1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- Ir-Reġistru tal-artijiet
- Ir-Reġistru tat-twelid, iż-żwiġijiet u l-imwiet
- Ir-Reġistru tal-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali
- Ir-Reġistru tat-testmenti
- Ir-Reġistru kummerċjali Sloven
- Ir-Reġistru tal-vetturi
- Ir-Reġistru tal-bastimenti tal-baħar u r-reġistru tal-bastimenti
- Ir-Reġistru tal-inġenji tal-ajru
- Ir-Reġistru tal-irhna mhux possessorji u l-beni mobbli maqbuda
- Ir-Reġistru tal-insolvenza (avviżi fi proċedimenti ta’ insolvenza)
- Ir-Reġistru tal-kontijiet kurrenti – ara l-punt 3
- Ir-Reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – ara l-punt 4
- Ir-Reġistru ċentrali tat-titoli b’entrata fil-kotba – ara l-punt 5
- Ir-Reġistru tal-armi – ara l-punt 5
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
Reġistru tal-artijiet
Ir-reġistru tal-artijiet huwa reġistru pubbliku li fih tiddaħħal u ssir pubblika informazzjoni dwar titoli fuq beni u fatti legali relatati mal-beni. Dan jinkludi r-reġistru prinċipali u bażi tad-data ta’ dokumenti.
Ir-reġistru prinċipali fih informazzjoni dwar titoli fuq beni u fatti legali relatati mal-beni li l-entrata tagħhom fir-reġistru hija stipulata mil-liġi, filwaqt li l-bażi tad-data tad-dokumenti tinkludi dokumenti li pprovdew il-bażi għall-entrata fir-reġistru prinċipali. Ir-reġistru prinċipali jinżamm bħala bażi tad-data ċentrali kompjuterizzata. L-informazzjoni kollha rreġistrata fi kwalunkwe qorti tar-reġistru tal-artijiet fis-Slovenja tiddaħħal u tinżamm f’dik il-bażi tad-data ċentrali. Il-bażi tad-data tad-dokumenti hija wkoll kompjuterizzata. Fiha dokumenti relatati mal-proċeduri tar-reġistru tal-artijiet li bdew wara l-1 ta’ Mejju 2011. Ir-reġistru tal-artijiet mhuwiex organizzat jew miżmum fuq bażi ta’ reġjun b’reġjun. Il-materji kollha tar-reġistru tal-artijiet huma organizzati b’mod uniformi għall-pajjiż kollu fil-bażi tad-data ċentrali kompjuterizzata.
Ir-reġistru tal-artijiet jinżamm mill-qrati tar-reġistru tal-artijiet, jiġifieri l-qrati lokali. Iż-żamma tar-reġistru tal-artijiet tinkludi t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-entrata fir-reġistru, l-entrati fir-reġistru prinċipali u ż-żamma tal-bażi tad-data tad-dokumenti. L-entrati kollha fir-reġistru tal-artijiet huma pubbliċi, kif ukoll (taħt ċerti kundizzjonijiet) id-dokumenti li abbażi tagħhom saru l-entrati fir-reġistru. Dan ifisser li kulħadd jista’ jikkonsulta jew jikkopja l-informazzjoni fir-reġistru prinċipali, jew jitlob li qorti tar-reġistru tal-artijiet toħroġlu kopja ċċertifikata mir-reġistru tal-artijiet. Kull min jista’ juri interess leġittimu għandu d-dritt li jitlob li qorti tar-reġistru tal-artijiet toħroġlu kopja ta’ dokument mill-bażi tad-data tad-dokumenti u konferma li l-oriġinal jew kopja ċċertifikata tad-dokument tkun iddaħħlet fil-bażi tad-data tad-dokumenti. Il-qrati kollha tar-reġistru tal-artijiet iridu jikkonformaw ma’ talba bħal din. L-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Zakon o zemljiški knjigi) jistabbilixxi r-regoli dwar id-drittijiet u l-fatti legali li jiddaħħlu fir-reġistru tal-artijiet, dwar il-proċedura li biha qorti (lokali) tar-reġistru tal-artijiet tiddeċiedi dwar l-entrata, u dwar it-tħaddim u l-manutenzjoni tar-reġistru tal-artijiet.
L-aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru prinċipali kompjuterizzat jingħata mingħajr ħlas permezz tal-portal online e-ZK (ir-Reġistru elettroniku tal-Artijiet), li huwa parti mill-portal e-Sodstvo (Ġustizzja elettronika) (https://evlozisce.sodisce.si/). Aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni li ġejja mir-reġistru kompjuterizzat prinċipali u kopji stampati tagħha għandhom jingħataw lil kulħadd permezz tal-portal e-ZK:
- informazzjoni (kurrenti) imdaħħla u relatata ma’ beni speċifiku (estratt ordinarju mir-reġistru tal-artijiet);
- informazzjoni mdaħħla qabel relatata ma’ beni speċifiku u mmarkata bħala mħassra minħabba entrati sussegwenti (estratt storiku mir-reġistru tal-artijiet);
- informazzjoni dwar dritt eżerċitat speċifiku jew fatt legali;
- jekk ikun iddaħħal avviż ta’ azzjoni pendenti fir-rigward ta’ beni (entrata sussidjarja li tħabbar pubblikament il-fatt li nbdiet proċedura fir-reġistru tal-artijiet li fiha qorti tar-reġistru tal-artijiet ma tkunx waslet għal deċiżjoni finali dwar l-entrata), l-informazzjoni li ġejja wkoll:
- l-istatus tal-proċedura,
- il-kontenut tal-proposta fir-reġistru tal-artijiet, u
- l-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qorti tar-reġistru tal-artijiet jew tal-qorti tat-tieni istanza rigward l-entrata.
Din l-informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll f’forma fiżika (kopji ċċertifikati fuq il-karta) bi ħlas ta’ tariffa fi kwalunkwe qorti tar-reġistru tal-artijiet, nutar jew unità amministrattiva.
Filwaqt li l-informazzjoni mir-reġistru prinċipali hija disponibbli għal kulħadd, hemm ċerti restrizzjonijiet fuq il-mistoqsijiet li jistgħu jsiru. Minħabba r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali, l-aċċess pubbliku mhux permess għal informazzjoni dwar detenturi ta’ drittijiet li mhumiex marbuta ma’ beni speċifiku, anke jekk is-software jagħmel l-aċċess għal dik l-informazzjoni fir-reġistru prinċipali kompjuterizzat teknikament fattibbli. Dan ifisser li ħadd ma għandu d-dritt li jaċċessa informazzjoni maħżuna fir-reġistru prinċipali kompjuterizzat li tippermettilhom jistabbilixxu jekk persuna speċifika hijiex is-sid ta’ drittijiet oħra għal kwalunkwe beni jew id-detentur tagħhom. Madankollu, xi persuni/entitajiet għandhom id-dritt li jikkonsultaw u jiġbru tali informazzjoni. Dawn jinkludu:
- kreditur li jeħtieġ l-informazzjoni biex jeżegwixxi talba kontra l-persuna kkonċernata, jekk ikun jista’ juri l-eżistenza tat-talba permezz ta’ dokument eżegwibbli li jippermetti l-eżekuzzjoni kontra l-persuna jew permezz ta’ dokumenti jew provi oħra li abbażi tagħhom tista’ tiġi permessa ordni ta’ garanzija kontra l-persuna, u kwalunkwe persuna oħra li tkun tista’ turi interess ġuridiku;
- awtorità tal-gvern ċentrali, jekk teħtieġ l-informazzjoni fi proċedimenti li tkun qed tmexxi kontra l-persuna fil-qafas tas-setgħat tagħha;
- nutar li jeħtieġ l-informazzjoni biex iwettaq il-kompiti notarili tiegħu skont il-liġi li tirregola n-nutara;
- detentur ta’ drittijiet fir-rigward ta’ drittijiet imdaħħla fir-reġistru tal-artijiet għall-benefiċċju tagħhom.
Bidla fil-proprjetà ta’ beni fil-każ ta’ suċċessjoni tiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet ex officio wara deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni. F’deċiżjoni dwar suċċessjoni, il-beni jingħata kodiċi ta’ identifikazzjoni xieraq. Dan ifisser li biex iseħħ it-trasferiment tal-proprjetà, l-ebda dokument ieħor ma jeħtieġ li jiġi ppreżentat u lanqas ma huwa meħtieġ li ssir tiftixa għall-beni jew li jiġi identifikat b’xi mod ieħor.
Il-prinċipju tal-fiduċja japplika għall-validità legali tal-informazzjoni dwar id-drittijiet imdaħħla fir-reġistru tal-artijiet. L-ebda persuna li taġixxi b’onestà f’relazzjonijiet legali u li tistrieħ fuq l-informazzjoni dwar id-drittijiet imdaħħla fir-reġistru tal-artijiet ma tista’ ssofri xi konsegwenzi negattivi bħala riżultat ta’ dan. L-entrati ta’ drittijiet in rem għandhom effett kostituttiv; dan ifisser li, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, it-titoli fuq il-beni jinkisbu jew jieqfu fil-mument li tidħol fis-seħħ entrata fir-reġistru tal-artijiet. L-entrati għandhom ukoll effett ta’ pubbliċità; dan ifisser li jekk tkun permessa l-entrata ta’ dritt jew fatt legali, dak id-dritt jew fatt legali kif imdaħħal fir-reġistru tal-artijiet jitqies magħruf minn kulħadd mill-ħin li jibdew il-ħinijiet tax-xogħol fil-qorti tar-reġistru tal-artijiet fil-jum tax-xogħol wara l-jum li fih il-qorti tar-reġistru tal-artijiet tkun irreġistrat li rċeviet il-proposta għall-entrata tad-dritt jew tal-fatt legali fir-reġistru tal-artijiet jew irċeviet id-dokument li abbażi tiegħu ddeċidiet dwar tali entrata ex officio, u li ħadd ma jista’ jsostni li d-dritt jew il-fatt ma kienx magħruf lilu minn dak il-mument ’il quddiem. Jekk dritt jew fatt legali li l-entrata tiegħu fir-reġistru tal-artijiet hija stipulata bil-liġi ma jkunx fil-fatt imdaħħal, parti terza titqies li ma kinitx konxja ta’ dak id-dritt jew fatt legali, sakemm ma tiġix ipprovduta prova kuntrarja.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije), Tavčarjeva 9, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 366 4444, Posta elettronika: urad.vsrs@sodisce.si.
Reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet
L-awtoritajiet barranin ma għandhomx aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet. L-Artikolu 27 tal-Att dwar ir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet (Zakon o matičnem registru) jipprevedi li d-data personali mir-reġistru tista’ tintuża mill-persunal fil-ministeru responsabbli għall-affarijiet amministrattivi interni u minn awtorità kompetenti għat-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, u li tista’ tintuża wkoll minn utenti oħra mogħtija s-setgħa bil-liġi jew li jaġixxu f’konformità mal-kunsens bil-miktub tal-individwu.
Ir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet jista’ jiġi aċċessat permezz tal-portal tal-Gvern elettroniku (eUprava), għalkemm hija meħtieġa r-reġistrazzjoni bl-użu ta’ identità diġitali.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Ministeru tal-Intern, id-Direttorat għall-Affarijiet Amministrattivi Interni, id-Diviżjoni tar-Reġistrazzjoni tal-Popolazzjoni u d-Dokumenti Pubbliċi (Ministrstvo za notranje zadeve, Direktorat za upravne notranje zadeve, Sektor za registracijo prebivalstva in javne listine), Litostrojska cesta 54, 1501 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 428 4961, Posta elettronika: gp.mnz@gov.si.
Reġistru tal-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali
Ir-reġistru tal-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ġie stabbilit u jinżamm mill-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja (Notarska zbornica Slovenije) (l-Artikoli 90 u 92 tal-Kodiċi tal-Familja (Družinski zakonik)).
Skont l-Artikolu 91 tal-Kodiċi tal-Familja, ir-reġistru tal-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali fih informazzjoni dwar ftehimiet konklużi bil-għan li jsolvu relazzjonijiet patrimonjali. Ir-reġistru fih l-informazzjoni li ġejja:
- in-numru tas-serje u d-data tal-entrata;
- l-ismijiet tal-konjuġi jew tas-sħab mhux miżżewġin, in-numru nazzjonali tal-identifikazzjoni personali (EMŠO) jew id-data, il-post u l-pajjiż tat-twelid ta’ kwalunkwe konjuġi jew sieħeb mhux miżżeweġ li huwa ċittadin barrani, u l-indirizz tar-residenza permanenti jew temporanja tal-konjuġi jew tas-sħab mhux miżżewġin;
- l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tan-nutar li miegħu ġie ddepożitat il-ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali;
- id-data li fiha l-ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ġie konkluż, daħal fis-seħħ, ġie emendat u ma jibqax effettiv.
L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 91 tal-Kodiċi tal-Familja tinġabar u tintuża biex turi l-eżistenza ta’ ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali (l-Artikolu 93(1) tal-Kodiċi tal-Familja). In-natura pubblika tal-informazzjoni dwar jekk jeżistix ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma taffettwax ir-regoli ġenerali dwar il-fiduċja fir-reġistru tal-artijiet u dwar l-assunzjoni ta’ titolu fuq beni kif previst mil-liġi li tirregola r-relazzjonijiet patrimonjali u l-liġi li tirregola r-reġistru tal-artijiet (l-Artikolu 93(3) tal-Kodiċi tal-Familja). Jekk ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jiddaħħalx fir-reġistru, jiġi preżunt, fir-rigward ta’ partijiet terzi, li r-reġim statutorju tal-proprjetà matrimonjali japplika għar-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi (l-Artikolu 94 tal-Kodiċi tal-Familja).
Il-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja tiżgura li l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru tal-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ssir pubblika. Skont l-Artikolu 93(2) tal-Kodiċi tal-Familja, l-informazzjoni li ġejja dwar ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali mdaħħal fir-reġistru hija pubblika:
- l-ismijiet u l-indirizzi tar-residenza permanenti jew temporanja tal-konjuġi jew tas-sħab mhux miżżewġin;
- l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tan-nutar li miegħu ġie ddepożitat il-ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali;
- id-data li fiha ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ddaħħal fir-reġistru, ġie konkluż, daħal fis-seħħ, ġie emendat u ma jibqax effettiv.
Informazzjoni pubblika dwar ir-reġistru u d-dettalji ta’ kuntatt huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja: https://www.notar-z.si/registri/register-pogodb-o-ureditvi-premozenjskopravnih-razmerij.
Fir-rigward tal-ħżin u l-konsultazzjoni ta’ ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, l-Artikolu 88 tal-Kodiċi tal-Familja jipprevedi li l-ftehimiet dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandhom jinħażnu min-nutara skont ir-regoli li jirregolaw lin-nutara. Il-kontenut ta’ ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jista’ jiġi eżaminat minn persuni li jkunu awtorizzati biex jagħmlu dan skont il-liġi li tirregola lin-nutara. Dawk il-persuni jistgħu wkoll jitolbu kopja ċertifikata jew ordinarja tal-att notarili rilevanti. Il-kontenut ta’ ftehim dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jista’ jiġi eżaminat ukoll minn qorti għall-finijiet ta’ proċedimenti li fihom id-deċiżjoni tal-qorti tiddependi fuq il-kontenut ta’ dak il-ftehim.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja (Notarska zbornica Slovenije), Tavčarjeva ulica 2, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 439 2570, Fax: +386 (0)1 434 0247, Posta elettronika: info.nzs@siol.net.
Reġistru tat-testmenti
Ir-reġistru ċentrali tat-testmenti fih informazzjoni dwar testmenti li ġew ikkumpilati fil-forma ta’ att notarili, dwar testmenti miżmuma minn nutar, dwar testmenti fformulati minn avukat jew mogħtija lil avukat għall-kustodja, dwar testmenti tal-qorti, u dwar testmenti mogħtija lil qorti għall-kustodja skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola s-suċċessjoni.
Din l-informazzjoni tinkludi:
- in-numru tas-serje u d-data tal-entrata;
- l-isem sħiħ tat-testatur (għan-nisa miżżewġin, l-isem bħala xebba wkoll);
- in-numru nazzjonali tal-identifikazzjoni personali u l-post tat-twelid tat-testatur, jew id-data, il-post u l-pajjiż tat-twelid tat-testatur jekk dan ikun ċittadin barrani;
- l-indirizz tat-testatur;
- id-data u n-numru ta’ referenza ddikjarati fuq it-testment;
- l-isem sħiħ u l-indirizz tan-nutar li għandu ġie depożitat it-testment, jew l-isem u l-indirizz ta’ persuna jew awtorità oħra li magħha ġie depożitat it-testment;
- it-tip ta’ testment;
- kwalunkwe emenda, kanċellazzjoni jew annullament tat-testment, jekk dan ikun sar f’forma li teħtieġ l-entrata obbligatorja fir-reġistru tat-testmenti skont il-liġi;
- id-data tar-ritorn tat-testment lit-testatur;
- informazzjoni dwar il-mewt tat-testatur; u
- informazzjoni dwar min ikun ikkonsulta r-reġistru.
Ir-reġistru tat-testmenti jinżamm mill-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja.
Id-dettalji ta’ kuntatt huma disponibbli fuq is-sit web tagħha: https://www.registeroporok.si
Ir-reġistru tat-testmenti huwa ċentralizzat fil-livell nazzjonali.
Entrata fir-reġistru tat-testmenti tibqa’ sigrieta sakemm it-testatur ikun ħaj. Wara l-mewt ta’ testatur, l-informazzjoni mir-reġistru ċentrali tat-testmenti tista’ tinkiseb minn qorti u minn persuna li tkun tista’ turi interess leġittimu li tiksibha. Wara l-mewt ta’ testatur, tinħareġ kopja stampata mir-reġistru abbażi ta’ applikazzjoni bil-miktub minn qorti jew minn kwalunkwe persuna oħra li tkun tista’ turi interess leġittimu li tirċeviha.
Sakemm testatur ikun ħaj, persuni jew awtoritajiet oħra ma għandhomx id-dritt li jirċievu informazzjoni mir-reġistru. Wara l-mewt ta’ testatur, tinħareġ kopja stampata mir-reġistru abbażi ta’ applikazzjoni bil-miktub minn qorti jew minn kwalunkwe persuna oħra li tkun tista’ turi interess leġittimu li tirċeviha. L-applikazzjoni irid ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:
- id-dettalji tal-persuna li qed titlob kopja stampata tal-informazzjoni mir-reġistru (l-isem sħiħ u l-indirizz tar-residenza ta’ individwu, l-isem uffiċjali tan-negozju u l-uffiċċju rreġistrat ta’ entità legali, jew l-isem u l-indirizz ta’ qorti);
- id-dettalji tat-testatur (l-isem sħiħ, l-indirizz, in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali jew id-data tat-twelid u d-data tal-mewt);
- l-informazzjoni jew iċ-ċirkostanzi li juru l-interess leġittimu tal-applikant biex jirċievi kopja stampata mir-reġistru.
Ir-reġistru tat-testmenti jservi bħala prova tal-eżistenza ta’ testment.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Kamra tan-Nutara tas-Slovenja (Notarska zbornica Slovenije), Tavčarjeva ulica 2, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 439 2570, Fax: +386 (0)1 434 0247, Posta elettronika: info.nzs@siol.net.
Reġistru kummerċjali Sloven, reġistru tal-qorti
Ir-reġistru kummerċjali Sloven (PRS) huwa l-bażi tad-data ċentrali pubblika kompjuterizzata, ġestita fil-livell nazzjonali, li fiha dettalji tal-entitajiet kummerċjali kollha stabbiliti fis-Slovenja li jwettqu attivitajiet bi profitt jew mingħajr profitt, u tal-fergħat u komponenti oħra tagħhom. Ir-reġistru kummerċjali Sloven fih ukoll reġistru tal-qorti li fih tiddaħħal informazzjoni dwar kumpaniji u l-fergħat ta’ impriżi barranin li jwettqu attività fis-Slovenja, flimkien ma’ informazzjoni dwar entitajiet legali oħra li l-entrata tagħhom fir-reġistru tal-qorti hija stipulata mil-liġi (eż. gruppi ta’ interess ekonomiku, istituti, kooperattivi). Ir-reġistru tal-qorti jinkludi ktieb prinċipali u bażi tad-data tad-dokumenti. Il-ktieb prinċipali fih informazzjoni dwar il-fatti legalment rilevanti li jridu jiddaħħlu u jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-qorti skont l-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti (Zakon o sodnem registru) jew liġi oħra. Id-dokumenti li abbażi tagħhom jiddaħħal fatt legalment rilevanti jew li l-preżentazzjoni tagħhom fil-qorti tar-reġistrazzjoni hija stipulata bil-liġi jiddaħħlu fil-bażi tad-data tad-dokumenti. Ir-regoli dwar ir-reġistru kummerċjali Sloven huma stipulati fl-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali Sloven (Zakon o Poslovnem registru Slovenije) u r-regoli dwar ir-reġistru tal-qorti huma stipulati fl-Att dwar ir-Reġistru tal-Kumpaniji.
Ir-reġistru kummerċjali Sloven jinżamm mill-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u s-Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve, AJPES): Ir-reġistru kummerċjali Sloven. Fil-proċedura għal entrata fir-reġistru tal-qorti, id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-qorti distrettwali li għandha ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn ikun stabbilit is-suġġett tal-entrata.
L-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni (l-istabbiliment) u l-operazzjonijiet (in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem uffiċjali tan-negozju, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, id-dettalji tar-rappreżentanti u l-fundaturi, eċċ.) hija disponibbli għal kull entità kummerċjali mniżżla fir-reġistru kummerċjali Sloven. Ir-reġistru fih ukoll informazzjoni dwar il-membri tal-kumpanija, kif ukoll parteċipazzjonijiet f’kumpaniji b’responsabbiltà limitata u jekk hemmx kollateral mehmuż ma’ dawk il-parteċipazzjonijiet. Ma fihx informazzjoni dwar l-azzjonisti ta’ kumpaniji pubbliċi limitati jew azzjonisti ta’ soċjetajiet limitati.
Informazzjoni dwar entità kummerċjali tista’ tiġi aċċessata u kkonsultata pubblikament permezz tas-sit web tal-AJPES, li jippermetti li jsiru tfittxijiet skont l-entità kummerċjali. Magna tat-tiftix hija disponibbli:
- bis-Sloven: https://www.ajpes.si/prs/ u
- bl-Ingliż: https://www.ajpes.si/prs/Default.asp?language=english.
Is-sit web tal-AJPES jippermetti wkoll li jsiru tfittxijiet għal individwi bil-għan li tinkiseb informazzjoni dwar jekk persuna speċifika hijiex fundatur, membru, rappreżentant jew membru ta’ korp superviżorju ta’ entità kummerċjali partikolari. Din il-magna tat-tiftix hija disponibbli bis-Sloven fuq is-sit web tal-AJPES: https://www.ajpes.si/prs/default_osebe.asp.
Dan li ġej irid jiddaħħal għat-tiftix għal individwi:
- l-isem sħiħ; u
- l-indirizz tar-residenza permanenti jew temporanja fis-Slovenja jew in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali; jew
- l-indirizz tar-residenza barra mill-pajjiż jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa Sloven li persuna li ma jkollhiex numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali tikseb qabel l-entrata inizjali tagħha fir-reġistru kummerċjali Sloven.
Persuna trid tirreġistra (tista’ tagħmel dan b’mod anonimu) qabel ma tkun tista’ tuża r-reġistru kummerċjali Sloven u tikkonsulta l-informazzjoni li fih. Ma jsir l-ebda ħlas għall-użu online tar-reġistru kummerċjali Sloven jew għall-konsultazzjoni tal-informazzjoni li fih. Kopja stampata elettronika tal-informazzjoni (fil-forma ta’ fajl pdf iffirmat elettronikament) tista’ tinkiseb ukoll mingħajr ħlas mis-sit web. Jistgħu jinkisbu dawn li ġejjin:
- kopja stampata ordinarja mir-reġistru tal-qorti (jiġifieri kopja stampata tal-informazzjoni attwali);
- kopja stampata komposta mir-reġistru tal-qorti (jiġifieri kopja stampata ta’ informazzjoni dwar jekk persuna speċifika hijiex fundatur jew membru, rappreżentant jew membru tal-korp superviżorju ta’ entità kummerċjali partikolari);
- estratt storiku mir-reġistru tal-qorti tal-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru wara l-1 ta’ Frar 2008.
Estratt storiku mir-reġistru tal-qorti jista’ jinkiseb ukoll mis-sit web tal-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-1 ta’ Frar 2008. L-estratti elettroniċi bħal dawn mhumiex iffirmati elettronikament.
Tista’ ssir talba lil qorti, nutar jew lill-AJPES għal kopja stampata ċċertifikata bil-miktub ta’ informazzjoni, għalkemm estratt storiku ta’ dan it-tip mir-reġistru tal-qorti jista’ jinkiseb biss minn qorti.
Dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru kummerċjali Sloven:
- L-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve), Tržaška cesta 16, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 477 4200, Posta elettronika: info@ajpes.si.
Dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru tal-qorti:
- Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije), Tavčarjeva 9, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 366 4444, Posta elettronika: urad.vsrs@sodisce.si.
Reġistru tal-vetturi
Ir-reġistru tal-vetturi fih l-informazzjoni kollha dwar vettura li hija meħtieġa fuq iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, dwar ir-reġistrazzjoni tagħha, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ, is-sid tal-vettura jew il-persuna li lilha hija rreġistrata l-vettura, id-dettalji tal-ispezzjonijiet tekniċi, l-assigurazzjoni obbligatorja u informazzjoni teknika oħra. L-informazzjoni dwar is-sid tal-vettura jew il-persuna li lilha hija rreġistrata l-vettura tinkludi l-isem personali jew l-isem uffiċjali tan-negozju, id-data tat-twelid, in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali jew in-numru tar-reġistru ċentrali, u l-istatus tas-sid tal-vettura u l-indirizz tar-residenza permanenti jew temporanja tagħhom jew l-uffiċċju rreġistrat (l-Artikolu 63(3) tal-Att dwar il-Vetturi bil-Mutur (Zakon o motornih vozilih, ZMV-1)).
L-informazzjoni teknika dwar vettura tista’ tiġi aċċessata permezz tal-portal tal-Gvern elettroniku:
https://e-uprava.gov.si/si/javne-evidence/motorna-vozila.html.
Tista’ tinkiseb informazzjoni dwar il-kilometraġġ, l-għadd ta’ sidien, l-ispezzjonijiet tekniċi mwettqa, u l-validità tal-assigurazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-vettura. Hija meħtieġa identità diġitali għal mistoqsijiet personali lir-reġistru tal-vetturi. Għal mistoqsijiet pubbliċi, huma meħtieġa n-numru taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-pjanċa tan-numru.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Ministeru tal-Infrastruttura, id-Direttorat għat-Toroq u t-Trasport bit-Triq (Ministrstvo za infrastrukturo, Direktorat za ceste in cestni promet), Tržaška cesta 19, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 478 8000, Posta elettronika: gp.mzi@gov.si.
Reġistru tal-bastimenti tal-baħar u r-reġistru tal-bastimenti
Iż-żewġ reġistri huma parti mir-reġistru tat-tbaħħir Sloven, li ġie stabbilit bħala reġistru pubbliku skont il-Kodiċi Marittimu (Pomorski zakonik). L-Artikolu 207 tal-Kodiċi Marittimu jipprevedi li l-bastimenti, id-dgħajjes u l-apparati li jżommu f’wiċċ l-ilma għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tat-tbaħħir Sloven skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi. F’konformità mal-Artikolu 207, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II u l-Parti Erbgħa tal-Kodiċi Marittimu japplikaw ukoll b’analoġija għall-bastimenti, id-dgħajjes u l-apparati li jżommu f’wiċċ l-ilma li qed jinbnew. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-referenza għar-reġistru tat-tbaħħir tapplika għaż-żewġ reġistri.
Kull reġistru jinkludi reġistru prinċipali u bażi tad-data tad-dokumenti. Ir-reġistru prinċipali huwa magħmul minn entrati. Entrata tinkludi l-folji A, B u C. Kull bastiment jew dgħajsa tingħata entrata separata. Il-kelma “bastiment” tintuża minn hawn ’il quddiem biex tirreferi wkoll għal inġenji tal-baħar.
Il-Folja A fiha informazzjoni dwar l-identità tal-bastiment jew tal-bastiment li qed jinbena u l-karatteristiċi tekniċi bażiċi tiegħu.
Il-Folja B fiha l-isem u l-indirizz tar-residenza permanenti jew l-isem uffiċjali tan-negozju u l-uffiċċju rreġistrat tas-sid tal-bastiment, flimkien ma’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu liberu tal-bastiment. Il-Folja B fiha wkoll in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali, jew in-numru tar-reġistru ċentrali u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tas-sid jekk dan ma jkunx resident tas-Slovenja, u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-entità legali fejn rilevanti (din l-informazzjoni mhijiex pubblika). Il-Folja B fiha wkoll l-isem u l-indirizz tar-residenza permanenti jew l-isem uffiċjali tan-negozju u l-uffiċċju rreġistrat tas-sid tal-bastiment fil-każ ta’ entrata skont l-Artikolu 210(1)(2) tal-Kodiċi Marittimu. L-isem u l-indirizz tar-residenza permanenti jew l-isem uffiċjali tan-negozju u l-uffiċċju rreġistrat tas-sid tal-bastiment jistgħu jiddaħħlu wkoll fil-folja B tar-reġistru tal-bastimenti li jkunu qed jinbnew. Jekk is-sid jaqbel, id-dettalji ta’ kuntatt (indirizz elettroniku jew numru tat-telefon) jistgħu jiddaħħlu wkoll għal każijiet ta’ emerġenza, bħal tiftix u salvataġġ fuq il-baħar jew il-protezzjoni tal-ħajja umana jew tal-ambjent tal-baħar. Tiddaħħal ukoll kaxxa postali elettronika sigura għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi. Tista’ tiddaħħal ukoll kaxxa postali elettronika oħra għar-rekwiżiti ta’ proċeduri amministrattivi f’konformità mal-liġi li tirregola l-proċedura amministrattiva ġenerali. Din l-informazzjoni mhijiex pubblika u ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra.
Il-Folja C fiha d-drittijiet in rem li jaggravaw bastiment jew parti minnu u t-titoli miksuba abbażi ta’ dawk id-drittijiet, kwalunkwe noleġġ tal-bastiment, il-kuntratt tat-tbaħħir għall-bastiment kollu, id-dritt ta’ prelazzjoni u restrizzjonijiet oħra fuq l-użu tal-bastiment li japplikaw għal kull sid ta’ bastiment aggravat, projbizzjonijiet fuq l-aggravar u d-disponiment, u n-noti u l-osservazzjonijiet l-oħra kollha li mhumiex espliċitament meħtieġa li jiddaħħlu fi kwalunkwe folja oħra.
Minbarra d-dokumenti, l-informazzjoni li ġejja tinżamm fil-bażi tad-data tad-dokumenti:
- id-dati tal-ispezzjonijiet, inklużi kwalunkwe spezzjoni addizzjonali u supplimentari u valutazzjonijiet possibbli;
- l-isem tas-soċjetà tal-klassifikazzjoni tal-bastimenti li ħarġet iċ-ċertifikat u ddeterminat il-klassi tal-bastiment;
- l-isem tal-korp ta’ spezzjoni tal-pajjiż tal-port li fih ġie spezzjonat il-bastiment, id-data tal-ispezzjoni u r-riżultat tal-ispezzjoni (kwalunkwe nuqqas fil-bastiment u jekk il-bastiment ġiex arrestat); u
- kwalunkwe aċċident fuq il-baħar li fih kien involut il-bastiment.
Ir-reġistru jinżamm mill-Amministrazzjoni Marittima Slovena (Uprava Republike Slovenije za pomorstvo): https://www.gov.si/en/state-authorities/bodies-within-ministries/slovenian-maritime-administration/about-the-administration/.
Filwaqt li ma hemm l-ebda reġistru reġjonali, hemm uffiċċji tal-fergħat fejn jinżamm ir-reġistru tal-bastimenti tal-baħar (l-uffiċċju tal-fergħa ta’ Izola u l-uffiċċju tal-fergħa ta’ Piran). Madankollu, jeżisti reġistru wieħed biss tal-bastimenti tal-baħar.
L-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jistgħu jistabbilixxu kuntatt mar-reġistri reġjonali sabiex jiksbu informazzjoni mir-reġistru. Għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lir-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali (Zakon o varstvu osebnih podatkov) rigward id-data li tista’ tinkiseb u l-kundizzjonijiet skont liema tista’ tinkiseb.
Skont l-Artikolu 208 tal-Kodiċi Marittimu, ir-reġistru huwa pubbliku. Kulħadd għandu d-dritt li jikkonsulta informazzjoni mir-reġistru prinċipali taħt is-superviżjoni ta’ membru awtorizzat tal-persunal. L-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru hija obbligata li toħroġ lil persuna li titlob dan u bi ħlas, ċertifikat li jattesta l-istatus tal-entrati fir-reġistru, li huwa dokument pubbliku. Persuna b’interess leġittimu biss tista’ tikkonsulta l-bażi tad-data tad-dokumenti jew titlob kopja ta’ dokument. L-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali japplika wkoll hawnhekk, li jfisser li l-bażi tad-data ma tistax tiġi mfittxija skont is-sid.
Fil-każ tad-data personali, irid ikun hemm bażi legali xierqa biex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni dwar il-proprjetà ta’ bastiment minn individwu speċifiku.
L-awtorità li żżomm ir-reġistru hija awtorizzata li tibgħat informazzjoni lil awtorità oħra tal-gvern ċentrali jekk ikun hemm bażi legali biex tagħmel dan. L-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tista’ tintbagħat.
Jekk ma tintwera l-ebda bażi legali għall-aċċess għad-data personali, l-awtorità trid tirrifjuta t-talba għall-informazzjoni tal-awtorità tal-gvern ċentrali l-oħra.
L-Artikolu 316 tal-Kodiċi Marittimu jirregola t-talbiet għall-entrata ta’ bidliet fil-proprjetà tal-assi bħala riżultat ta’ suċċessjoni. Sakemm il-Kodiċi Marittimu jew liġi oħra ma tipprovdix mod ieħor, l-entrati (il-punt 3 tal-Artikolu 256 tal-Kodiċi Marittimu) jistgħu jsiru biss abbażi ta’ dokumenti pubbliċi jew dokumenti privati li jkun fihom il-firem tal-persuni li d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu ristretti, aggravati, annullati jew ittrasferiti lil persuna oħra ċċertifikata minn awtorità kompetenti biex tiċċertifika l-firem. Abbażi ta’ dokument privat maħruġ minn persuna awtorizzata, entrata relatata ma’ prinċipal hija permessa biss jekk l-awtorizzazzjoni li tkun inħarġet tirrelata ma’ tranżazzjoni speċifika jew tip speċifiku ta’ tranżazzjoni u ma tkunx għaddiet aktar minn sena bejn il-jum meta nħarġet l-awtorizzazzjoni u l-jum meta saret l-entrata mitluba. Ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġu ċċertifikati l-firem fuq dokument privat jekk id-dokument ikun fih approvazzjoni minn awtorità kompetenti biex tipproteġi d-drittijiet u l-interessi ta’ persuni li d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu ristretti, aggravati, annullati jew ittrasferiti lil persuna oħra.
L-Artikolu 317 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li japplikaw għal entrati abbażi ta’ dokument privat. Dokument privat li abbażi tiegħu hija permessa l-entrata fir-reġistru jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 279 tal-Kodiċi Marittimu:
- referenza preċiża għall-bastiment jew għad-dritt li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-entrata;
- dikjarazzjoni espliċita mill-persuna li d-drittijiet tagħha għandhom jiġu ristretti, aggravati, annullati jew ittrasferiti lil persuna oħra li tippermetti l-entrata. Id-dispożizzjoni fil-punt 2 tal-paragrafu preċedenti ma tapplikax għal dokumenti dwar l-akkwist ta’ titolu ta’ proprjetà għal bastiment barrani jekk tkun qed tintalab li l-entrata tal-bastiment fir-reġistru tat-tbaħħir għall-ewwel darba.
L-Artikolu 318 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-entrata abbażi ta’ dokument pubbliku. Dokumenti pubbliċi li abbażi tagħhom hija permessa l-entrata jinkludu:
- dokumenti dwar tranżazzjonijiet legali miġbura minn qorti jew nutar fil-limiti tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom, jekk dawk id-dokumenti jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 279 tal-Kodiċi Marittimu;
- dokumenti maħruġa fil-forma stipulata minn qorti, nutar jew awtorità amministrattiva fil-limiti tas-setgħat tagħhom li l-liġi tqis bħala strumenti eżegwibbli jew li abbażi tagħhom l-entrata f’reġistru pubbliku tista’ ssir skont regolamenti speċjali.
L-entrata abbażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti barranija hija permessa bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tkun ġiet rikonoxxuta fi proċedura stipulata.
Sabiex l-awtorità tar-reġistrazzjoni tkun tista’ tidentifika l-assi l issir entrata għalihom u ssir entrata dwar il-bidliet fil-proprjetà wara suċċessjoni, trid issir referenza għad-deżinjazzjoni mogħtija lill-bastiment jew lid-dgħajsa u li biha ssir l-entrata tal-bastiment fir-reġistru tat-tbaħħir Sloven.
L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Marittimu jipprevedi li t-titolu tal-proprjetà u l-ipoteka fuq bastiment jinkisbu abbażi ta’ tranżazzjoni legali bejn persuni ħajjin mal-entrata fir-reġistru. Dan japplika wkoll għar-reġistru tal-inġenji tal-baħar.
L-awtorità rikjedenti ta’ Stat Membru ieħor trid tipprovdi lill-awtorità rikjesta l-isem sħiħ, id-data tat-twelid jew in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa sabiex tkun tista’ tfittex fir-reġistru u tippermetti li l-persuna tiġi identifikata kif xieraq.
L-awtorità rikjedenti trid tissottometti dokument ta’ suċċessjoni xieraq li juri mingħajr ebda dubju li l-persuna hija mejta. Trid tiġi ppreżentata wkoll prova li turi l-bażi legali li fuqha tista’ tinkiseb id-data personali.
It-talba u d-data jistgħu jintbagħtu bl-posta elettronika. L-informazzjoni tista’ tintalab bis-Sloven jew, fejn xieraq u f’konformità mal-prinċipju tal-bilingwiżmu, bit-Taljan.
L-informazzjoni tista’ tingħata fil-forom li ġejjin: kopja ċċertifikata jew mhux iċċertifikata, estratt iċċertifikat jew mhux iċċertifikat, kopja stampata jew kopja elettronika.
L-informazzjoni tingħata bis-Sloven u, jekk l-applikazzjoni tiġi sottomessa bit-Taljan jew bl-Ungeriż, b’dawk il-lingwi wkoll.
Skont il-każ speċifiku, l-Att dwar it-Tariffi Amministrattivi (Zakon o upravnih taksah) jiddetermina jekk għandhiex titħallas tariffa. L-Artikolu 23(1)(1) tal-Att dwar it-Tariffi Amministrattivi jipprevedi li t-tariffi ma jitħallsux mill-istat jew mill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Ministeru tal-Infrastruttura, l-Amministrazzjoni Marittima Slovena (Ministrstvo za infrastrukturo, Uprava Republike Slovenije za pomorstvo), Kopališko nabrežje 9, 6000 Koper, Tel.: +386 (0)5 663 2100, Posta elettronika: ursp.box@gov.si.
Reġistru tal-inġenji tal-ajru
Skont l-Artikolu 22 tal-Att dwar l-Avjazzjoni (Zakon o letalstvu, Uradni List RS (UL RS, Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja) Nri 81/10 – verżjoni konsolidata uffiċjali, 46/16, 47/19, 18/23 – ZDU-1O u 85/24 (ZLet-1), ZLet), l-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Repubblika tas-Slovenja (Javna agencija za civilno letalstvo Republike Slovenije) hija responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-inġenji tal-ajru; www.caa.si. L-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni (UL RS Nru 85/24, ZLet-1) daħal fis-seħħ fil-5 ta’ April 2025 u se jiġi applikat mill-5 ta’ Ottubru 2025. L-Artikolu 35 ta’ dan l-att jipprevedi li l-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili hija responsabbli għaż-żamma tar-reġistru.
Ir-reġistru tal-inġenji tal-ajru fih informazzjoni dwar l-inġenji tal-ajru, id-detenturi ta’ drittijiet in rem jew in personam għal inġenji tal-ajru li l-entrata tagħhom fir-reġistru hija stipulata mil-liġi, bidliet fl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet imdaħħla fir-reġistru, u d-drittijiet in rem u in personam u l-fatti legali li l-entrata tagħhom fir-reġistru hija stipulata mil-liġi.
Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali. L-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jistgħu jistabbilixxu kuntatt mar-reġistru nazzjonali: https://www.caa.si/register-zrakoplovov.html, https://www.caa.si/en/aircraft-registration.html.
L-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni jipprevedi li, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru (eż. in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika) hija pubblika. L-Artikolu 38 tal-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni jistabbilixxi ċerti restrizzjonijiet fuq l-aċċess, bħal restrizzjonijiet fuq it-tiftix fir-reġistru biex jiġi stabbilit jekk ċerta persuna hijiex id-detentur ta’ drittijiet in rem jew in personam. Il-persuni huma intitolati li jaċċessaw din l-informazzjoni fir-reġistru jekk ikollhom bażi legali xierqa biex jagħmlu dan. Skont l-Artikolu 38 tal-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni dan ifisser kredituri u oħrajn li jistgħu juru interess ġuridiku, awtoritajiet tal-gvern ċentrali, nutara, aġenti tal-eżekuzzjoni, amministraturi tal-falliment, investigaturi u d-detenturi ta’ drittijiet (fir-rigward tad-drittijiet imdaħħla għall-benefiċċju tagħhom fir-reġistru).
Skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità li żżomm ir-reġistru hija awtorizzata li tibgħat informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra. Tista’ tibgħat informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti u r-restrizzjonijiet legali rilevanti. L-awtorità tar-reġistrazzjoni jeħtieġilha li tirrifjuta li tibgħat informazzjoni lil awtorità tal-gvern ċentrali oħra jekk ir-rekwiżiti legali biex tagħmel dan ma jintlaħqux jew jekk ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba. Skont l-Artikolu 25 tal-Att dwar l-Avjazzjoni, l-Aġenzija jeħtieġilha li ddaħħal bidliet fil-proprjetà skont deċiżjoni legali finali minn qorti kompetenti, filwaqt li l-Artikolu 40 jipprevedi li l-Aġenzija trid tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-entrata fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru biss abbażi ta’ dokumenti li l-liġi tistipula li jipprovdu bażi għall-entrata, u abbażi tal-istatus tal-entrati fir-reġistru fil-mument li tibda l-proċedura. F’konformità mal-Artikolu 48 tal-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni, ir-reġistrazzjoni hija permessa abbażi ta’ dokument dwar it-tranżazzjoni legali li juri l-obbligu li jiġi ttrasferit it-titolu tal-proprjetà tal-inġenju tal-ajru jew li jipprovdi l-bażi għad-dritt li jintuża inġenju tal-ajru li l-entrata tiegħu fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru hija stipulata bil-liġi, u li jkun fih dikjarazzjoni espliċita mill-persuna li t-titolu tagħha għall-inġenju tal-ajru qed jiġi ttrasferit jew mibdul li tippermetti r-reġistrazzjoni. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tingħata f’dokument separat. Il-firma tal-persuna li t-titolu tagħha qed jiġi ttrasferit jew mibdul trid tkun iċċertifikata f’konformità mal-liġi li tirregola l-proċedura amministrattiva ġenerali jew ir-regolamenti li jirregolaw iċ-ċertifikazzjoni ta’ dokumenti fi tranżazzjonijiet internazzjonali. Ir-reġistrazzjoni hija permessa wkoll bl-użu ta’ dokument li abbażi tiegħu jinkiseb jew jinbidel titolu ta’ proprjetà jew dritt in personam għall-użu ta’ inġenju tal-ajru li l-entrata tiegħu fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru hija stipulata bil-liġi u li jinħareġ minn qorti jew awtorità amministrattiva fil-forma stipulata fil-qafas tas-setgħat tagħha, jew li għandu l-forma ta’ att notarili li huwa eżegwibbli direttament, jew abbażi ta’ dokument ieħor li l-liġi tirrikonoxxi bħala titolu eżekuttiv jew li abbażi tiegħu tista’ ssir entrata f’reġistri pubbliċi. Kull dokument bħal dan maħruġ f’pajjiż barrani jrid ikun iċċertifikat f’konformità mar-regolamenti li jirregolaw iċ-ċertifikazzjoni ta’ dokumenti fi tranżazzjonijiet internazzjonali, sakemm ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jew trattat internazzjonali li jorbot lis-Slovenja ma jipprovdux mod ieħor.
Sabiex l-awtorità tar-reġistrazzjoni tkun tista’ tidentifika l-beni li ddaħħal u ssir entrata dwar il-bidla fil-proprjetà wara suċċessjoni, l-inġenju tal-ajru jrid jiġi identifikat permezz tal-marka tal-inġenju tal-ajru (id-dettalji tal-manifattur, id-denominazzjoni tal-manifattur, in-numru tas-serje u n-numru ta’ reġistrazzjoni), kif stipulat mill-Artikolu 48 tal-Att il-ġdid dwar l-Avjazzjoni. L-Artikolu 169 tal-Att dwar l-obbligi u r-relazzjonijiet tal-beni fl-avjazzjoni (Zakon o obligacijskih in stvarnopravnih razmerjih v letalstvu, ZOSRL) jistabbilixxi l-metodu ta’ kif jiġu akkwistati d-drittijiet in rem – speċifikament, li t-titolu ta’ proprjetà u l-ipoteka fuq ajruplan jinkisbu abbażi ta’ tranżazzjoni legali mal-entrata fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru.
L-awtorità rikjedenti trid tipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar il-persuna deċeduta biex tkun tista’ tiġi identifikata b’mod ċar u mhux ambigwu (eż. l-isem sħiħ, id-data tat-twelid jew in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali jew numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali ieħor). Trid tiġi mehmuża prova adegwata, bħal kopja taċ-ċertifikat tal-mewt jew dokument ieħor li jikkonferma l-informazzjoni dwar il-persuna deċeduta.
L-awtorità rikjedenti trid tippreżenta prova adegwata li turi li għandha l-bażi legali biex tikseb l-informazzjoni skont l-Artikolu 66. Din il-prova tista’ tkun fil-forma ta’ kopja tat-talba għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
It-talbiet u l-informazzjoni jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika u, fejn meħtieġ, b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.
L-informazzjoni tista’ tintalab bis-Sloven, u talba tiġi pproċessata wkoll jekk issir bl-Ingliż.
Il-forma tal-informazzjoni pprovduta tiddependi mit-talba li tkun saret. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-forma ta’ kopja jew kopja stampata ċċertifikata jew mhux iċċertifikata, kopja stampata jew kopja elettronika. L-informazzjoni hija pprovduta bis-Sloven u kultant ukoll bl-Ingliż.
F’xi każijiet, trid titħallas tariffa għal kopja stampata f’konformità mal-Artikolu 16 tat-Tariffa għall-provvista tas-servizzi tal-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Repubblika tas-Slovenja (Tarifa za izvajanje storitev Javne agencije za civilno letalstvo Republike Slovenije). It-tariffa titħallas abbażi ta’ fattura maħruġa mill-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili.
Dettalji ta’ kuntatt għar-reġistru tal-inġenji tal-ajru:
- L-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Repubblika tas-Slovenja (Javna agencija za civilno letalstvo Republike Slovenije), Kotnikova ulica 19A, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 244 6600, + 386 (0)1 244 6601, Fax: +386 (0)1 244 6699, Posta elettronika: info@caa.si.
Reġistru tal-irhna mhux possessorji u l-beni mobbli maqbuda
Ir-reġistru tal-irhna mhux possessorji u l-beni mobbli maqbuda (RZPP) huwa bażi tad-data pubblika u ġestita ċentralment dwar irhna u projbizzjonijiet fuq id-disponiment u l-piżijiet fuq il-proprjetà, jiġifieri fuq vetturi identifikati bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) tagħhom u fuq tagħmir u inventarji kummerċjali identifikati bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-proprjetà jew tal-bini fejn jinsabu t-tagħmir jew l-inventarji.
Dan ir-reġistru jinżamm mill-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (AJPES).
L-informazzjoni dwar kredituri, min jagħti r-rahan u l-irhna (jew kollateral) fuq beni mobbli tiddaħħal fir-reġistru minn “utenti kwalifikati”, jiġifieri nutara, aġenti tal-eżekuzzjoni, l-amministrazzjoni finanzjarja, qrati u likwidaturi. In-nutara jagħmlu entrata ta’ rahan meta dan jirriżulta minn ftehim bejn il-partijiet (rahan kuntrattwali mhux possessorju), filwaqt li utenti kwalifikati oħra jagħmlu dan skont deċiżjoni minn awtorità tal-gvern ċentrali adottata matul proċedura (ta’ eżekuzzjoni, kriminali jew ta’ falliment) fiskali jew ġudizzjarja.
L-aċċess pubbliku online għall-informazzjoni fir-reġistru tal-irhna mhux possessorji u l-beni mobbli maqbuda huwa pprovdut permezz tas-sit web tal-AJPES: https://www.ajpes.si/RZPP/Iskalnik/JavniPodatki.
L-informazzjoni mdaħħla dwar kreditur, min jagħti r-rahan, debitur u assi mirhuna tista’ tiġi aċċessata permezz ta’ magna tat-tiftix pubblika u hija disponibbli bis-Sloven. Il-magna tat-tiftix hija soġġetta għal restrizzjonijiet bħala riżultat tar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data personali tal-individwi u d-data dwar il-kredituri. It-tiftix jista’ jsir biss bl-użu tal-kriterji li ġejjin:
- skont in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ rahan (kollateral);
- skont min jagħti r-rahan jew debitur li huwa entità kummerċjali;
- skont in-numru ta’ identifikazzjoni tal-assi mirhuna (għall-vetturi l-VIN tagħhom, għal inventarji u tagħmir in-numru ta’ identifikazzjoni (katastali) tar-roqgħa art jew tal-bini fejn jinsabu l-assi mirhuna).
Ir-reġistrazzjoni mhijiex meħtieġa għall-użu tal-magna tat-tiftix pubblika tar-reġistru tal-irhna mhux possessorji u l-beni mobbli maqbuda, jew għall-konsultazzjoni ta’ informazzjoni fir-reġistru. L-użu online tar-reġistru u l-konsultazzjoni ta’ informazzjoni huma kompletament bla ħlas. Kopja stampata elettronika tal-informazzjoni (fil-forma ta’ fajl pdf iffirmat elettronikament) tista’ tinkiseb ukoll mingħajr ħlas mis-sit web. Il-kopja stampata jkun fih informazzjoni dwar rahan, l-assi mirhuna, il-kreditur u min jagħti r-rahan/id-debitur.
Minħabba r-restrizzjonijiet tat-tiftix tal-magna tat-tiftix pubblika, huwa disponibbli aċċess protett għad-data. Dan jippermetti wkoll tiftix għal informazzjoni dwar irhna mhux possessorji fejn individwu jiddaħħal bħala d-debitur, min jagħti r-rahan jew il-kreditur bl-użu tat-terminu tat-tiftix tan-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa. L-aċċess protett għad-data dwar irhna mhux possessorji huwa bla ħlas biss għal utenti kwalifikati.
Skont il-liġi, persuna awtorizzata jew awtorità tal-gvern ċentrali li mhijiex utent kwalifikat u li teħtieġ informazzjoni mir-reġistru sabiex twettaq il-kompiti tagħha tista’ titlob lill-AJPES biex toħroġilha kopja stampata ta’ informazzjoni dwar irhna mhux possessorji fejn issir entrata ta’ persuna speċifika bħala d-debitur, min jagħti r-rahan jew il-kreditur. Fit-talba, l-awtorità trid tindika l-iskop li għalih qed tinkiseb l-informazzjoni u tiddikjara n-numru tal-(proċedura) każ li għalih teħtieġ l-informazzjoni.
Qorti biss tista’ toħroġ kopja stampata ċċertifikata mitluba minn persuna li tista’ turi bażi legali biex tikseb informazzjoni mir-reġistru abbażi ta’ kriterji ta’ aċċess protett.
Dettalji ta’ kuntatt:
- L-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve), Tržaška cesta 16, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 477 4200, Posta elettronika: info@ajpes.si.
Reġistru tal-insolvenza (avviżi fi proċedimenti ta’ insolvenza)
Il-proċedimenti ta’ insolvenza jitmexxew mill-qrati distrettwali, filwaqt li l-avviżi fil-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-paġna web tal-avviżi miżmuma mill-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (AJPES): https://www.ajpes.si/uradne_objave/eobjave_v_postopkih_zaradi_insolventnosti/splosno.
Ir-regoli dwar l-avviżi u l-akkwist ta’ informazzjoni huma stipulati fl-Artikoli 122 u 122a tal-Att dwar l-Operazzjonijiet Finanzjarji, il-Proċedimenti ta’ Insolvenza u x-Xoljiment Obbligatorju (Zakon o finančnem poslovanju, postopkih zaradi insolventnosti in prisilnem prenehanju), jiġifieri l-liġi li tirregola l-insolvenza. L-informazzjoni li ġejja hija ppubblikata fil-paġna tal-avviżi tal-proċedimenti ta’ insolvenza tas-sit web tal-AJPES fir-rigward tal-proċedimenti individwali ta’ insolvenza sabiex tagħti ċertezza legali, tinforma lill-pubbliku u sabiex id-drittijiet tal-kredituri u parteċipanti oħra fil-proċedimenti ta’ insolvenza jkunu jistgħu jiġu eżegwiti:
1. l-informazzjoni li ġejja dwar proċedimenti speċifiċi ta’ insolvenza:
- dettalji li jidentifikaw lid-debitur insolventi, bl-esklużjoni tan-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ debitur insolventi li huwa konsumatur,
- il-qorti li qed tmexxi l-proċedimenti u n-numru ta’ referenza tal-kawża,
- dettalji li jidentifikaw lil-likwidatur,
- il-bidu tal-proċedimenti, l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tal-pretensjonijiet fil-proċedimenti, u informazzjoni dwar attivitajiet proċedurali oħra fi ħdan il-proċedimenti,
- fi proċedimenti ta’ falliment ukoll: informazzjoni dwar id-daqs tal-patrimonju tal-falliment u l-ishma ta’ dak il-patrimonju li għandhom jitħallsu lura lill-kredituri rispettivi;
2. id-deċiżjoni li tibda proċedimenti ta’ insolvenza u d-deċiżjonijiet kollha maħruġa fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza, flimkien mal-mozzjoni li abbażi tagħha l-qorti tkun ħarġet id-deċiżjoni, bl-esklużjoni ta’:
- kwalunkwe deċiżjoni dwar il-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment personali,
- kwalunkwe deċiżjoni li biha l-qorti tiddeċiedi dwar il-mozzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ maħfra tad-dejn jew tordna lid-debitur iwettaq ċerti atti f’dawk il-proċedimenti,
- kwalunkwe deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ dħul regolari,
- kwalunkwe deċiżjoni dwar is-sekwestru ta’ flus kontanti,
- kwalunkwe deċiżjoni li twaqqaf kwalunkwe rkupru ulterjuri ta’ introjtu regolari jew il-qbid flus kontanti miżmuma;
3. in-notifika li tħabbar il-bidu tal-proċedimenti, in-notifika li tħabbar is-seduta, u notifiki u sejħiet oħra għall-votazzjoni maħruġa minn qorti skont il-liġi;
4. il-verbali kollha tas-seduti u s-sessjonijiet tal-kumitat tal-kredituri;
5. ir-rapporti tal-likwidatur u d-dokumenti mehmuża magħhom u, fi proċedimenti ta’ saldu obbligatorju, ir-rapporti mid-debitur insolventi u d-dokumenti mehmuża magħhom;
6. lista ta’ pretensjonijiet verifikati;
7. ir-rikorsi tal-partijiet fil-proċedimenti u dokumenti oħra tal-qorti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija stipulata mil-liġi;
8. in-notifiki kollha ta’ subbasti fi proċedimenti ta’ falliment u l-istediniet sabiex jiġu ppreżentati offerti li jirrigwardaw il-likwidazzjoni tal-patrimonju tal-falliment.
L-AJPES tiżgura li l-paġni tan-notifiki tal-proċedimenti ta’ insolvenza jiġu ddiżinjati b’tali mod li kulħadd jingħata aċċess bla ħlas għall-informazzjoni ppubblikata fuq il-paġni, kif ġej:
1. skont id-data tal-pubblikazzjoni;
2. skont in-numru ta’ referenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew tal-qorti li qed tmexxi l-proċedimenti;
3. jekk id-debitur insolventi jkun entità legali, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat: skont kwalunkwe dettall ta’ identifikazzjoni li bih issir l-entrata fir-reġistru tal-qorti jew ir-reġistru kummerċjali, u skont in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;
4. jekk id-debitur insolventi jkun konsumatur, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat: skont kombinament tal-kundizzjonijiet li ġejjin, fejn is-sistema tagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ referenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
- kombinament tan-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali u l-isem sħiħ,
- kombinament tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-isem sħiħ, jew
- kombinament tal-isem sħiħ, l-indirizz tar-residenza permanenti u d-data tat-twelid;
5. jekk id-debitur insolventi huwa konsumatur, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat, skont in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni personali jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa biss, meta s-sistema tirritorna biss informazzjoni dwar jekk inbdewx proċedimenti ta’ insolvenza kontra persuna li tissodisfa din il-kundizzjoni, u teskludi informazzjoni dwar in-numru tal-kawża (jekk il-proċedimenti jkunu diġà bdew).
L-AJPES tipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar proċedimenti individwali ta’ insolvenza u l-kontenut ta’ atti proċedurali fir-rigward ta’ kawża speċifika sa 5 snin wara t-tlestija finali tal-proċedimenti fil-kawża.
Dettalji ta’ kuntatt għal informazzjoni dwar notifiki pubbliċi dwar proċedimenti:
- L-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve), Tržaška cesta 16, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 477 4200, Posta elettronika: info@ajpes.si.
Dettalji ta’ kuntatt għal proċeduri ġudizzjarji:
- Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije), Tavčarjeva 9, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 366 4444, Posta elettronika: urad.vsrs@sodisce.si.
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
Ir-reġistru tal-kontijiet kurrenti (RTR) huwa bażi tad-data kompjuterizzata unika ta’ kontijiet kurrenti u detenturi ta’ kontijiet kurrenti (entitajiet kummerċjali u individwi) għand fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fis-Slovenja. L-informazzjoni fir-reġistru tal-kontijiet kurrenti tiġi aġġornata kontinwament. Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar id-detenturi tal-kontijiet kurrenti tkun korretta, ir-reġistru huwa marbut mar-reġistru ċentrali tal-popolazzjoni, ir-reġistru tat-taxxa u r-reġistru kummerċjali Sloven.
Skont il-Kapitolu 11 tal-Att dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, is-Servizzi ta’ Ħruġ ta’ Flus Elettroniċi u s-Sistemi ta’ Ħlas (Zakon o plačilnih storitvah, storitvah izdajanja elektronskega denarja in plačilnih sistemih, ZPlaSSIED), ir-reġistru tal-kontijiet kurrenti jinżamm mill-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (AJPES).
Ir-reġistru tal-kontijiet kurrenti online (eRTR) jista’ jiġi aċċessat (wara r-reġistrazzjoni u l-login) permezz tas-sit web tal-AJPES, li fih ukoll id-dettalji ta’ kuntatt: https://www.ajpes.si/eRTR/JavniDel/Iskanje.aspx.
L-informazzjoni li ġejja tiġi pproċessata fir-reġistru tal-kontijiet kurrenti:
1. id-detentur tal-kont kurrenti:
- l-isem sħiħ u l-indirizz tar-residenza ta’ detentur ta’ kont kurrenti li huwa individwu, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz tan-negozju ta’ detentur ta’ kont kurrenti li huwa entità legali, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat, l-indirizz tan-negozju u l-isem sħiħ ta’ detentur ta’ kont kurrenti li huwa imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat, jew l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe detentur ieħor ta’ kont kurrenti,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ detentur ta’ kont kurrenti, jekk ikun imdaħħal fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa, u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz tar-residenza tad-detentur,
- il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ detentur ta’ kont kurrenti u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz ta’ residenza, jekk ma jkunux imdaħħla fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija ta’ detentur ta’ kont kurrenti li huwa entità legali, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat, jekk ikunu mdaħħla fir-reġistru kummerċjali Sloven,
- il-kodiċi tal-utent tal-baġit, jekk imdaħħal fir-reġistru kummerċjali Sloven għal entità kummerċjali;
2. rappreżentant awtorizzat ta’ detentur ta’ kont kurrenti:
- l-isem sħiħ u l-indirizz tar-residenza ta’ rappreżentant awtorizzat li huwa individwu, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz tan-negozju ta’ rappreżentant awtorizzat li huwa entità legali, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat, l-indirizz tan-negozju u l-isem sħiħ ta’ rappreżentant awtorizzat li huwa imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat, jew l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe rappreżentant awtorizzat ieħor,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ rappreżentant awtorizzat, jekk ikun imdaħħal fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa, u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz tar-residenza tiegħu,
- il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tar-rappreżentant awtorizzat u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz tar-residenza tiegħu, jekk ma jkunux imdaħħla fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija ta’ rappreżentant awtorizzat li huwa entità legali, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat, jekk ikunu mdaħħla fir-reġistru kummerċjali Sloven,
- il-kodiċi tal-utent tal-baġit, jekk ikun iddaħħal fir-reġistru kummerċjali Sloven għal entità kummerċjali,
- id-data tal-irċevuta u d-data tal-kanċellazzjoni tal-awtorizzazzjoni;
3. sid benefiċjarju ta’ detentur ta’ kont kurrenti:
- l-isem sħiħ, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-indirizz tar-residenza tas-sid benefiċjarju,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tas-sid benefiċjarju, jekk ikun imdaħħal fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa,
- il-pajjiż ta’ residenza tas-sid benefiċjarju,
- kodiċi ta’ identifikazzjoni ieħor ta’ sid benefiċjarju jekk jintuża fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu u jekk ma jkunx irreġistrat fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa,
- l-ammont tal-parteċipazzjoni jew metodu ieħor ta’ kontroll ta’ sid benefiċjarju,
- id-data tal-entrata u d-data tat-tneħħija ta’ sid benefiċjarju;
4. kont kurrenti:
- in-numru tal-kont,
- l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-fornitur li jiġġestixxi l-kont kurrenti,
- it-tip ta’ kont kif determinat mir-regola msemmija fl-għaxar paragrafu ta’ dan l-artikolu,
- indikazzjoni li l-fondi fuq kont kurrenti mhumiex biżżejjed biex jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni jew ordni ta’ garanzija,
- id-data ta’ meta nfetaħ il-kont,
- id-data ta’ meta ngħalaq il-kont,
- indikazzjoni li kont kurrenti miżmum minn individwu jintuża għat-twettiq ta’ attività,
- in-numru tal-kont ta’ detentur ta’ kont kurrenti mas-suċċessur legali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas;
5. kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti:
- l-isem sħiħ u l-indirizz tar-residenza ta’ individwu li kera kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz tan-negozju ta’ entità legali li kriet kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jew l-isem uffiċjali tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat, l-indirizz tan-negozju u l-isem sħiħ ta’ imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat li kera kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jew l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe persuna oħra li tkun kriet kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ persuna li kriet kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jekk tkun imniżżla fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa, u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz tar-residenza tagħha,
- il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u l-pajjiż tal-istabbiliment jew l-indirizz tar-residenza ta’ persuna li kriet kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jekk ma tkunx imniżżla fir-reġistru tat-taxxa skont il-liġi li tirregola r-reġistru tat-taxxa,
- in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija ta’ entità legali, imprenditur individwali jew professjonist irreġistrat li krew kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti, jekk ikunu mniżżla fir-reġistru kummerċjali Sloven,
- il-kodiċi tal-utent tal-baġit, jekk ikun iddaħħal fir-reġistru kummerċjali Sloven għal entità kummerċjali,
- it-tul tal-kirja.
L-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-kontijiet kurrenti hija pubblika u aċċessibbli mingħajr ħlas permezz tas-sit web tal-AJPES. Dan ma japplikax għal informazzjoni dwar rappreżentanti awtorizzati u sidien benefiċjarji ta’ detenturi ta’ kontijiet kurrenti u persuni li krew kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti jew għad-data personali ta’ individwi (ħlief għal informazzjoni dwar il-kontijiet kurrenti ta’ imprendituri individwali u professjonisti rreġistrati użati għat-twettiq ta’ attività).
Id-data personali ta’ individwi dwar kontijiet kurrenti tista’ tinkiseb, fost affarijiet oħra, minn qrati u awtoritajiet oħra li jwettqu atti ta’ eżekuzzjoni jew proċeduri oħra li jwettqu fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħhom (l-Artikolu 194(3) ZPlaSSIED).
Il-qrati Sloveni għandhom aċċess dirett għal informazzjoni dwar il-kontijiet kurrenti ta’ individwi (l-Artikolu 195 ZPlaSSIED). Qorti tikseb informazzjoni dwar il-kont kurrenti ta’ individwu permezz ta’ aċċess elettroniku dirett għall-informazzjoni fir-reġistru tal-kontijiet kurrenti abbażi ta’ inkjesta li tista’ tinkludi biss l-isem sħiħ u l-indirizz tar-residenza ta’ individwu li huwa detentur ta’ kont kurrenti. Jekk ikun hemm żewġ persuni jew aktar bl-istess isem, kunjom u indirizz, il-qorti trid iżżid in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-individwu mal-istħarriġ.
L-AJPES tibgħat data personali dwar il-kont kurrenti ta’ individwu, rappreżentant awtorizzat jew sid benefiċjarju ta’ detentur ta’ kont kurrenti u dwar kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti lill-applikant wara talba għal informazzjoni mir-reġistru tal-kontijiet kurrenti li jkun fiha:
- l-isem sħiħ tal-applikant jew l-isem u l-indirizz uffiċjali tan-negozju, u l-firma;
- l-isem sħiħ u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-individwu li huwa detentur ta’ kont kurrenti, persuna awtorizzata jew sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont kurrenti jew il-persuna li tikri kaxxa ta’ sikurezza għad-depożiti; u
- il-bażi legali u l-iskop li għalih għandha tiġi pproċessata d-data personali.
Dettalji ta’ kuntatt:
- L-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Rekords Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve), Tržaška cesta 16, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 477 4200, Posta elettronika: info@ajpes.si.
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Skont l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Proprjetà Industrijali (Zakon o industrijski lastnini), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali (Urad za intelektualno lastnino) iżomm reġistri ta’ privattivi, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari, mudelli, trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi, u reġistri ta’ applikazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. Dawn huma drittijiet ta’ proprjetà industrijali li, flimkien mad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u simili, huma drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Ħlief f’każijiet determinati mil-liġi, ir-reġistri huma pubbliċi.
Il-partijiet ikkonċernati esterni għandhom aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru b’żewġ modi:
- is-sit web tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali http://www.uil.gov.si/ jipprovdi aċċess dirett għall-informazzjoni dwar privattivi mogħtija, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari li saret applikazzjoni għalihom u li ngħataw, trademarks li saret applikazzjoni għalihom u ġew irreġistrati, u mudelli li saret applikazzjoni għalihom u ġew irreġistrati, fil-link li ġej: https://www2.uil-sipo.si/;
- wara talba għal ċertifikat mir-reġistru, mal-ħlas ta’ tariffa skont il-liġi li tirregola t-tariffi amministrattivi. It-tariffa bħalissa hija ta’ EUR 9.10 (bl-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 23 tal-Att dwar it-Tariffi Amministrattivi (Zakon o upravnih taksah)).
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Ministeru tal-Ekonomija, it-Turiżmu u l-Isport, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali Sloven (Ministrstvo za gospodarstvo, turizem in šport, Urad Republike Slovenije za intelektualno lastnino), Kotnikova ulica 6, 1000 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 620 3100, Posta elettronika: sipo@uil-sipo.si.
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Reġistru ċentrali tat-titoli b’entrata fil-kotba
Ir-reġistru ċentrali tat-titoli b’entrata fil-kotba jinżamm mill-Korporazzjoni Ċentrali tal-Ikklerjar tat-Titoli (Centralna klirinško depotna družba, KDD). L-ambitu tal-informazzjoni disponibbli jiddependi fuq l-applikant. Ċerta informazzjoni ġeneralment tkun disponibbli pubblikament (ir-reġistri tal-ishma tal-emittenti), filwaqt li informazzjoni oħra tkun aċċessibbli biss għal ċerti tipi ta’ applikanti (l-Aġenzija tas-Swieq tat-Titoli (Agencija za trg vrednostnih papirjev), il-Bank tas-Slovenja, l-awtorità tat-taxxa, il-qrati, eċċ.). Il-KDD tipprovdi biss irkupru awtomatizzat dirett tad-data mir-reġistru ċentrali tat-titoli b’entrata fil-kotba lill-awtoritajiet nazzjonali Sloveni. Filwaqt li l-awtoritajiet barranin ma jistgħux jużaw dan il-metodu ta’ rkupru tad-data, il-KDD tibgħatilhom informazzjoni direttament f’ċerti każijiet (rari) abbażi ta’ talba konkreta minn awtorità barranija (jiġifieri mingħajr l-involviment tal-qorti rikjesta).
L-awtoritajiet barranin jindirizzaw it-talbiet tagħhom bl-istess mod bħall-awtoritajiet Sloveni, jiġifieri:
- bil-posta ordinarja lil: KDD – Centralna klirinško depotna družba d.d., Tivolska cesta 48, 1542 Ljubljana, is-Slovenja jew
- bil-posta elettronika fuq: info@kdd.si.
Dettalji ta’ kuntatt:
- KDD – Centralna klirinško depotna družba d.d., Tivolska cesta 48, 1542 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 307 3500, Posta elettronika: info@kdd.si.
Reġistru tal-armi
L-awtoritajiet barranin ma jingħatawx aċċess dirett għall-informazzjoni fir-reġistru tal-armi. L-Artikolu 72 tal-Att dwar l-Armi (Zakon o orožju) jipprevedi, fost affarijiet oħra, li d-data personali mir-rekords u d-dokumenti tal-armi tinkiseb u tintuża mill-ministeru responsabbli għall-intern, il-pulizija u l-unitajiet amministrattivi meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom stipulati legalment, il-persunal awtorizzat ta’ entitajiet legali jew imprendituri individwali li jiġbru u jżommu informazzjoni għal dawn ir-rekords, u utenti oħra jekk ikollhom is-setgħat legali meħtieġa jew meta l-informazzjoni tkun qed tiġi trażmessa f’konformità ma’ trattat internazzjonali.
Dettalji ta’ kuntatt:
- Il-Ministeru tal-Intern, id-Direttorat għall-Affarijiet Amministrattivi Interni, id-Diviżjoni tal-Assemblea Pubblika u l-Armi (Ministrstvo za notranje zadeve, Direktorat za upravne notranje zadeve, Sektor za zbiranja in orožje), Litostrojska cesta 54, 1501 Ljubljana, Tel.: +386 (0)1 428 4759, Posta elettronika: gp.mnz@gov.si.
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Huwa t-testatur li jagħżel fejn jinżamm it-testment. Iż-żamma ta’ testmenti tal-qorti, testmenti internazzjonali, dokumenti dwar testmenti orali u testmenti notarili biss hija soġġetta għal dispożizzjonijiet legali espliċiti. Testatur jista’ jiddeċiedi li jiddepożita testment il-qorti, ma’ persuna oħra, ma’ organizzazzjoni bħal bank jew uffiċċju tal-posta jew nutar għall-kustodja, jew li jżommu hu stess. L-għażla għal testatur li jżomm testment hu stess hija disponibbli għat-testmenti kollha irrispettivament mill-forma li fiha jkunu saru. Jekk it-testatur jiddeċiedi li jafda lil individwu ieħor biż-żamma tat-testment, dik il-persuna tista’ tkun xhud tat-testment jew persuna li t-testatur ikun taha benefiċċju mill-patrimonju.
Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għaż-żamma ta’ testment minn qorti: jekk it-testment ikun testment tal-qorti jew testment internazzjonali, jitqiegħed f’envelopp speċjali u jiġi ssiġillat, u l-imħallef imbagħad jagħti rċevuta lit-testatur fuq talba, li tiddikjara li t-testment sar u ġie kkonsenjat lill-qorti għall-kustodja. Jekk it-testment ma jkunx sar quddiem qorti u t-testatur jew persuna oħra tikkonsenjah lill-qorti miftuħ jew f’envelopp issiġillat, il-qorti trid tirreġistra nota li rċeviet it-testment għall-kustodja u tingħata rċevuta lit-testatur. Jekk it-testatur ma jagħtix it-testment hu stess, il-qorti tinnotifikah li rċeviet it-testment għall-kustodja.
Ix-xhieda ta’ testment orali jridu jagħtu dikjarazzjoni tal-aħħar rieda u t-testment tat-testatur lill-qorti. Il-qorti tirreġistra nota li rċeviet id-dikjarazzjoni tax-xhud, tpoġġiha f’envelopp speċjali u tissiġillah. Tagħmel l-istess ukoll b’kopja ta’ nota tar-riproduzzjoni orali tal-aħħar rieda u t-testment tat-testatur.
Jekk testment jinżamm minn nutar, in-nutar irid joħroġ lit-testatur konferma bil-miktub li t-testment qed jinżamm minnu. Sakemm l-att notarili ma jipprovdix mod ieħor, jistgħu jsiru kopji jew traskrizzjonijiet ta’ testment matul il-ħajja tat-testatur biss mit-testatur stess jew minn persuna awtorizzata minnu f’dokument ta’ awtorizzazzjoni ċċertifikat. Wara l-mewt tat-testatur, kopji jew traskrizzjonijiet jistgħu jinħarġu wara li jkun tħabbar it-testment. Meta n-nutar isir jaf bil-mewt jew bit-tħabbira tal-mewt ta’ persuna li t-testment tagħha jinsab fost il-fajls li jżomm, irid jibgħat lill-amministrazzjoni kompetenti kopja oriġinali tat-testment jew tal-att notarili mad-depożitu tat-testment għandu, u jfassal nota fil-fajl li fih jinżamm l-oriġinal.