għandhom aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru elettroniku ċentrali għall-kontijiet ta’ pagament u għall-kontijiet bankarji, jiġifieri:
- il-korpi tal-prosekuzzjoni kriminali;
- l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi inkarigati bi dmirijiet regolatorji, ta’ informazzjoni u ta’ kontroll fil-qasam, bħall-unità tal-intelligence finanzjarja tar-Rumanija, l-awtoritajiet bi dmirijiet ta’ kontroll finanzjarju/fiskali jew l-awtoritajiet bi dmirijiet ta’ kontroll fiskali u l-awtorità doganali;
- Il-korpi Statali speċjalizzati fix-xogħol ta’ intelligence kif previst fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 51/1991 dwar is-sigurtà nazzjonali Rumena, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata;
- l-awtoritajiet amministrattivi u l-istituzzjonijiet awtonomi b’setgħat u b’kontroll regolatorji u superviżorji settorjali fuq il-korpi ta’ rapportar, bħall-Bank Nazzjonali tar-Rumanija, l-Awtorità Superviżorja Finanzjarja u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Logħob tal-Azzard.
Għalhekk, id-data tista’ tintbagħat minn dan ir-reġistru biss lil dawn il-kategoriji ta’ awtoritajiet u ta’ istituzzjonijiet.
Skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 129/2019, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus huwa l-awtorità li tikkoordina t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju b’rabta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell nazzjonali. Dawn jitwettqu f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet u mill-istituzzjonijiet imsemmijin fit-tweġiba ta’ qabel, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali.
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Skont id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 573/1998 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Istat għall-Invenzjonijiet u għat-Trademarks, l-Uffiċċju Statali għall-Invenzjonijiet u għat-Trademarks (OSIM, Oficiul de Stat pentru Invenții și Mărci) huwa l-unika awtorità fir-Rumanija li tagħti protezzjoni tal-proprjetà industrijali li tirreġistra u teżamina t-talbiet fil-qasam tal-proprjetà industrijali, toħroġ titoli ta’ protezzjoni li jagħtu lid-detenturi tagħhom drittijiet esklużivi fit-territorju Rumen, u hija d-depożitarju tar-rekords nazzjonali tal-applikazzjonijiet sottomessi u tar-rekords nazzjonali ta’ titoli ta’ protezzjoni mogħtijin għal invenzjonijiet, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi, disinji u mudelli, topografiji ta’ prodotti semikondutturi, mudelli ta’ utilità u ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari.
Barra minn hekk, fil-qasam tad-dritt tal-awtur, hemm Uffiċċju Rumen għad-Drittijiet tal-Awtur (ORDA, Oficiul Român pentru Drepturile de Autor), li huwa l-unika awtorità regolatorja, iżomm rekords mir-reġistri nazzjonali, u li jissorvelja, jawtorizza, jarbitra u jistabbilixxi sejbiet xjentifiċi u tekniċi fil-qasam tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati, skont il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-OISM huma disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju: https://osim.ro/.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-ORDA huma disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju: https://orda.ro/contact/.
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Reġistru ieħor ta’ rilevanza f’materji ta’ suċċessjoni fir-Reġistru Notarili Nazzjonali ta’ Kredituri ta’ Persuni Fiżiċi u ta’ Oppożizzjonijiet għall-Eżekuzzjoni tad-Diviżjoni tal-Patrimonju (RNNEC, Registrul național notarial de evidență a creditorilor persoanelor fizice și a opozițiilor la efectuarea partajului succesoral). Jirreġistra, għall-effetti fir-rigward ta’ partijiet terzi, talbiet li jsiru minn kredituri kontra persuna fiżika. L-obbligi fiskali ta’ persuni deċeduti jiddaħħlu fir-rekords tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali (ANAF, Agenția Naționale pentru Administrare Fiscală) u tad-Direttorati għat-tariffi u għat-tassazzjoni lokali.
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Skont id-dispożizzjonijiet legali kurrenti, it-testmenti jistgħu jiġu abbozzati f’forma awtentika jew olografika (testment miktub bl-idejn, iffirmat u datat mit-testatur).
Huma biss it-testmenti awtentiċi li jistgħu jiddaħħlu fir-Reġistru Notarili Nazzjonali għal Testmenti Awtentiċi u Donazzjonijiet (RNNEL, Registrul național notarial de evidență a liberalităților). Ma hemm l-ebda kundizzjoni speċjali stabbilita bil-liġi għall-ħżin jew għar-reġistrazzjoni ta’ testmenti olografiċi. Dawn jistgħu jinħażnu mit-testatur, mill-benefiċjarju tat-testment jew minn persuna terza, u jistgħu jiġu sottomessi wkoll fir-repożitorju ta’ awtorità.