1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
– Reġistri tal-artijiet
– Reġistri ċivili – rekords tal-istat ċivili taċ-ċittadini
– Reġistru tat-testmenti
– Rekords tal-vetturi rreġistrati u mmarkati
– Rekords tal-armi rreġistrati
– Reġistru tal-inġenji tal-ajru ċivili
– Reġistru tal-Bastimenti
– Reġistru tat-titoli b’entrata fil-kotba
– Reġistru tal-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet
– Reġistru Unifikat tal-Kontijiet
– Reġistru tal-qorti
– Reġistru tal-Insolvenza
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
Ir-reġistri tal-artijiet jinkludu informazzjoni dwar l-irqajja’ tal-art irreġistrati u bidliet f’dawk l-irqajja’; jinkludu wkoll drittijiet tal-proprjetà u drittijiet oħra tal-proprjetà rreġistrati relatati mal-irqajja’ tal-art irreġistrati, kif ukoll tibdiliet f’dawk id-drittijiet. Kull entrata fir-reġistru tal-art tinkludi taqsima dwar il-proprjetà immobbli (Skeda A), taqsima dwar is-sjieda (Skeda B), u taqsima dwar il-piżijiet (Skeda C). L-informazzjoni ta’ kuntatt tar-reġistru nazzjonali tinsab hawnhekk: https://oss.uredjenazemlja.hr/public-services/review-lr-bdc.
Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali tal-artijiet. Ir-reġistri tal-artijiet huma miġbura fil-livell nazzjonali u r-reġistri tal-artijiet kollha fil-Kroazja huma ppreżentati f’reġistru uniku. Ir-reġistru jista’ jiġi aċċessat minn Stat Membru ieħor u l-informazzjoni kollha fir-reġistri tal-artijiet hija pubblika u disponibbli. L-aċċess huwa ristrett biss jekk ikun hemm bżonn ta’ tfittxija fil-proprjetà immobbli kollha ta’ ċertu persuna fiżika jew ġuridika. L-awtoritajiet ġudizzjarji u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jistgħu jaċċessaw u jfittxu informazzjoni tar-reġistru tal-artijiet għall-muniċipalitajiet katastali kollha bl-isem tad-detentur irreġistrat ta’ titolu għal proprjetà immobbli jew numru tal-identifikazzjoni personali jekk dan ikun neċessarju għall-preparazzjoni jew twettiq ta’ ċerti proċedimenti tal-qorti jew amministrattivi.
Il-Ministeru għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa tiegħu (Porezna uprava) jistgħu jaċċessaw u jfittxu direttament fl-informazzjoni tar-reġistru tal-artijiet meta’ jwettqu kompiti fl-ambitu tal-attivitajiet tagħhom; awtoritajiet pubbliċi oħrajn jistgħu jingħataw dan id-dritt minn deċiżjoni tal-ministru responsabbli għall-ġustizzja jekk dan ikun neċessarju għalihom sabiex iwettqu l-kompiti fi ħdan ir-responsabbiltà tagħhom. Il-qorti kompetenti tagħti d-dritt tal-aċċess u t-tfittxija fl-informazzjoni tar-reġistri tal-artijiet għar-reġistri tal-artijiet fil-pussess tagħha lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li probabbli jkollhom interess legali.
Il-korp responsabbli għar-reġistru jista’ jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra jekk ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq ma jiġux issodisfati. Informazzjoni dwar testment irreġistrat għandha tkun miksuba permezz tal-mekkaniżmu internazzjonali għall-assistenza legali.
L-awtorità rikjedenti minn Stat Membru ieħor għandha tipprovdi l-informazzjoni segwenti: l-isem u l-kunjom tal-persuna deċeduta, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħha u d-data tat-twelid tagħha u l-post tar-residenza permanenti tagħha. F’ħafna mill-każijiet, in-numru tal-karta tal-identità tagħha huwa biżżejjed. Hemm bżonn ta’ ittra elettronika li jkun fiha t-talba, il-firma u t-timbru tal-istituzzjoni sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni tal-persuna deċeduta.
L-informazzjoni tista’ tintalab b’lingwa li tinftiehem mill-awtoritajiet Kroati, iżda r-risposta għat-talba tkun bil-Kroat. L-informazzjoni hija pprovduta stampata bħala nota ffirmata u ttimbrata. L-awtorità rikjedenti ma hijiex soġġetta għal tariffa għall-kisba tal-informazzjoni mitluba.
L-entrata tista’ ssir biss abbażi ta’ dokumenti uffiċjali jew dokumenti privati li għalihom l-awtentiċità tal-firma hija ċċertifikata taħt liġi speċjali. L-isem tal-muniċipalità katastali, in-numru katastali jew in-numru tar-roqgħa art, l-entrata fir-reġistru tal-artijiet u d-deskrizzjoni tal-proprjetà immobbli għandhom ikunu sottolinjati sabiex il-korp tar-reġistru jkun jista’ jidentifika l-proprjetà rreġistrata u jdaħħal it-tibdil fis-sjieda tal-proprjetà immobbli fil-każ ta’ suċċessjoni. Il-valur legali tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru fl-Istat Membru tagħna jinsab fil-fatt li entrata fir-reġistri tal-artijiet hija prova tas-sjieda legali u l-unika prova tas-sjieda tal-proprjetà immobbli.
Ir-reġistri ċivili huma rekords tal-istat ċivili taċ-ċittadini; it-twelid, iż-żwiġijiet u l-imwiet jiddaħlu f’dawn ir-rekords. Ir-reġistri ċivili jinżammu b’mod elettroniku u huma ġestiti direttament mir-reġistraturi li jaħdmu f’uffiċji tar-reġistri ċivili. Ir-reġistratur fiż-żona tar-reġistru ċivili ta’ residenza fejn seħħ ċertu fatt (twelid, żwieġ, mewt) idaħħal l-informazzjoni fir-reġistru ċivili. Il-mewt ta’ persuna tiddaħħal fir-reġistru tal-imwiet skont il-post tal-mewt u abbażi ta’ rapport bil-fomm jew bil-miktub jew deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. L-informazzjoni li ġejja tiddaħħal fir-reġistru tal-imwiet: informazzjoni dwar il-persuna deċeduta, informazzjoni dwar il-konjuġi jew sieħeb/sieħba tal-persuna deċeduta jekk kienet miżżewġa jew kellha sieħeb/sieħba reġistrat(a), l-ismijiet mogħtija tal-ġenituri tal-persuna deċeduta, l-isem mogħti u l-post ta’ residenza permanenti tal-persuna li rrapportat il-mewt jew l-isem tal-istituzzjoni jekk istituzzjoni rrapportat il-mewt. Wara li ssir entrata, ir-reġistratur ifassal iċ-ċertifikat tal-mewt skont l-Att dwar is-Suċċessjoni (Zakon o nasljeđivanju) u jissottomettih lill-qorti kompetenti. Jekk ir-reġistratur li rċieva r-rapport dwar il-mewt ma jkunx seta’ jikseb l-informazzjoni neċessarja biex jimla ċ-ċertifikat tal-mewt, huwa għandu jissottometti biss estratt mir-reġistru tal-imwiet. La informazzjoni dwar l-eredi tal-persuna deċeduta u lanqas informazzjoni dwar il-proprjetà tal-persuna deċeduta ma tiddaħħal fir-reġistru tal-imwiet.
Skont l-Att dwar is-Suċċessjoni (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 48/03, 163/03, 35/05, 127/13, 33/15 u 14/19), il-fatt li sar testment, ġie ddepożitat u ddikjarat għandu jkun irrekordjat fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti (Hrvatski upisnik oporuka). Ir-Reġistru Kroat tat-Testmenti huwa reġistru pubbliku u l-informazzjoni f’dak ir-reġistru ma tista’ tkun disponibbli għal ħadd qabel ma jmut it-testatur ħlief għat-testatur jew persuna awtorizzata speċifikament mit-testatur. Wara li jmut it-testatur, in-nutara, l-avukati, il-qrati muniċipali (općinski sudovi), missjonijiet diplomatiċi jew konsulari u l-persuni li għamlu t-testment jistgħu jitolbu informazzjoni rrekordjata fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti. Wara l-mewt tat-testatur, persuni jew korpi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li qed jieħdu ħsieb proċedimenti ta’ probate, skont ir-regolamenti nazzjonali, li jeħtieġu informazzjoni mir-Reġistru Kroat tat-Testmenti jistgħu jitolbu informazzjoni rrekordjata f’dak ir-reġistru.
It-talba għandha tinkludi l-isem, il-kunjom, u d-data tat-twelid tal-persuna deċeduta; madankollu, informazzjoni addizzjonali tista’ tkun provduta wkoll sabiex tiffaċilita l-identifikazzjoni tat-testatur. Meta Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jissottometti talba biex ifittex fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti, għandu jiddikjara fit-talba li nbdew il-proċedimenti tal-probate dwar it-testatur u jissottometti ċertifikat tal-mewt bħala prova tal-mewt.
Il-Kamra tan-Nutara Kroata (Hrvatska javnobilježnička komora) iżżomm ir-Reġistru Kroat tat-Testmenti u l-kontenut u l-mod kif jinżamm dan ir-reġistru huma rregolati mir-Regoli dwar ir-Reġistru Kroat tat-Testmenti (NN Nri 135/03, 164/04, 91/19, “ir-Regoli”). Skont ir-Regoli, il-fatti li jikkonċernaw it-tfassil, id-depożitu u d-dikjarazzjoni ta’ testment jiddaħlu fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti. Skont l-Att dwar is-Suċċessjoni, għall-finijiet tal-proċedimenti tal-probate u wara inkjesta, ir-Reġistru Kroat tat-Testmenti jipprovdi informazzjoni dwar jekk testment jinżammx xi mkien u fejn ġie ddepożitat. Fuq talba tat-testatur, tiġi sottomessa informazzjoni lir-Reġistru Kroat tat-Testmenti minn qrati muniċipali, nutara, avukati, missjonijiet diplomatiċi jew konsulari u l-persuni li għamlu t-testment. Il-fatt li testment ma jkunx irrekordjat fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti jew iddepożitat xi mkien speċjali ma jagħmlux inqas validu. Bl-istess mod, il-kontenut ta’ testment ma jiddaħħalx fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti u lanqas ma jista’ testment ikun iddepożitat f’dan ir-reġistru; minflok, huwa biss il-fatt li sar testment u ġie ddepożitat mal-persuna awtorizzata jew l-awtorità kompetenti li jiġi rrekordjat fir-reġistru.
L-informazzjoni ta’ kuntatt tal-Kamra tan-Nutara Kroata bbażata f’Zagreb tinsab fuq: https://www.hjk.hr/. Skont l-Att dwar is-Suċċessjoni, qorti jew nutara bħala trustees tal-qorti jwettqu proċedimenti ta’ probate. Matul il-proċedimenti, fuq talba tal-eredi, il-qorti/nutar t/jitlob informazzjoni mill-istituzzjonijiet jew qrati kompetenti dwar il-proprjetà tal-persuna deċeduta li b’kollox tinkludi l-proprjetà immobbli li għandha tkun distribwita fost l-eredi skont l-Att dwar is-Suċċessjoni.
Testmenti privati u pubbliċi, kif ukoll notifiki għall-finijiet tal-proċedimenti tal-probate, jiġu rrekordjati fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti skont jekk u kif jinżamm testment. Il-fatt li sar testment, ġie ddepożitat u ddikjarat jiddaħħal fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti. Informazzjoni dwar it-testatur, it-tip tat-testment u l-post fejn ġie ddepożitat, ir-revoka ta’ testment, ir-ritorn ta’ testment u d-dikjarazzjoni ta’ testment tiddaħħal fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti. Il-Kamra tan-Nutara Kroata hija membru tal-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew tar-Reġistri tat-Testmenti tal-Istati Membri, li tiffaċilita s-sejba ta’ testment imdaħħal f’pajjiż differenti mill-pajjiż tal-proċedimenti ta’ probate.
Wara l-mewt tat-testatur, persuni jew korpi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li qed jieħdu ħsieb proċedimenti ta’ probate, skont ir-regolamenti nazzjonali, li jkunu jeħtieġu informazzjoni mir-Reġistru Kroat tat-Testmenti jistgħu jitolbu informazzjoni rrekordjata f’dak ir-reġistru. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, proċedimenti ta’ probate huma mwettqa għad-determinazzjoni tal-eredi tat-testatur, ta’ x’inhu inkluż fil-proprjetà tat-testatur, tad-drittijiet tal-eredi, legatarji u persuni oħra fir-rigward tal-proprjetà, jew għall-kisba tal-proprjetà immobbli u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-eredi, legatarji jew persuni oħra fir-rigward tal-proprjetà, jew sabiex jittieħdu azzjonijiet xierqa għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-eredi, legatarji u persuni oħra fir-rigward tal-proprjetà.
L-informazzjoni fir-reġistru ma hijiex disponibbli pubblikament. L-informazzjoni dwar it-testmenti mdaħħla fir-reġistru tista’ tintalab mit-testatur u mill-persuna awtorizzata speċifikament mit-testatur. Wara li jmut it-testatur, in-nutara, l-avukati, il-qrati muniċipali, missjonijiet diplomatiċi jew konsulari u l-persuni li għamlu t-testment jistgħu jitolbu informazzjoni rrekordjata fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti.
Skont id-dritt nazzjonali, il-Kamra tan-Nutara Kroata hija l-korp responsabbli biex iżomm ir-Reġistru Kroat tat-Testmenti. Il-kontenut ta’ testment ma jiddaħħalx fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti u lanqas ma jista’ testment ikun iddepożitat f’dan ir-reġistru. Sabiex tikseb informazzjoni mir-Reġistru Kroat tat-Testmenti, l-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi l-isem u l-kunjom tal-persuna deċeduta, id-data tat-twelid u d-data tal-mewt tagħha, dokument li juri li seħħ il-mewt, prova li l-awtorità hija kompetenti twettaq il-proċedimenti ta’ probate fl-Istat Membru. Għandu jiġi sottomess ċertifikat tal-mewt. L-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi prova li hija kompetenti li twettaq il-proċedimenti ta’ probate fl-Istat Membru. It-talba ssir bil-lingwa uffiċjali tal-Kroazja.
L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta b’lingwa li tintuża uffiċjalment fil-Kroazja. Għandha titħallas tariffa. Għandha titħallas tariffa għar-reġistrazzjoni soġġett għal reċiproċità (ħlas ta’ tariffa għar-reġistrazzjoni għall-aċċess ta’ informazzjoni fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti għandu jsir minn awtorità barranija jekk korp jew nutar Kroat ikollu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni meta jitlob informazzjoni mir-reġistru tat-testmenti ta’ dak l-Istat Membru).
It-tariffa li tammonta għal EUR 2.65 għandha titħallas fil-kont giro li ġej:
IBAN: HR5223600001500056128
lill-Kamra tan-Nutara Kroata, Radnička cesta 34, Zagreb, il-Kroazja, għall-finijiet ta’ – “Upisnina za Hrvatski upisnik oporuka (HUO)” (Ħlas ta’ tariffa għar-reġistrazzjoni għar-Reġistru Kroat tat-Testmenti).
Barra minn hekk, testatur għandu jħallas ukoll tariffa għar-reġistrazzjoni biex idaħħal l-aħħar testment tiegħu (meta jissottometti talba biex idaħħal it-testment tiegħu) li tammonta għal EUR 13.27.
Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tradott għall-Kroat jinkludi deskrizzjoni tal-proprjetà immobbli, jiġifieri n-numru tar-roqgħa u deskrizzjoni tal-proprjetà immobbli bir-roqgħa art skont l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistri tal-artijiet Kroati. Informazzjoni meħtieġa: numru tar-roqgħa, deskrizzjoni tal-proprjetà immobbli bir-roqgħa art skont l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru tal-artijiet Kroat, kif ukoll l-isem, kunjom, indirizz u numru ta’ identifikazzjoni personali tal-eredi.
Skont id-dritt nazzjonali Kroat, l-entrata fir-reġistri tal-artijiet hija prova tas-sjieda legali. Il-Kroazja ma għandhiex reġistru taċ-Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni kollha maħruġa fil-Kroazja. Il-qrati muniċipali jżommu lista ta’ ċertifikati maħruġa u persuni li jinħarġulhom kopji awtentikati taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, imma biss għaż-żona fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom. Malli joħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, in-nutar jissottomettih lill-qorti muniċipali fiż-żona tas-sede tiegħu sabiex jiddaħħal fil-lista taċ-Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni.
Ir-rekords tal-vetturi rreġistrati u mmarkati fis-Sistema tal-Informazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni jinkludu informazzjoni dwar iċ-ċentru tal-ittestjar fejn vettura tkun irreġistrata, in-numru tar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni, l-assigurazzjoni, u s-sid, id-detentur u l-lokatarju, kif ukoll informazzjoni teknika dwar il-vettura u kwalunkwe entrata ta’ restrizzjonijiet dwar l-użu tal-vettura. Mill-1 ta’ Jannar 2018, skont l-Att dwar is-Sikurezza fit-Toroq (Zakon o sigurnosti prometa na cestama) (NN Nru108/17) u r-Regoli dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Immarkar tal-Vetturi (Pravilnik o registraciji i označavanju vozila) (NN Nru130/17), ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u kompiti oħra relatati, li qabel kienu mwettqa minn amminstrazzjonijiet tal-pulizija jew għases tal-pulizija, twettqu minn ċentri tal-ittestjar tal-vetturi.
L-informazzjoni ta’ kuntatt taċ-ċentri tal-ittestjar tal-vetturi tinsab hawnhekk: https://cvh.hr/naslovnica/. L-informazzjoni fir-rekords tal-vetturi rreġistrati u mmarkati ma hijiex disponibbli għall-pubbliku. Hija biss il-persuna li fuqha hija rreġistrata l-vettura li tista’ tikseb informazzjoni mir-rekords tal-vetturi rreġistrati u mmarkati.
Id-dritt tal-persuni l-oħra li jiksbu informazzjoni mill-rekords tal-vetturi rreġistrati u mmarkati huwa ddeterminat f’konformità mar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data. L-awtorità li żżomm ir-reġistru hija awtorizzata skont id-dritt nazzjonali biex tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra f’ċerti ċirkostanzi. Il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet interni jipprovdi informazzjoni dwar vetturi u sidien tal-vetturi, jew detenturi tal-vetturi taħt ftehim tal-kiri, lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera.
Ir-rekords tal-armi rreġistrati jinkludu informazzjoni dwar is-sid tal-arma (l-isem u l-kunjom, id-data u l-post tat-twelid, il-post ta’ residenza permanenti, in-numru ta’ identifikazzjoni personali), ir-reġistru tal-armi (in-numru tar-reġistru u d-data tar-reġistru), informazzjoni dwar l-arma (it-tip, l-għamla u l-mudell, il-kalibru u n-numru tal-fabbrika), u informazzjoni dwar id-dokumenti tal-armi (in-numru tas-serje tad-dokument, id-data tal-ħruġ u d-data tal-validità).
Hija biss il-persuna li fuqha hija rreġistrata l-arma li tista’ tikseb informazzjoni mir-rekords tal-armi rreġistrati. L-informazzjoni fir-rekords tal-armi rreġistrati ma hijiex disponibbli għall-pubbliku. Id-dritt tal-persuni l-oħra li jiksbu informazzjoni mir-rekords tal-armi rreġistrati huwa ddeterminat f’konformità mar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data. Informazzjoni mir-rekords tal-armi rreġistrati hija pprovduta għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ delitti u reati kriminali jew it-twettiq ta’ proċedimenti amministrattivi. Jekk ma hemm l-ebda bażi legali biex tkun ipprovduta din l-informazzjoni, il-korp responsabbli għar-reġistru jista’ jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra.
Ir-reġistru tal-inġenji tal-ajru fih l-informazzjoni li ġejja: (a) in-numru ordinali fir-reġistru, (b) in-numru tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, (c) l-isem tal-manifattur u n-numru tal-manifattur tal-inġenju tal-ajru, (d) id-deskrizzjoni ICAO tat-tip tal-inġenju tal-ajru, (e) in-numru tas-serje tal-inġenju tal-ajru, (f) is-sena tal-manifattura tal-inġenju tal-ajru (noti: għal inġenju tal-ajru li jikkonsisti f’ġewnaħ u “trike” (tajra b’mutur) l-informazzjoni taħt (c), (e) u (f) għall-ġewnaħ u t-“trike” tiddaħħal separatament), (g) informazzjoni dwar l-operatur tal-inġenju tal-ajru, (h) id-data tar-reġistrazzjoni u tħassir tal-inġenju tal-ajru, (i) il-massa massima waqt il-qtugħ (MTOM, maximum take-off mass), (j) informazzjoni dwar reġistrazzjoni preċedenti (il-pajjiż tal-inġenju tal-ajru, in-numru tar-reġistrazzjoni, id-data tad-dereġistrazzjoni preċedenti), (k) informazzjoni dwar is-sid, sid konġunt jew koproprjetarju (minn hawn ’il quddiem: “sid”) (informazzjoni dwar is-sid tal-inġenju tal-ajru tinkludi s-segwenti: – l-isem u l-kunjom, il-post tar-residenza permanenti, in-nazzjonalità, in-numru tal-identifikazzjoni personali (minn hawn ’il quddiem: “PIN”) ta’ persuna fiżika; – l-isem, il-kunjom, il-post ta’ residenza permanenti jew temporanja ta’ persuna fiżika li hija kummerċjant, il-PIN, l-isem kummerċjali mqassar u s-sede kummerċjali, jew l-isem tan-negozju jew l-isem, is-sede, in-nazzjonalità, il-PIN ta’ persuna ġuridika; – restrizzjonijiet fuq l-operat u l-użu liberu ta’ inġenju tal-ajru jew sehem fi sjieda konġunta imposti fuq is-sid personalment (pereżempju s-sid ikun minorenni, l-estensjoni tad-drittijiet tal-ġenituri jew il-kustodja, id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza), (1) drittijiet reali (rahan) li jaggravaw l-inġenju tal-ajru jew is-sehem intanġibbli tiegħu, id-drittijiet ta’ prelazzjoni, restrizzjonijiet fuq l-użu, indikazzjoni tal-entitajiet li tirreferi għalihom entrata, id-data ta’ riċevuta ta’ talba, l-ammont, fejn rilevanti, għar-reġistrazzjoni; jistgħu jiddaħlu noti dwar li ssir entrata, projbizzjonijiet ta’ piżijiet, trasferiment ta’ titli jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ inġenju tal-ajru jew sehem fis-sjieda konġunta. Informazzjoni dwar detentur tad-drittijiet tiddaħħal bl-ispeċifikar tal-isem u l-kunjom tiegħu, il-post tar-residenza permanenti jew temporanja u l-PIN għal persuni fiżiċi, jew l-isem tan-negozju jew l-isem, is-sede u l-PIN għal persuni ġuridiċi. Id-data ta’ kull entrata ta’ informazzjoni, entrata ta’ tibdil jew tħassir ta’ informazzjoni kif ukoll noti dwar entrati magħmula jistgħu jiddaħlu wkoll.
L-informazzjoni ta’ kuntatt tar-reġistru nazzjonali hija kif ġej:
HRVATSKA AGENCIJA ZA CIVILNO ZRAKOPLOVSTVO, Ulica grada Vukovara 284, 10000 Zagreb, register@ccaa.hr, http://www.ccaa.hr/.
Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali. Ċertu informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili Kroata fil-kategorija http://www.ccaa.hr/hr/popis-registriranih-zrakoplova-94674 (in-numru ordinali fir-reġistru, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, l-isem tal-manifattur u n-numru tal-manifattur tal-inġenju tal-ajru, in-numru tas-serje tal-inġenju tal-ajru, l-isem tas-sid jekk tkun persuna ġuridika, u jekk is-sid tkun persuna fiżika, u jekk is-sid huwa persuna fiżika, nota biss li tiddikjara “persuna fiżika”).
Informazzjoni oħra mir-reġistru Kroat tal-inġenji tal-ajru ċivili hija disponibbli: (a) permezz ta’ aċċess dirett (b) permezz tal-kisba ta’ estratt għall-informazzjoni kollha mdaħħla għal inġenju tal-ajru jew xi informazzjoni biss. Ir-reġistru huwa ktieb pubbliku. Kwalunkwe persuna tista’ titlob aċċess għar-reġistru u l-bażi tad-data tad-dokumenti u tikseb estratti mill-ktieb ewlieni tar-reġistru.
L-awtorità li żżomm ir-reġistru hija awtorizzata skont id-dritt nazzjonali biex tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra (estratt għall-informazzjoni kollha mdaħħla għal inġenju tal-ajru). L-ebda dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali ma tawtorizza lill-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili Kroata bħala l-korp responsabbli għar-reġistru biex tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra. Dan irid jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ.
L-informazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor sabiex tkun tista’ ssir tfittxija fir-reġistru rikjest tiddependi fuq in-natura tat-tfittxija u t-tip ta’ informazzjoni meħtieġa. Jekk it-talba tikkonċerna sjieda jew operatur, l-informazzjoni għandha tinkludi l-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika jew l-isem tal-persuna ġuridika. Jekk it-talba tikkonċerna inġenju tal-ajru partikolari, ukoll skont it-tip ta’ tfittxija, l-informazzjoni għandha tinkludi n-numru tas-serje tal-inġenju tal-ajru, filwaqt li l-manifattur tal-inġenju tal-ajru u n-numru tal-manifattur tal-inġenju tal-ajru, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew kwalunkwe dettall tekniku ieħor ġeneralment jista’ jgħin sabiex jidentifika l-inġenju tal-ajru inkwistjoni. Provi jinkludu l-isem u l-kunjom u l-PIN (in-numru tal-identifikazzjoni personali assenjat mill-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja lil persuna fiżika jew ġuridika li tkun ċittadina tal-Kroazja u twettaq kwalunkwe tranżazzjoni legali jew amministrattiva fil-Kroazja, inkluż entrata fir-reġistru). Għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit statutorju għal dan, kwalunkwe entità li titlob informazzjoni mir-reġistru Kroat tal-inġenji tal-ajru ċivili tiddikjara l-finijiet ta’ din it-talba, minkejja l-fatt li l-Att dwar it-Traffiku tal-Ajru (Zakon o zračnom prometu) (NN Nri 69/09, 84/11, 54/13, 127/13, 92/14) (minn hawn ’il quddiem: l-Att dwar it-Traffiku tal-Ajru) jipprevedi li r-reġistru huwa ktieb pubbliku.
Kwalunkwe persuna tista’ titlob aċċess għar-reġistru u l-bażi tad-data tad-dokumenti u tikseb estratti mill-ktieb ewlieni tar-reġistru. Hemm proċedura speċjali għall-ksib ta’ dokumenti mill-arkivju tal-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili Kroata li tirrikjedi li l-applikant juri interess legali fil-ksib ta’ dawn id-dokumenti/kopji. It-talba tista’ tkun sottomessa b’mod elettroniku b’firma elettronika awtentikata jew bil-posta. Estratt mir-reġistru jista’ jintbagħat bil-posta elettronika jew bil-posta regolari. L-informazzjoni tista’ tintalab bil-Kroat jew bl-Ingliż. Estratt mir-reġistru jinħareġ f’forma strutturata u jkun iffirmat u jista’ jkun stampat jew jintbagħat bil-posta elettronika bil-Kroat jew bl-Ingliż. Jekk tintalab biss informazzjoni u mhux estratt mir-reġistru, din tiġi pprovduta mhux bħala estratt iżda bħala ittra ffirmata li tinkludi l-informazzjoni mitluba bil-Kroat u bl-Ingliż.
L-awtorità rikjedenti ma hijiex soġġetta għal tariffa għall-kisba tal-informazzjoni mitluba. Rekwiżiti formali u sostanzjali biex jiddaħħal it-tibdil fis-sjieda tal-proprjetà rreġistrata abbażi tas-suċċessjoni: prova ta’ sjieda oriġinali jew kopja awtentikata tagħha ta’ inġenju tal-ajru, deċiżjoni tal-qorti jew l-att rilevanti ta’ korp ieħor li jiġġustifika t-tibdil jew dokument privat li jiġġustifika t-tibdil għandu jiġi sottomess bl-użu tal-formola li tinsab fil-ħolqa li ġejja: ALR-FRM-009 Applikazzjoni biex tiddaħħal id-data u t-tibdil fid-data fir-reġistru Kroat tal-inġenji tal-ajru ċivili.
Informazzjoni neċessarja għall-korp responsabbli għar-reġistru biex jidentifika l-proprjetà rreġistrata u biex ikun jista’ jdaħħal it-tibdil fis-sjieda wara s-suċċessjoni: in-numru tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, in-numru ordinali fir-reġistru, is-sid (isem u kunjom / isem tal-kumpanija, indirizz, nazzjonalità, PIN). Sabiex dan isir, tintuża l-formola li ġejja: ALR-FRM-009 Applikazzjoni biex tiddaħħal id-data u t-tibdil fid-data fir-reġistru Kroat tal-inġenji tal-ajru ċivili.
Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar it-Traffiku tal-Ajru, ir-reġistru huwa kkunsidrat li jagħti stampa vera u kompleta tal-istat fattwali u legali tal-inġenju tal-ajru. Ir-reġistru jgawdi l-fiduċja pubblika. Estratti mir-reġistru tal-inġenji tal-ajru għandhom il-valur probatorju ta’ dokument pubbliku. Ħadd ma jista’ jargumenta li ma kienx jaf dwar entrata fir-reġistru. Xerrej li jkun aġixxa in bona fide b’fiduċja fir-reġistru huwa protett legalment jekk ma kienx konxju jew, tenut kont taċ-ċirkostanzi, ma kellux biżżejjed raġuni li jissuspetta li dak li ddaħħal ma kienx komplut jew li kien differenti mill-istat imdaħħal, kif previst fl-Att dwar l-Obbligi u r-Relazzjonijiet tal-Proprjetà fit-Traffiku tal-Ajru (Zakon o obveznim i stvarnopravnim odnosima u zračnom prometu) (NN Nri 63/08, 134/09 u 94/13).
Is-Servizz tar-Reġistru tal-Bastimenti (Služba za registre plovnih objekata) huwa mwaqqaf fi ħdan id-Direttorat għas-Sikurezza Marittima (Uprava sigurnosti plovidbe) tal-Ministeru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura, u l-ambitu tal-attivitajiet tiegħu jinkludu ż-żamma tar-reġistru ta’ inġenji marittimi u inġenji tal-passaġġi interni fuq l-ilma. Ir-Reġistru tal-Vapuri (Upisnik brodova) huwa mwaqqaf bħala reġistru uniku tal-inġenji marittimi Kroati u inġenji marittimi taħt kostruzzjoni. Ir-reġistru tal-artijiet jinżamm b’mod elettroniku. Sistema għal aċċess elettroniku għall-informazzjoni fir-Reġistru tal-Vapuri hija disponibbli permezz tal-magna tat-tiftix pubblika tal-bastimenti (Javni pretraživač plovila) fuq il-paġna web tal-Ministeru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura http://eplovilo.pomorstvo.hr/#/uvidUPodatkeUpisnikaPlovila. Il-magna tat-tiftix pubblika tal-bastimenti tippermetti l-verifika ta’ informazzjoni ġenerali u identifikattiva dwar il-bastimenti, informazzjoni dwar sid ta’ bastiment u l-eżistenza ta’ piżijiet reali jew piżijiet oħra fuq bastiment. Indirizz elettroniku huwa wkoll disponibbli għad-domandi relatati mar-Reġistru tal-Vapuri: upisnik@pomorstvo.hr L-Istati Membri kollha u l-pajjiżi mhux membri jistgħu jibagħtu d-domandi tagħhom lill-indirizz elettroniku ta’ hawn fuq kif ukoll jikkuntattjaw l-unitajiet lokali ta’ dan il-korp – Awtoritajiet tal-Port (Lučke kapetanije). L-informazzjoni ta’ kuntatt tal-Awtoritajiet tal-Port hija disponibbli fuq dan l-indirizz web: https://mmpi.gov.hr/more-86/lucke-kapetanije-102/102.
Il-Kumpanija Inkorporata tal-Ikklerjar u d-Depożitarju Ċentrali (Središnje klirinško depozitarno društvo d.d.) (minn hawn ’il quddiem: “KIDĊ”) topera depożitarju ċentrali tat-titoli, jiġifieri, reġistru tat-titoli b’entrata fil-kotba li jinkludi informazzjoni dwar emittenti, titoli, kontijiet tat-titoli u detenturi tat-titoli; jinkludi wkoll informazzjoni oħra dwar titoli b’entrata fil-kotba, bħal kontijiet, klassijiet, tipi, kwantitajiet, drittijiet ta’ proprjetà u detenturi ta’ dawk id-drittijiet, restrizzjonijiet fuq drittijiet ta’ proprjetà, u r-rendikont tal-entrati tat-titoli b’entrata fil-kotba, miżmuma bħala rekords elettroniċi.
L-informazzjoni rilevanti tinsab hawnhekk: https://www.skdd.hr/portal/f?p=100:1. Il-KIDĊ hija l-unika kumpanija fil-Kroazja li tiffunzjona bħala depożitarju ċentrali, jiġifieri reġistru tat-titoli b’entrata fil-kotba, u ma hemm l-ebda reġistru reġjonali separat fil-Kroazja. Il-KIDĊ topera bħala kumpanija ta’ depożitarju ċentrali u hija l-uniku reġistru ta’ titoli fil-Kroazja. Il-KIDĊ għandha żżomm l-informazzjoni fid-depożitarju ċentrali bħala sigriet tan-negozju; dan ma japplikax għal informazzjoni li għandha tinżamm disponibbli pubblikament skont l-Att dwar is-Swieq Kapitali (Zakon o tržištu kapitala) (NN Nri 65/18, 17/20, 83/21, 151/22).
L-Aġenzija Superviżorja tas-Servizzi Finanzjarji Kroati (Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga – HANFA) tista’ taċċessa informazzjoni u dokumenti miżmuma fid-depożitarju ċentrali; fuq talba u taħt liġi speċjali, id-dritt nazzjonali jew il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-aċċess jista’ jingħata wkoll lill-awtoritajiet u korpi ġudizzjarji u amministrattivi definiti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012. Kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu tista’ wkoll taċċessa informazzjoni.
Fil-każ ta’ suċċessjoni, awtorità nazzjonali ġeneralment titlob informazzjoni dwar jekk persuna deċeduta kellhiex kont tat-titoli miftuħ; jekk kellha, hija titlob informazzjoni dwar x’titoli kellha, it-tip u l-kwantitajiet tagħhom, u prospett tal-fondi mħallsa u mhux imħallsa mill-azzjonijiet korporattivi. Ir-reġistru jista’ jirrifjuta jipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra jekk talba ma tkunx ċara jew kompluta, jekk talba ma fihiex biżżejjed informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-persuna deċeduta kkonċernata lil hinn minn kull dubju jew jekk ma tiddikjarax il-finijiet tat-talba.
Awtorità ta’ Stat Membru ieħor ma tistax tfittex fir-reġistru tal-KIDĊ. Awtorità ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ewwel tipprovdi l-isem u l-kunjom, in-numru ta’ identifikazzjoni personali jew data identifikattiva oħra, id-data tat-twelid u l-post ta’ residenza permanenti tal-persuna deċeduta preżunta bħala s-sid tal-kont jew titoli b’entrata fil-kotba lill-KIDĊ, imbagħad il-KIDĊ tista’ tipprovdi l-informazzjoni mitluba lil dik l-awtorità. L-awtorità rikjedenti għandha tissottometti prova tal-mewt lill-KIDĊ; il-prova tista’ tkun ċertifikat tal-mewt jew dokument ieħor li jikkonferma l-mewt ta’ persuna taħt il-liġijiet tal-istat rikjedenti. L-awtorità rikjedenti għandha tagħti prova li qed titlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 66(5) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni.
L-oriġinali ffirmata u ssiġillata tat-talba formali għal informazzjoni għandha tintbagħat bil-posta. It-talba u d-dokumenti għandhom ikunu bil-lingwa Kroata u bl-alfabett Latin. Dokumenti li ma jkunux ippubblikati bil-Kroat għandhom jiġu tradotti bil-Kroat minn traduttur ġuramentat sakemm l-impjegati tal-KIDĊ ma jistgħux jiddeterminaw b’mod kunfidenti l-kontenut tat-talba u d-dokumenti mingħajr it-traduzzjoni. L-informazzjoni hija pprovduta f’ittra formali bħala notifika valida mingħajr it-timbru jew il-firma tal-kumpanija u tintbagħat bil-posta. L-informazzjoni hija pprovduta bil-lingwa Kroata bl-alfabett Latin u bil-lingwa Ingliża. L-awtoritajiet u l-korpi ġudizzjarji u amministrattivi definiti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom iħallsu tariffa għall-informazzjoni mitluba.
It-trasferimenti permezz tad-depożitarju jikkonċernaw primarjament l-akkwist tat-titoli skont il-liġi, tranżazzjoni legali, deċiżjoni ta’ qorti jew awtorità kompetenti, permezz ta’ wirt jew bażi legali valida. Trasferiment ta’ titoli akkwistati permezz ta’ wirt jista’ jsir wara deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni jew ftehim ta’ manteniment tul il-ħajja. Il-KIDĊ tista’ tagħmel trasferiment ta’ titoli lill-kont tal-eredi bbażat fuq deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni jew dokument pubbliku ekwivalenti għal deċiżjoni dwar is-suċċessjoni. Id-deċiżjoni għandha tkun finali u pprovduta fl-oriġinal tagħha u għandha tinkludi l-informazzjoni li hemm bżonn għall-identifikazzjoni tal-investitur (it-testatur u l-eredi) lil hinn minn kull dubju sabiex ma jkunx hemm konfużjoni ma’ investitur ieħor. Skont l-Artikolu 530 tal-Att dwar is-Swieq Kapitali, titoli b’entrata fil-kotba u d-drittijiet li jirriżultaw minn tali titolu huma akkwistati abbażi ta’ tranżazzjoni legali valida meta mdaħħla f’kont tat-titoli b’entrata fil-kotba tal-akkwirent jew ta’ persuna li żżomm titolu b’entrata fil-kotba għan-nom tal-akkwirent, sakemm iż-żmien tal-akkwist ma jkunx iddefinit mod ieħor permezz ta’ regolament speċjali.
Ir-reġistru ta’ fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet jinkludi informazzjoni dwar l-isem u l-kunjom ta’ fond tal-pensjoni obbligatorju, il-bidu u t-tmiem tal-assigurazzjoni, in-numru tal-kont personali f’fond tal-pensjoni obbligatorju, in-numru ta’ unitajiet ta’ kont f’kont personali, il-valur tal-assi f’kont personali, il-pagamenti lill-fond jew minnu, l-isem tal-fond tal-pensjonijiet u l-kategorija tal-fond tal-persuna assigurata.
L-informazzjoni ta’ kuntatt tar-reġistru nazzjonali hija kif ġej: REGOS, Gajeva 5, 10000 Zagreb, https://regos.hr/.
Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali. L-aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru huwa ristrett. Korpi irregolati mil-liġi pubblika jistgħu jitolbu informazzjoni biss biex iwettqu kompiti fl-ambitu tal-attivitajiet tagħhom; l-awtoritajiet ġudizzjarji u utenti oħra jistgħu jitolbu informazzjoni jekk ikunu awtorizzati taħt regolament jew jekk il-persuna li dwarha tkun intalbet l-informazzjoni, tagħti l-kunsens tagħha.
L-awtorità li qed iżżomm ir-reġistru hija awtorizzata skont id-dritt nazzjonali tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali oħra. Dan jirreferi għall-informazzjoni dwar membri tal-fondi tal-assigurazzjoni obbligatorja, in-numru ta’ unitajiet ta’ kont f’kont personali, il-valur tal-assi f’kont personali, pagamenti lill-fond jew minnu, l-isem tal-fond u l-kategorija tal-fond.
L-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni lil awtorità nazzjonali li tkunx awtorizzata tiġbor tali informazzjoni taħt regolament jew mingħajr il-kunsens tal-persuna li dwarha tkun intalbet l-informazzjoni. Awtorità ta’ Stat Membru ieħor jeħtiġilha tipprovdi l-isem u l-kunjom tal-membru deċedut tal-fond, il-PIN tiegħu u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu (numru ewlieni taċ-ċittadin, MBG).
L-awtorità rikjedenti ma għandhiex bżonn tagħti prova tal-informazzjoni fuq il-persuna deċeduta. L-awtorità rikjedenti ma għandhiex tagħti prova li qed titlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 66(5) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni.
L-informazzjoni tista’ tintalab u tkun provduta permezz tal-posta u tal-posta elettronika. L-informazzjoni tista’ tintalab bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni hija pprovduta f’ittra formali awtentikata mill-persuna responsabbli. L-informazzjoni tista’ tingħata bil-Kroat. Ma hemm l-ebda tariffa biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba.
Ma hemm l-ebda rekwiżit għat-tibdil fis-sjieda tal-assi li ntirtu f’kont personali. Il-valur legali tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru hija prova tal-eżistenza u l-ammont tal-assi f’kont personali.
L-Artikolu 6 tal-Att tar-Reġistru tal-Qorti (Zakon o sudskom registru) (NN Nru 1/95 … 123/23) iniżżel l-entitajiet li għandhom jiddaħlu fir-reġistru tal-qorti u dawn huma: kumpaniji kummerċjali pubbliċi (javna trgovačka društva), soċjetajiet limitati (komanditna društva), gruppi b’interess ekonomiku (gospodarska interesna udruženja), kumpaniji b’ishma konġunti (dionička društva), kumpaniji b’responsabbiltà limitata (društva s ograničenom odgovornošću), kumpaniji Ewropej (Societas Europaea – SEs), Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE), Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), istituzzjonijiet (ustanove), komunitajiet ta’ istituzzjonijiet (zajednice ustanova), kooperattivi (zadruge), unjonijiet ta’ kooperattivi (savezi zadruga), unjonijiet tal-kreditu (kreditne unije) u persuni oħra li għandhom ikunu rreġistrati skont il-liġi.
Fergħat ta’ dawn l-entitajiet jiddaħlu fir-reġistru jekk preskritt mil-liġi. Massa ta’ likwidazzjoni u massa fallimentari jiddaħlu fir-reġistru jekk preskritt mil-liġi msemmija hawn fuq jew minn liġi speċjali.
L-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru hija mniżżla taħt l-Artikolu 24 tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti. L-informazzjoni preskritta mil-liġi u bidliet f’dik l-informazzjoni jiddaħlu fir-reġistru. L-informazzjoni li ġejja tiddaħħal għall-entitajiet kollha soġġetti għar-reġistrazzjoni:
(1) in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija (MBS) u n-numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN), u l-EUID jekk jeżisti
(2) l-isem tan-negozju tal-entità, l-isem tan-negozju mqassar u l-isem tan-negozju jew l-isem tradott, l-isem imqassar u l-isem tradott, jekk jeżisti
(3) is-sede (post) u l-indirizz tan-negozju fil-Kroazja
(4) l-għan tan-negozju jekk il-liġi tipprevedi li ċerti attivitajiet jistgħu jitwettqu biss abbażi tal-kunsens, permess jew att ieħor tal-awtorità kompetenti
(5) l-isem u l-kunjom tal-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw l-entità, il-PIN, il-post ta’ residenza permanenti u l-forma ta’ rappreżentanza tagħhom
(6) il-fergħat
(7) id-data li fiha jiġi sottomess rapport finanzjarju sħiħ, is-sena finanzjarja li għaliha jiġi sottomess ir-rapport jekk il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti tkun preskritta
(8) l-entrati
(9) l-istruttura ġuridika
(10) id-data tal-adozzjoni tal-memorandum ta’ assoċjazzjoni (statuti, statuti ta’ assoċjazzjoni, artikoli ta’ inkorporazzjoni, att ta’ stabbiliment jew att ieħor) u data u sommarju ta’ emendi għal dawn l-atti
(11) id-durata tal-entità jekk limitata
(12) il-bidliet fl-istat
(13) it-tfeġġija ta’ raġunijiet għat-terminazzjoni tal-entità
(14) il-likwidazzjoni
(15) il-kontinwazzjoni tal-entità
(16) il-falliment – deċiżjonijiet minn qorti tal-falliment
(17) is-saldu ta’ qabel il-falliment – deċiżjoni li tiftaħ il-proċedimenti għal saldu ta’ qabel il-falliment, deċiżjoni li twaqqaf il-proċedimenti għal saldu ta’ qabel il-falliment u deċiżjoni li tapprova s-saldu ta’ qabel il-falliment
(18) xoljiment tal-entità, raġunijiet għax-xoljiment jew raġunijiet għall-ordni ta’ dereġistrazzjoni, b’mod partikolari: (a) il-bażi legali, kwalunkwe informazzjoni dwar suċċessur legali; (b) id-deċiżjoni dwar l-intenzjoni li jinbdew proċedimenti ta’ dereġistrazzjoni; (c) id-deċiżjoni sabiex jitwaqqfu l-proċedimenti ta’ dereġistrazzjoni; (d) id-deċiżjoni dwar id-dereġistrazzjoni
(19) l-indirizz elettroniku.
Il-fundaturi u l-membri ta’ kumpanija jiddaħlu fir-reġistru jekk dan ikun preskritt mil-liġi. L-informazzjoni li ġejja tiddaħħal fir-reġistru għal massa ta’ likwidazzjoni jew massa fallimentari: l-isem u l-kunjom, il-PIN u l-post ta’ residenza permanenti għal persuni fiżiċi domestiċi jew il-post ta’ residenza temporanja għal persuni fiżiċi barranin jekk jeżistu, l-isem tan-negozju jew l-isem, is-sede, l-MBS, il-PIN u l-EUID, jekk jeżistu, għal persuni ġuridiċi u informazzjoni korrispondenti għall-persuni ġuridiċi barranin.
Informazzjoni dwar id-data tas-sottomissjoni tar-rapporti finanzjarji, data personali u postijiet ta’ residenza permanenti għal persuni fiżiċi u bidliet f’din l-informazzjoni tista’ titniżżel b’mod elettroniku mill-Aġenzija Finanzjarja (Financijska agencija), rekords ċivili u reġistri.
L-informazzjoni ta’ kuntatt tar-reġistru nazzjonali tinsab hawnhekk: https://sudreg.pravosudje.hr/registar/f?p=150:1, https://sudreg.pravosudje.hr/registar/f?p=150:107:0:::NO, https://sudovi.hr/hr/o-sudovima/sudovi-republike-hrvatske.
Ir-reġistru jinżamm mill-qrati kummerċjali (trgovački sudovi) (minn hawn ’il quddiem: “qrati tar-reġistru” (registarski sudovi)). Ir-reġistru jinżamm b’mod permanenti. Jikkonsisti minn ktieb ewlieni u bażi tad-data tad-dokumenti. Il-ktieb ewlieni jinżamm b’mod elettroniku. Il-kotba ewlenin huma konnessi ma’ bażi tad-data unika għall-Kroazja. Ir-reġistru tal-qorti huwa ktieb pubbliku li fih informazzjoni u dokumenti dwar entitajiet li skont il-liġi għandhom jiddaħlu fir-reġistru. Il-qrati kummerċjali huma qrati speċjalizzati li jieħdu ħsieb kwistjonijiet tar-reġistru u jżommu reġistri tal-qorti. Fil-Kroazja hemm reġistri tal-qrati fil-qrati kummerċjali f’Bjelovar, Osijek, Rijeka, Varaždin, Zagreb, Dubrovnik, Pazin, Split u Zadar. Ir-reġistru tal-qorti huwa ktieb pubbliku li fih informazzjoni u dokumenti dwar entitajiet li skont il-liġi għandhom jiddaħlu fir-reġistru. Huwa miżmum mill-qrati kummerċjali.
Ir-reġistru Kroat kien imfassal fuq ir-reġistru Awstrijak (Firmenbuch) u kien l-ewwel ktieb pubbliku li nżamm b’mod elettroniku fil-Kroazja. Is-sistema ta’ informazzjoni tar-reġistru tal-qorti ilha topera fil-qrati kummerċjali kollha mis-17 ta’ Marzu 1995. Is-sistema hija mibnija fuq teknoloġija Oracle moderna, robusta, skalabbli u sigura b’arkitettura fuq tliet livelli li l-utenti jistgħu jaċċessaw b’mod sempliċi billi jużaw brawżer tal-internet.
Is-sistema hija mqabbda direttament mas-sistema ċentrali tal-PIN, ir-reġistru tar-rapporti finanzjarji annwali tal-Aġenzija Finanzjarja, is-sistema e-Tvrtka (negozju elettroniku), eSpis (fajls elettroniċi) u s-sistema ta’ għajnuna legali b’xejn. Il-bażi tad-data unika tar-reġistru hija parti mis-sistema li hija punt ċentrali għar-reġistru tal-ħżin, rekords u informazzjoni dwar l-istatistika tal-qrati u dokumenti tar-reġistru maħżuna b’mod elettroniku fil-bażi tad-data tad-dokumenti. L-aċċess għall-bażi tad-data għall-Kroazja huwa disponibbli 24 siegħa kuljum.
Mit-8 ta’ Ġunju 2017, ir-reġistru tal-qorti Kroat huwa konness mas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS, Business Register Interconnection System). It-tfittxija għall-kumpaniji, speċifikament kumpaniji b’responsabbiltà limitata, hija disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
L-utenti jistgħu jaċċessaw sett ta’ data bażiku mingħajr ħlas. Dak is-sett ta’ data jkopri l-isem tal-kumpanija, is-sede, it-tip, in-numru ta’ reġistrazzjoni, l-awtorità li l-kumpanija hija rreġistrata magħha, l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-identifikatur uniku (EUID). L-EUID huwa numru uniku tal-entità li jikkonsisti minn kodiċi tal-pajjiż, kodiċi tar-reġistru nazzjonali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-entità. L-utenti jistgħu wkoll jitolbu u jiksbu kopji elettroniċi tad-dokumenti disponibbli fir-reġistri tan-negozju madwar l-Unjoni Ewropea, iżda fil-bidu dawk li huma mingħajr ħlas biss. Peress li ħafna mill-Istati Membri jitolbu li titħallas tariffa għal dawn id-dokumenti, fil-futur BRIS se toffri wkoll l-għażla ta’ ħlasijiet online għal informazzjoni u dokumenti.
L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti jipprevedi li r-reġistru jkun pubbliku. Mingħajr il-bżonn li turi interess legali, kwalunkwe persuna tista’ taċċessa informazzjoni fil-ktieb ewlieni, dokumenti li fuqhom tkun ibbażata entrata u dokumenti u informazzjoni oħra maħżuna fil-bażi tad-data tad-dokumenti (minbarra dokumenti li l-liġi tiddikjara li ma humiex soġġetti għall-prinċipju tad-dominju pubbliku), u titlob estratt, kopja ċċertifikata jew traskrizzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni maħżuna fil-bażi tad-data tad-dokumenti. Estratt mill-ktieb ewlieni tar-reġistru tal-qorti u dokumenti u informazzjoni maħżuna mill-bażi tad-data tad-dokumenti jista’ jinkiseb b’mod elettroniku mill-paġna web tar-reġistru tal-qorti.
L-Artikolu 4(3), (4) u (5) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti jipprevedi li traskrizzjoni, kopja, estratt jew ċertifikat għandhom jinħarġu fi żmien 8 ijiem mid-data mitluba. Wara talba speċjali, persuna tista’ tikseb estratt b’informazzjoni għal perjodu speċifiku jew estratt storiku li jinkludi l-informazzjoni kollha mdaħħla mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inkorporazzjoni sad-data tal-ħruġ tal-estratt. Qorti tar-reġistru ma tistax tirrikjedi li persuni li jitolbu aċċess għall-ktieb ewlieni u dokumenti, jew traskrizzjoni, kopja tal-informazzjoni, estratt jew ċertifikat jiddikjaraw ir-raġuni jew il-fini għat-talba tagħhom. Kull qorti tar-reġistru għandha tagħmilha possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt li tiġi kkonsultata informazzjoni jew li jinkisbu estratti mill-ktieb ewlieni li jinżamm b’mod elettroniku u li jiġu kkonsultati u jinkisbu dokumenti u informazzjoni miżmuma fuq karti jew b’mod elettroniku fil-bażi tad-data tad-dokumenti, irrispettivament mir-reġistru li fih tinsab imdaħħla l-entità rilevanti, u fil-bażi tad-data tad-dokumenti jekk għandha tali bażi tad-data. L-aċċess għall-informazzjoni pubblika fil-ktieb ewlieni u d-dokumenti pubbliċi fil-forma elettronika fil-bażi tad-data tad-dokumenti għandu jkun permess mingħajr ħlas permezz tas-sit web tar-reġistru. Estratti elettroniċi għandhom jiġu ffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata.
L-Artikolu 4a tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti jipprevedi li l-informazzjoni fil-ktieb ewlieni u fil-bażi tad-data tad-dokumenti għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-informazzjoni fil-ktieb ewlieni hija disponibbli għal kulħadd f’forma li tinqara mill-magni fuq talba u soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa. Il-Gvern Kroat jippreskrivi l-mod u l-kundizzjonijiet u l-ammont tat-tariffa msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu permezz ta’ deċiżjoni. Fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, il-Gvern Kroat jista’ wkoll jipprevedi eżenzjonijiet mit-tariffi. L-aċċess għall-bażi tad-data għall-Kroazja jrid ikun disponibbli 24 siegħa kuljum. L-informazzjoni fil-ktieb ewlieni u fil-bażi tad-data tad-dokumenti għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-mezzi elettroniċi.
L-informazzjoni tista’ tintalab bil-Kroat. L-informazzjoni hija pprovduta f’estratt elettroniku, li għandu jkun iffirmat permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata. Id-Digriet dwar it-Tariffi tal-Qorti (Uredba o Tarifi sudskih pristojbi) (NN Nru 37/23) jistabbilixxi l-ammonti tal-obbligi tat-tariffi fi proċedimenti quddiem il-qrati.
L-obbligi li jikkonċernaw it-tariffi huma stabbiliti fin-numri tat-tariffi tat-Tariffa tal-Qorti (Tarifa sudskih pristojbi), li hija parti integrali mid-Digriet imsemmi iktar ’il fuq.
Reġistrazzjoni fir-reġistru tal-qorti
Tariffa Nru 26
(1) ir-reġistrazzjoni tal-inkorporazzjoni hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 39.82;
(2) ir-reġistrazzjoni tal-inkorporazzjoni ta’ kumpanija limitata sempliċi (jednostavno društvo s ograničenom odgovornošću) hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 3.98;
(3) ir-reġistrazzjoni tat-tibdil tal-informazzjoni hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 19.91;
(4) ir-reġistrazzjoni tat-tibdil tal-informazzjoni ta’ kumpanija limitata sempliċi hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 3.98;
(5) is-sottomissjoni li tipprovdi informazzjoni u komunikazzjonijiet fir-reġistru tal-qorti għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web tar-reġistru tal-qorti hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 13.27;
(6) id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti b’mod elettroniku permezz tas-sistema e-Tvrtka huma soġġetti għal tariffa ugwali għal nofs l-ammont tat-tariffa stabbilita f’dan in-Nru tat-Tariffa.
Nota:
(1) Jekk f’sottomissjoni tintalab iktar minn entrata waħda għall-istess entità, titħallas tariffa waħda għall-entrati kollha.
(2) L-ebda tariffa ma titħallas għall-entrati relatati mal-falliment u l-likwidazzjoni.
(3) L-ebda tariffa ma titħallas biex jiddaħħal l-indirizz elettroniku tal-entità rreġistrata.
(4) L-ebda tariffa ma titħallas għar-reġistrazzjoni ta’ tibdil fl-informazzjoni dwar l-indirizz tan-negozju tas-sede tal-kumpanija, id-data personali dwar il-president u l-membri tal-bord superviżorju fuq kontribuzzjonijiet u pagamenti sussegwenti u l-indirizz elettroniku tal-entità rreġistrata.
Reġistrazzjoni tal-fergħa
Tariffa Nru 27
(1) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ fergħa ta’ entità rreġistrata hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 13.27;
(2) ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 33.18;
(3) ir-reġistrazzjoni tat-tibdil tal-informazzjoni dwar fergħa hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 13.27.
Nota: Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ fergħa ewlenija li l-fundatur tagħha huwa persuna barranija jew għar-reġistrazzjoni ta’ fergħa unika fil-Kroazja li l-fundatur tagħha huwa persuna barranija hija soġġetta għat-tariffi mniżżla f’dan in-Nru tat-Tariffa.
Kopja, traskrizzjoni, ċertifikat u avviż bil-miktub mir-reġistru tal-qorti.
Tariffa Nru 28
(1) il-pubblikazzjoni ta’ kopji jew traskrizzjonijiet mir-reġistru tal-qorti għal kull paġna mibdija hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 0.66;
(2) il-pubblikazzjoni ta’ ċertifikati jew avviżi bil-miktub dwar informazzjoni mir-reġistru tal-qorti hija soġġetta għal tariffa ta’ EUR 1.33.
Nota:
(1) L-ebda tariffa ma titħallas għal sottomissjoni li titlob estratt, kopja, traskrizzjoni, ċertifikat jew notifika bil-miktub.
(2) L-ebda tariffa ma titħallas għall-ħruġ ta’ estratt attiv u/jew storiku mir-reġistru tal-qorti.
Ir-Reġistru tal-Insolvenza huwa reġistru pubbliku mwaqqaf taħt ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza u għandu l-għan li jtejjeb l-għoti ta’ informazzjoni lill-kredituri u l-qrati rilevanti dwar proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu nfetħu. Ir-Reġistru tal-Insolvenza ilu disponibbli mis-26 ta’ Ġunju 2018 f’konformità mar-Regolament. Informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza hija essenzjali għall-kredituri, bħal-limiti taż-żmien għat-tressiq tat-talbiet jew biex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet. Madankollu, fir-Reġistru tal-Insolvenza, dawn il-limiti ta’ żmien ma humiex ikkalkolati fuq bażi ta’ każ b’każ; minflok, ir-reġistru jirreferi għall-kriterji għall-kalkolu ta’ dawk il-limiti ta’ żmien.
Ir-Regolament iniżżel it-tipi ta’ informazzjoni għall-pubblikazzjoni fir-Reġistru tal-Insolvenza, li jirrelataw mal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, proċedimenti fallimentari, proċedimenti fallimentari tal-konsumatur u proċedura amministrattiva straordinarja f’kumpaniji ta’ importanza sistematika għall-Kroazja. Għaldaqstant, l-informazzjoni li ġejja hija disponibbli:
a. id-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza
b. il-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza u n-numru ta’ referenza tal-kawża
ċ. it-tip ta’ proċedimenti ta’ insolvenza msemmija fl-Anness A tar-Regolament
d. jekk il-ġuriżdizzjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 3(1), (2) jew (4) tar-Regolament
e. jekk id-debitur ikun kumpanija jew persuna ġuridika, l-isem tad-debitur, in-numru ta’ reġistrazzjoni, il-PIN, l-uffiċċju rreġistrat jew, jekk differenti, l-indirizz postali
f. jekk id-debitur ikun individwu, l-isem tad-debitur, il-PIN u l-indirizz postali
g. l-isem, l-indirizz postali jew l-indirizz tal-posta elettronika tal-prattikant fl-insolvenza maħtur fil-proċedimenti
h. il-limitu ta’ żmien biex jitressqu t-talbiet jew referenza għall-kriterji għall-kalkolu ta’ dak il-limitu ta’ żmien
i. id-data tal-għeluq tal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza, jekk teżisti
j. il-qorti li quddiemha għandu jiġi ppreżentat appell kontra dik id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza, u fejn applikabbli, il-limitu ta’ żmien li fih dan għandu jsir, permezz ta’ referenza għall-kriterji għall-kalkolu ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
L-Artikolu 2 tar-Regoli dwar ir-Reġistru tal-Insolvenza (Pravilnik o Registru nesolventnosti) (NN Nru 1/19) jipprevedi li r-reġistru jkun bażi tad-data elettronika mwaqqfa taħt ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (minn hawn ’il quddiem: “ir-Regolament”) għall-pubblikazzjoni dwar proċedimenti ta’ insolvenza u jinkludi informazzjoni dwar:
(1) proċedimenti fallimentari tal-konsumatur miftuħa li fihom inħarġet deċiżjoni wara l-1 ta’ Jannar 2016 li fetħet il-proċedimenti; (2) proċedimenti ta’ qabel il-falliment u fallimentari li fihom inħarġet deċiżjoni wara l-1 ta’ Settembru 2015 li fetħet il-proċedimenti;
(3) proċeduri amministrattivi straordinarji miftuħa għal kumpaniji ta’ importanza sistematika għall-Kroazja (minn hawn ’il quddiem: “proċedura amministrattiva straordinarja”) li fihom inħarġet deċiżjoni wara s-7 ta’ April 2017. Informazzjoni fir-reġistru tista’ titniżżel b’mod elettroniku mis-sistema ta’ informazzjoni li fiha jinżammu l-każijiet fallimentari (e-File).
L-Artikolu 3(1) tar-Regoli dwar ir-Reġistru tal-Insolvenza jipprevedi li l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistru għall-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur kollha:
(1) l-isem u l-kunjom tal-konsumatur
(2) in-numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN) tal-konsumatur
(3) il-post ta’ residenza permanenti
(4) l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, is-sede, l-indirizz tan-negozju jekk deċiżjoni li tiftaħ il-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur tinħareġ għall-konsumatur imsemmi fl-Artikolu 4(3) tal-Att dwar il-Falliment tal-Konsumaturi (Zakon o stečaju potrošača)
(5) l-isem tal-qorti li fetħet il-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur, in-numru tal-kawża u d-data tad-deċiżjoni li fetħet il-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur
(6) it-tip ta’ proċedimenti ta’ insolvenza msemmija fl-Anness A tar-Regolament
(7) indikazzjoni dwar jekk il-ġuriżdizzjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 3(1), (2) jew (4) tar-Regolament
(8) informazzjoni dwar it-trustee
(9) il-limitu taż-żmien biex jiġu ddepożitati t-talbiet
(10) id-data tad-deċiżjoni li għalqet il-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur u d-data li fiha d-deċiżjoni saret res judicata
(11) l-isem tal-qorti li quddiemha tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni li fetħet il-proċedimenti fallimentari tal-konsumatur, u l-limitu taż-żmien li fih dan jista’ jsir
(12) il-perjodu tar-rieżami tal-imġiba
(13) id-data tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni jew ir-rifjut tal-eżenzjoni mill-passiv rimanenti u d-data li fiha d-deċiżjoni saret res judicata
(14) id-data tad-deċiżjoni dwar ir-revoka tal-eżenzjoni tal-konsumatur mill-passiv rimanenti u d-data li fiha d-deċiżjoni saret res judicata.
L-Artikolu 3(2) tar-Regoli dwar ir-Reġistru tal-Insolvenza jipprevedi li l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistru għall-proċedimenti ta’ qabel il-falliment u fallimentari kollha:
(1) l-isem tan-negozju jew l-isem, numru tar-reġistrazzjoni, numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN), sede u indirizz tan-negozju għal persuna ġuridika
(2) l-isem u l-kunjom, numru tar-reġistrazzjoni, numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN), sede u indirizz tan-negozju u l-indirizz tar-residenza permanenti ta’ debitur li huwa individwu
(3) l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, subparagrafi 5 sa 14 ta’ dak l-Artikolu.
L-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistru għal kull proċedura amministrattiva straordinarja:
(1) l-isem tan-negozju, in-numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN), is-sede u l-indirizz tan-negozju ta’ debitur
(2) l-ismijiet tan-negozju, in-numri ta’ identifikazzjoni personali (PIN), is-sede u l-indirizzi tan-negozju ta’ kumpaniji affiljati u sussidjarji
(3) l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, subparagrafi 5 sa 9 ta’ dak l-Artikolu
(4) id-data ta’ deċiżjoni li twaqqaf proċedura amministrattiva straordinarja jew deċiżjoni dwar l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ ftehim u d-data li fiha deċiżjoni saret res judicata
(5) l-isem tal-qorti li quddiemha tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni li twaqqaf proċedura amministrattiva straordinarja jew deċiżjoni dwar l-approvazzjoni jew ċaħda ta’ ftehim, u l-limitu ta’ żmien li fih dan jista’ jsir.
L-informazzjoni ta’ kuntatt tar-reġistru nazzjonali: https://nesolventnost.pravosudje.hr. Għal assistenza teknika dwar ir-Reġistru tal-Insolvenza, ikkuntattja helpdesk@pravosudje.hr.
L-informazzjoni tar-reġistru kollha hija r-responsabbiltà tal-qrati li jkunu qed iwettqu l-proċedimenti. Fit-tieni fażi tal-proġett tal-Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza (IRI, Insolvency Register Interconnection) għall-Ewropa, ir-reġistri nazzjonali ta’ insolvenza se jiġu interkonnessi permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. L-informazzjoni tista’ tingħata bil-Kroat.
Ma hemmx bżonn ta’ reġistrazzjoni biex wieħed jaċċessa r-Reġistru tal-Insolvenza u l-aċċess għall-informazzjoni ma huwiex soġġett għal tariffa. Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika ma jitlobx il-ħlas ta’ tariffa tal-qorti għall-ħruġ ta’ ċertifikat mir-Reġistru tal-Insolvenza.
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
Informazzjoni dwar kontijiet miżmuma minn banek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra hija miżmuma fir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet (Jedinstveni registar računa) li huwa rregolat mill-Att dwar l-Eżekuzzjoni tal-Infurzar Kontra l-Fondi Monetarji (Zakon o provedbi ovrhe na novčanim sredstvima) (NN Nri 68/18, 02/20, 46/20 u 47/20). Ir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet huwa bażi tad-data elettronika li tinkludi informazzjoni dwar: il-kontijiet u d-depożiti b’terminu kollha, id-depożiti tat-tfaddil għad-djar u d-depożiti f’unjonijiet tal-kreditu. Minbarra l-informazzjoni dwar il-fondi monetarji, ir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet jinkludi wkoll informazzjoni dwar: kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha; is-sidien benefiċjarji ta’ persuni ġuridiċi li huma detenturi ta’ kontijiet, ta’ depożiti b’terminu u ta’ kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti, kif definiti mil-liġi li tirregola l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu; il-persuni fiżiċi awtorizzati li jużaw fondi f’kontijiet, depożiti b’terminu, depożiti tat-tfaddil għad-djar u depożiti f’unjonijiet tal-kreditu; u l-persuni fiżiċi li jużaw kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti.
Informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li żżomm ir-reġistru: ir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet jinżamm mill-Aġenzija Finanzjarja, li hija l-persuna ġuridika li tieħu azzjoni fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u proċedimenti ta’ sigurtà u twettaq eżekuzzjoni kontra l-fondi monetarji taħt l-Att dwar l-Infurzar (Ovršni zakon) (NN Nri 112/2012, 25/2013, 93/2014, 73/2017) u l-Att dwar l-Eżekuzzjoni tal-Infurzar kontra l-Fondi Monetarji.
L-informazzjoni ta’ kuntatt hija: Financijska agencija, 10000 Zagreb, Ulica grada Vukovara 70, PIN: 85821130368, posta elettronika: jrr@fina.hr. Informazzjoni: numru tat-telefown mingħajr ħlas: 0800 0080, posta elettronika: info@fina.hr.
Il-proċedimenti ta’ probate fil-Kroazja jitwettqu minn qrati u nutara bħala trustees tal-qorti; fuq it-talba tagħhom, l-Aġenzija Finanzjarja tipprovdihom b’informazzjoni proprjetarja (kunfidenzjali) dwar il-kontijiet ta’ konsumatur (persuna deċeduta) u kwalunkwe fond monetarju li għandha t-tali persuna f’bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra – soċjetà tal-bini jew unjoni tal-kreditu.
Il-qrati kompetenti u n-nutara għandhom jissottomettu Talba għal informazzjoni mir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet lill-Aġenzija Finanzjarja mimlija kif suppost (in-nutara għandhom jissottomettu wkoll deċiżjoni mill-qorti kompetenti li tafdahom bit-twettiq tal-proċedimenti ta’ probate). L-Aġenzija Finanzjarja tipprovdi informazzjoni jew ħarsa ġenerali ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet tal-konsumatur lill-qrati kompetenti (mingħajr ħlas) u, soġġett għal tariffa, lil nutara fdati bit-twettiq tal-proċedimenti ta’ probate skont il-lista ta’ prezzijiet attwali tal-Aġenzija Finanzjarja. Il-lista ta’ prezzijiet hija adottata mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija Finanzjarja bi ftehim mal-Ministru għall-Finanzi. Il-lista ta’ prezzijiet attwali hija disponibbli fuq is-sit web uffiċjali tal-Aġenzija Finanzjarja.
Ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (riformulazzjoni) (minn hawn ’il quddiem: ir-“Regolament dwar il-Kumpilazzjoni tax-Xhieda”) jipprevedi li talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda għandha tkun trażmessa mill-qorti li quddiemha nbdew jew huma kkontemplati l-proċedimenti (il-“qorti rikjedenti”) direttament lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (il-“qorti rikjesta”). Għaldaqstant, jekk il-proċedimenti ta’ probate jinbdew jew huma kkontemplati fi Stat Membru tal-UE, il-qorti kompetenti f’dak l-istat għandha tissottometti talba għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tat-testatur lill-qorti fil-Kroazja. L-Aġenzija Finanzjarja għandha tħares it-talba bil-miktub tal-qorti Kroata u tipprovdi l-informazzjoni lil dik il-qorti, mingħajr ħlas.
Ma hemm l-ebda raġuni preskritta sabiex l-Aġenzija Finanzjarja tirrifjuta li tħares it-talba ta’ qorti kompetenti jew nutar għall-informazzjoni dwar kontijiet għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ probate; madankollu, l-Aġenzija Finanzjarja tirritorna talba sottomessa jekk ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ dik it-talba għaliex ma jkunx fiha informazzjoni li tidentifika lil hinn minn kull dubju lill-persuna li tintalab l-informazzjoni tagħha jew jekk l-informazzjoni ma tkunx kompluta jew korretta.
Jekk il-proċedimenti ta’ probate jkunu għaddejjin fi Stat Membru tal-UE, il-qorti kompetenti f’dak l-istat għandha tissottometti talba għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tat-testatur lill-qorti fil-Kroazja. Talba għal informazzjoni proprjetarja (permezz ta’ formola jew format ieħor bil-miktub, permezz ta’ posta elettronika jew ittra) għandha tinkludi s-segwenti: l-isem u l-kunjom tal-persuna fil-proċedimenti ta’ probate (il-persuna deċeduta), in-numru ta’ identifikazzjoni personali (PIN), l-informazzjoni mitluba, u l-metodu ta’ kunsinna (permezz tal-posta elettronika, permezz tal-fax, b’mod elettroniku).
Il-qrati kompetenti u n-nutara fdati bit-twettiq tal-proċedimenti ta’ probate għandhom jissottomettu Talba għal informazzjoni mir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet lill-Aġenzija Finanzjarja mimlija kif suppost, u n-nutara għandhom jissottomettu wkoll deċiżjoni mill-qorti kompetenti li tafdahom bit-twettiq tal-proċedimenti ta’ probate.
L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma għandhiex bżonn tehmeż Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni sabiex tikseb informazzjoni dwar il-kont(ijiet) tal-persuna deċeduta fil-Kroazja. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor titlob informazzjoni dwar il-kontijiet ta’ persuna deċeduta fil-Kroazja, japplika r-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni tax-Xhieda (l-Artikolu 3(1)). L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni tax-Xhieda jipprevedi li talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda għandha tkun trażmessa mill-qorti li quddiemha nbdew jew huma kkontemplati l-proċedimenti (il-“qorti rikjedenti”) direttament lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (il-“qorti rikjesta”).
Jekk l-informazzjoni tintalab minn persuna minn Stat Membru ieħor, il-qorti kompetenti ta’ dak l-istat għandha tissottometti t-talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet tat-testatur lill-qorti fil-Kroazja permezz ta’ formola jew format ieħor bil-miktub, permezz tal-posta elettronika jew ittra. Jekk il-persuna li qed titlob l-informazzjoni u l-fornitur tal-informazzjoni jkunu mill-Kroazja, l-informazzjoni mir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet tista’ tintalab permezz tal-posta, tal-fax jew b’mod elettroniku. L-informazzjoni mir-Reġistru Unifikat tal-Kontijiet hija pprovduta lill-persuna li tkun qed titlob l-informazzjoni fiżikament f’bank fl-eqreb uffiċċju tal-Aġenzija Finanzjarja, jew tintbagħat bil-posta, bil-fax jew b’mod elettroniku, skont dak li speċifikat il-persuna fit-talba għall-informazzjoni.
L-informazzjoni tista’ tintalab bil-Kroat jew bl-Ingliż. L-informazzjoni hija pprovduta bil-lingwa uffiċjali tal-Kroazja, i.e. il-lingwa Kroata, u bl-alfabett Latin.
L-Aġenzija Finanzjarja ma titlob l-ebda tariffa għall-informazzjoni li tipprovdi lill-awtorità kompetenti li tkun qed twettaq il-proċedimenti ta’ probate.
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Ir-reġistri pubbliċi tal-proprjetà industrijali fil-Kroazja jinżammu b’mod elettroniku mill-Uffiċċju tal-Istat tal-Proprjetà Industrijali (Državni zavod za intelektualno vlasništvo) skont ir-regolamenti dwar il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali fil-Kroazja (minn hawn ’il quddiem: “Reġistri Elettroniċi”). L-informazzjoni fir-Reġistri Elettroniċi tal-proprjetà industrijali tinkludi informazzjoni dwar applikazzjonijiet u drittijiet tal-proprjetà industrijali mogħtija fit-territorju tal-Kroazja abbażi tas-sistema nazzjonali u tas-sistemi internazzjonali tal-protezzjoni tat-trademark u tad-disinn industrijali (magħrufa bħala s-Sistema ta’ Madrid u s-Sistema ta’ The Hague) iżda ma tinkludix informazzjoni dwar applikazzjonijiet u drittijiet mogħtija abbażi tas-sistemi uniċi għat-territorju sħiħ tal-Unjoni Ewropea (trademarks u disinni rreġistrati tal-Unjoni Ewropea – EUTM u RCD) disponibbli mir-reġistri korrispondenti tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Reġistri Elettroniċi jistgħu jkunu aċċessati mingħajr reġistrazzjoni minn qabel u jistgħu jintużaw mingħajr ħlas. Peress illi ċertu informazzjoni għandha tkun l-ewwel ippubblikata uffiċjalment, din l-informazzjoni hija disponibbli mir-Reġistri Elettroniċi biss wara li tiġi ppubblikata. L-informazzjoni hija aġġornata skont l-iskeda tal-pubblikazzjoni tal-gazzetta uffiċjali, kull ġimagħtejn.
L-informazzjoni dwar ir-Reġistri Elettroniċi tirreferi għad-drittijiet tal-proprjetà industrijali segwenti: privattivi, mudelli ta’ utilità, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali u prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti, topografiji ta’ prodotti semikondutturi, trademarks, u disinni industrijali. L-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti rreġistrati mal-Uffiċċju (li għalihom il-protezzjoni ma hijiex preskritta minn regolamenti speċjali) – għall-indikazzjonijiet l-oħra, irreferi għall-paġna web li ġejja tal-Ministeru għall-Agrikoltura https://poljoprivreda.gov.hr/istaknute-teme/hrana-111/oznake-kvalitete/zoi-zozp-zts-poljoprivrednih-i-prehrambenih-proizvoda/228.
Ma hemm l-ebda reġistru tad-drittijiet tal-awtur, peress li dan id-dritt ma huwiex akkwistat permezz tar-reġistrazzjoni; minflok, dan id-dritt huwa tal-awtur mill-fatt stess li jinħoloq ix-xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur.
Is-sit web tal-Uffiċċju tal-Istat tal-Proprjetà Intellettwali jinsab fuq: www.dziv.hr, u r-reġistri jistgħu jiġu aċċessati permezz ta’ din il-ħolqa: https://www.dziv.hr/hr/e-usluge/e-registri/.
Għal servizzi ta’ informazzjoni professjonali, ikkuntattja lil: info@dziv.hr.
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Flimkien mal-informazzjoni dwar kontijiet tal-bank u depożiti tal-flus f’banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, fuq talba u għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ probate, l-Aġenzija Finanzjarja (Fina – Financijska agencija, 10000 Zagreb, Ulica grada Vukovara 70, PIN: 85821130368, posta elettronika: jrr@fina.hr, informazzjoni: numru tat-telefown mingħajr ħlas: 0800 0080, posta elettronika: info@fina.hr) tista’ wkoll tipprovdi lill-awtorità finanzjarja bl-informazzjoni dwar kwalunkwe debitu mhux imħallas li kien soġġett għall-eżekuzzjoni kontra l-kontijiet tat-testatur u fondi monetarji tal-Aġenzija Finanzjarja fejn l-eredi jirċievi proprjetà mill-wirt kif ukoll jassumi debiti mhux imħallsa.
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Skont id-dritt Kroat, jista’ jsir testment li ma għandux bżonn ikun irreġistrat. Testment jista’ jinżamm minn qorti, nutar, missjoni diplomatika jew konsulari, avukat jew persuna fiżika jew ġuridika. Testment riċevut għall-kustodja jitqiegħed f’envelop separat u ssiġillat u jinħareġ ċertifikat li juri li t-testment ġie riċevut għall-kustodja. Il-kontenut ta’ testment ma jistax jinkixef qabel proċedimenti ta’ probate.
Il-qorti li qed twettaq il-proċedimenti ta’ probate għandha titlob mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha dwar kwalunkwe testment tal-persuna deċeduta mir-Reġistru tat-Testmenti Kroat; għandha wkoll titlob lill-persuna jew korp fdat(a) bil-kustodja tat-testment biex t/jibgħat it-testment lil dik il-qorti.
Jekk il-qorti li tirċievi t-testment tikkonstata li l-persuna li ħalliet it-testment mietet jew ġiet iddikjarata mejta, hija tiftaħ it-testment mingħajr ma tikser is-siġill, taqrah u żżomm rekord. It-testment jinfetaħ u jinqara fil-preżenza ta’ żewġ persuni li jistgħu jinkludu l-eredi. It-testment jista’ jiġi ddikjarat fil-preżenza tal-eredi, legatarji jew persuni oħra li jeżerċitaw id-dritt fir-rigward tal-patrimonju u li jitolbu traskrizzjoni tat-testment. Il-qorti muniċipali li tkun irċeviet it-testment għandha tiftaħ u taqra t-testment anki jekk qorti muniċipali oħra jew korp barrani ieħor ikun responsabbli għall-proċedimenti ta’ probate.