1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- L-Uffiċċju Ċentrali tar-Reġistri f’Liżbona
- L-Uffiċċji tan-Nutara
- L-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili
- L-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali
- L-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Vetturi
- L-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet
- Ir-reġistru tat-titoli miżmum mill-korpi emittenti jew maniġerjali, li lista tagħhom tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli
- Ir-reġistru nazzjonali tal-ajrunawtika miżmum mill-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili
- Ir-reġistru tal-bastimenti tal-Awtorità Marittima Nazzjonali miżmum mill-Kaptani tal-Port u mid-Delegazzjonijiet Marittimi u mill-Uffiċċji tar-Reġistrazzjoni u tan-Nutara
- Ir-reġistru tal-armi tan-nar miżmum mill-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika
- Ir-reġistru tal-proprjetà intellettwali miżmum mill-Istitut Portugiż tal-Proprjetà Industrijali
- Ir-reġistru tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi miżmum mill-Ispettorat Ġenerali għall-Attivitajiet Kulturali
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
Nota introduttorja dwar il-lingwi aċċettati, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tad-dokumenti:
Bħala regola ġenerali, it-talbiet għal informazzjoni jew għal ċertifikat iridu jiġu sottomessi bil-Portugiż.
Bħala regola ġenerali, l-informazzjoni wkoll tiġi pprovduta bil-Portugiż.
F’ċerti każijiet speċjali, id-dritt tal-Portugall u tal-UE jew il-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huwa parti l-Portugall jipprevedu li ċ-ċertifikati jinħarġu b’lingwa barranija.
F’dan il-kuntest, il-qarrej jiġi riferut b’mod partikolari għal dawn:
- Il-konvenzjoni internazzjonali dwar il-ħruġ ta’ siltiet multilingwi minn rekords tal-istat ċivili, li għaliha huwa parti l-Portugall;
- Ir-Regolament (UE) 2016/1191 dwar is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea
- Il-Ftehim bejn il-Portugall u Spanja dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, kif approvat permezz tad-Digriet 14/98 tas-27 ta’ Mejju 1998 dwar l-abbozzar tat-talbiet u tad-dokumenti bil-lingwa tal-Istat rikedenti
Meta jkun hemm bżonn, l-informazzjoni tiġi ċċertifikata mill-awtorità kompetenti Portugiża u sussegwentement titqies awtentika skont il-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli.
Mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-talba u indikata b’mod speċifiku fil-postijiet imsemmijin hawn taħt, it-talba għandha, għal raġunijiet prattiċi, tkun akkumpanjata miċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur u għandhom jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt lill-awtorità kompetenti biex toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li tkun qed titlob l-informazzjoni. Jekk possibbli, għandhom jingħataw id-dettalji ta’ persuna ta’ kuntatt u tal-lingwi operattivi li tkun kwalifikata tuża jekk tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali.
L-UFFIĊĊJU TAR-REĠISTRI ĊENTRALI
Dawn l-entitajiet iżommu l-informazzjoni li ġejja:
i) Reġistru tat-testmenti mill-1950 sal-preżent.
ii) Ir-reġistru jinkludi testmenti pubbliċi, testmenti ssiġillati u testmenti internazzjonali.
iii) It-testmenti pubbliċi u t-testmenti ssiġillati huma rregolati bil-Kodiċi Ċivili u bil-Kodiċi Notarili.
iv) It-testmenti internazzjonali huma regolati bil-Konvenzjoni tal-1973 ta’ Washington dwar il-Liġi Uniformi dwar il-Forma ta’ Testment Internazzjonali, kif approvata għall-adozzjoni permezz tad-Digriet Amministrattiv 252/75 tat-23 ta’ Mejju 1975, u permezz tar-regoli tal-Kodiċi Notarili dwar l-approvazzjoni, il-preżentazzjoni, l-arkivjar, ir-reġistrazzjoni u l-ftuħ ta’ testmenti ssiġillati.
v) Talba sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix testment tista’ ssir permezz tas-sottomissjoni ta’ formola online.
vi) Informazzjoni dwar il-persuni li jistgħu jagħmlu talba (u l-metodu u l-post sabiex isir dan), il-formola li għandha tiġi sottomessa online u t-tariffa rilevanti jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.
vii) Il-lingwa li għandha tintuża biex timtela l-formola/sabiex issir it-talba trid tkun il-Portugiż.
viii) Meta ssir talba għal informazzjoni, iċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur irid ikun mehmuż.
ix) Jekk il-persuna li tkun għamlet it-testment tkun ħajja, l-informazzjoni dwar it-testment tkun kunfidenzjali u tista’ tiġi ddivulgata biss lill-awtur tat-testment jew lil persuna li jkollha l-prokura b’poteri speċjali.
x) Meta l-persuna tmut, dik l-informazzjoni tidħol fid-dominju pubbliku u tista’ tintalab minn kwalunkwe persuna.
xi) Fil-każ ta’ testmenti pubbliċi, il-kontenut tagħhom jista’ jsir disponibbli ladarba jmut it-testatur.
xii) Fil-każ ta’ testmenti ssiġillati, l-Uffiċċju tar-Reġistri Ċentrali jipprovdi notifika wara l-mewt tat-testatur dwar jekk jeżistix testment issiġillat u f’liema uffiċċju notarili tfassal.
xiii) L-aċċess għall-kontenut ta’ testment issiġillat irid jitfittex permezz tas-sottomissjoni taċ-ċertifikat tal-mewt u permezz ta’ strument tal-ftuħ imfassal mill-uffiċċju notarili fejn ġie ppreżentat it-testment; l-istrument tal-ftuħ jista’ jitfassal mill-uffiċċju notarili jekk it-testment issiġillat ma jkunx ġie ppreżentat għand kwalunkwe nutar.
xiv) Meta nutar isir jaf bil-mewt ta’ kwalunkwe persuna li t-testment issiġillat jew internazzjonali tagħha jkun ġie ppreżentat fl-uffiċċju ta’ dak in-nutar, u anki jekk l-ebda parti interessata ma titlob il-ftuħ tat-testment, huwa jrid jitlob iċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur, ifassal strument għall-ftuħ tat-testment u jgħarraf bl-eżistenza tiegħu lill-werrieta u lill-eżekuturi msemmijin fih u lill-eqreb qraba fil-linja dixxendenti (jekk ikunu magħrufin).
- Il-Kodiċi Notarili (ara l-Artikoli 4 u 106 sa 115) jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk.
- Il-Kodiċi Ċivili (ara l-Artikoli 2179 sa 2334) jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk.
L-UFFIĊĊJI TAN-NUTARA
i) Il-kotba tal-atti għat-testmenti pubbliċi u l-atti għar-revoka tat-testmenti, l-istrumenti għall-approvazzjoni ta’ testmenti ssiġillati jew internazzjonali ppreżentati fl-uffiċċju ta’ nutar, u l-istrumenti għall-ftuħ ta’ testmenti ssiġillati jew internazzjonali jifformaw parti mill-arkivju notarili, li huwa arkivju pubbliku.
ii) Kull uffiċċju għandu indiċi privat ta’ testmenti u tad-dokumenti kollha relatati miegħu, organizzati skont sistema ta’ indiċi jew kards tal-isem.
iii) Minbarra dak l-indiċi, kull nutar jissottometti lill-Uffiċċju tar-Reġistri Ċentrali kard tal-indiċi uffiċjali li għandha tiddaħħal fir-reġistru ċentrali ta’ testmenti.
iv) Jekk il-werrieta jew partijiet interessati oħrajn ikunu jafu f’liema uffiċċju tfassal it-testment pubbliku, huma jistgħu – wara l-mewt tat-testatur – jitolbu b’mod dirett lin-nutar sabiex jirreġistra l-mewt tat-testatur fuq il-bażi taċ-ċertifikat tal-mewt, sabiex ikun jista’ jinkiseb iċ-ċertifikat tat-testment.
v) Fir-rigward tat-testmenti ssiġillati, in-nutar ifassal strument għall-ftuħ tagħhom fuq il-bażi taċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur u fil-preżenza ta’ żewġ xhieda; dan sussegwentement jiġġenera ċertifikat tat-testment fuq il-bażi tal-istrument tal-approvazzjoni u tal-ftuħ.
Lista ta’ nutara u tal-arkivji tagħhom tista’ tinkiseb minn hawnhekk.
L-Artikoli 11, 16(a), 25(2), 106 sa 115 u 187(a) u (b) tal-Kodiċi Notarili jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.
Il-Kamra tan-Nutara biħsiebha tistabbilixxi u torganizza reġistru ċentrali tal-atti u tat-testmenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha stess, kif previst fl-Artikolu 3(p) tal-Istatuti tal-Kamra tan-Nutara.
L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU ĊIVILI
Dawn l-entitajiet iżommu l-informazzjoni li ġejja:
- Reġistrazzjoni ċivili obbligatorja tal-fatti li ġejjin:
i) twelid;
ii) parentela;
iii) adozzjoni;
iv) żwieġ;
v) ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ u tibdil fir-reġim tal-proprjetà matrimonjali miftiehem jew stabbilit legalment;
vi) ir-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, kwalunkwe tibdil f’din u t-terminazzjoni tagħha;
vii) il-prevenzjoni jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u restrizzjonijiet fuq dik l-awtorità;
viii) appoġġ għall-persuni akbar mill-età maġġuri, u għat-tutela u għall-amministrazzjoni tal-assi;
ix) il-kustodja ċivili u r-revoka ta’ din;
x) il-kurazija temporanja jew permanenti f’isem persuni assenti jew preżunti mejtin;
xi) dikjarazzjoni ta’ insolvenza, ċaħda ta’ applikazzjoni rilevanti fil-każ ta’ deżinjazzjoni preċedenti ta’ riċevitur temporanju, u għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
xii) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz tar-riċevitur u tar-riċevitur temporanju, l-assenjament tal-amministrazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza lid-debitur, projbizzjoni fuq il-prattika ta’ ċerti atti mingħajr il-kunsens tal-prattikant tal-insolvenza, u t-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
xiii) l-ineliġibbiltà u l-iskwalifika ta’ persuna falluta fir-rigward tal-issoktar ta’ sengħa u ta’ żamma ta’ ċerti karigi;
xiv) ir-rilaxx tal-obbligazzjonijiet li jifdal, il-bidu u t-terminazzjoni bikrija tal-proċedura rilevanti, u r-revoka tar-rilaxx;
xv) mewt;
xvi) kwalunkwe fatt li jbiddel jew li jxejjen kwalunkwe wieħed mill-fatti ddikjarati hawn fuq u fatti li jirriżultaw minn rekwiżit legali;
xvii) fatti relatati ma’ barranin meta jseħħu fit-territorju Portugiż;
xviii) meta persuni soġġetti għar-relazzjoni legali ta’ parentela, ta’ adozzjoni jew ta’ kustodja ċivili jkunu miżżewġin ma’ persuna tal-istess sess, jew fi sħubija de facto magħha, l-entrati, l-emendi jew ir-reġistrazzjonijiet ta’ twelid ġdid fir-reġistru ċivili jsiru bl-istess mod eżatt kif previst fil-liġijiet applikabbli għal koppji ta’ sess differenti.
- Informazzjoni dwar it-tariffi għaċ-ċertifikati tar-reġistru ċivili, il-persuni li jistgħu jitolbu ċertifikati bħal dawn u l-metodu u l-post sabiex jagħmlu dan, u wkoll il-formola ta’ applikazzjoni li għandha tiġi sottomessa online, huma disponibbli f’din il-link.
- Il-lingwa li għandha tintuża għall-mili tal-formola ta’ applikazzjoni trid tkun il-Portugiż.
- Kwalunkwe persuna tista’ titlob ċertifikat tat-twelid online billi timla formola jew billi tmur personalment fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet elenkati fil-link imsemmija aktar ’il fuq.
- Ir-restrizzjonijiet legali dwar l-aċċess għal ċerta informazzjoni (eż. fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ tibdil fis-sess li jinvolvi tibdil f’kunjom) huma indikati wkoll fil-link imsemmija aktar ’il fuq.
- Jekk jintalab ċertifikat tat-twelid, dan irid jirreġistra l-fatti li ġejjin jekk ikunu seħħew:
i) żwieġ, xoljiment tiegħu, dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ nullità, ta’ annullament u sanatio in radice, u wkoll separazzjoni fi kwalunkwe waħda mill-forom tagħha u rikonċiljazzjoni ta’ konjuġi legalment separati;
ii) l-istabbiliment ta’ parentela;
iii) iż-żwieġ tal-ġenituri ma’ xulxin wara li jkun ġie rreġistrat it-twelid ta’ tifel jew tifla;
iv) l-adozzjoni u l-istħarriġ tas-sentenza rilevanti;
v) ir-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, it-terminazzjoni ta’ din u kwalunkwe tibdil fil-kustodja tat-tfal;
vi) skwalifika mill-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u sospensjoni tiegħu, u miżuri li jillimitaw dik l-awtorità (li huma rreġistrati fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal);
vii) appoġġ għal persuni akbar mill-età maġġuri (inklużi miżuri speċifiċi dekretati għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni), it-tutela u l-amministrazzjoni ta’ assi, ta’ trusteeship temporanja jew permanenti f’isem persuni assenti u l-inabilità ta’ minuri miżżewġin li jamministraw l-assi, u meta dawn jinbidlu u jispiċċaw;
viii) l-istabbiliment u r-revoka tal-kustodja ċivili;
ix) dikjarazzjoni ta’ insolvenza, ċaħda ta’ applikazzjoni rilevanti u għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
x) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz tar-riċevitur u tar-riċevitur temporanju, l-assenjament tal-amministrazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza lid-debitur, projbizzjoni fuq il-prattika ta’ ċerti atti mingħajr il-kunsens tal-prattikant tal-insolvenza, u t-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
xi) l-ineliġibbiltà u l-iskwalifika ta’ persuna falluta fir-rigward tal-issoktar ta’ sengħa u ta’ żamma ta’ ċerti karigi;
xii) il-bidu, it-terminazzjoni bikrija u deċiżjoni finali fi proċedura għar-rilaxx ta’ kwalunkwe obbligazzjoni li jifdal, u r-revoka tagħha;
xiii) tibdil fl-isem;
xiv) tibdil fis-sess u tibdil sussegwenti fl-isem (għad li fatti bħal dawn huma rreġistrati fuq iċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal adulti tal-persuna li tkun biddlet is-sess biss jekk dawk l-individwi jitolbu hekk, u fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra biss bil-kunsens tiegħu jew tagħha);
xv) kwalunkwe żamma tal-kunjomijiet tal-konjuġi fil-każ ta’ xoljiment taż-żwieġ jew ta’ żwieġ mill-ġdid;
xvi) il-mewt u l-mewt preżunta ddikjarata minn qorti;
xvii) b’mod ġenerali, kwalunkwe fatt legali li jaffettwa d-dettalji ta’ identifikazzjoni jew l-istat taż-żwieġ tal-persuna reġistrata;
xviii) adozzjoni dipendenti fuq il-kunsens tiġi rreġistrata biss meta jingħata l-kunsens.
- Il-fatti soġġetti għal reġistrazzjoni ċivili fil-Portugall u dawk irreġistrati fuq iċ-ċertifikat tat-twelid huma speċifikati fl-Artikoli 1 u 69 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni Ċivili. Il-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni Ċivili Portugiż u l-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet Portugiż jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.
L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU KUMMERĊJALI
Dawn iżommu l-informazzjoni li ġejja:
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw kumpaniji tan-negozju u kumpaniji ċivili f’forma kummerċjali
i) stabbiliment;
ii) meta meħtieġa mil-liġi, deċiżjonijiet meħudin f’laqgħa ġenerali dwar ix-xiri ta’ assi mill-kumpanija;
iii) qsim invers, qsim jew trasferiment ta’ ishma f’kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata jew ta’ ishma miżmumin minn soċji limitati f’soċjetajiet in akkomandita;
iv) trasferimenti ta’ ishma f’soċjetajiet f’isem kollettiv jew ta’ ishma miżmumin minn soċji limitati f’soċjetajiet in akkomandita, l-istabbiliment ta’ drittijiet in rem għall-użu u għat-tgawdija jew tariffi fuq ishma bħal dawn u t-trasferiment, il-modifika jew il-kanċellazzjoni tagħhom, u s-sekwestru ta’ drittijiet fuq profitti u fuq kwoti ta’ likwidazzjoni;
v) l-istabbiliment u t-trasferiment tal-użufrutt, ta’ titolu, ta’ qbid għall-ħlas dovut, ta’ rahan, ta’ qbid jew ta’ sekwestru fi proċedimenti kriminali fuq ishma jew fuq drittijiet fuqhom u kwalunkwe att jew ordni oħra li taffettwa ċ-ċessjoni libera ta’ ishma bħal dawn;
vi) l-irtirar jew it-tkeċċija ta’ sħab minn soċjetajiet f’isem kollettiv u minn soċjetajiet in akkomandita, il-kanċellazzjoni ta’ ishma b’riżultat tal-mewt ta’ sieħeb, u l-ammissjoni ta’ sħab ġodda b’responsabbiltà illimitata;
vii) l-amortizzament ta’ ishma u t-tkeċċija jew l-irtirar ta’ azzjonisti minn kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata;
viii) deċiżjonijiet dwar l-amortizzament, il-konverżjoni jew it-tifdija ta’ ishma;
ix) il-ħruġ ta’ bonds b’offerta privata, sakemm ma jiġux ammessi għall-kummerċ f’suq tat-titoli regolat fil-perjodu ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;
x) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz, għal kwalunkwe raġuni għajr il-mogħdija taż-żmien, ta’ membri tal-bord tad-diretturi u tal-bordijiet maniġerjali, jew tas-segretarju tal-kumpanija;
xi) il-preżentazzjoni tal-kontijiet minn kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, minn kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata u minn soċjetajiet limitati b’ishma, u minn soċjetajiet f'isem kollettiv u minn soċjetajiet in akkomandita meta jkun meħtieġ, u tal-kontijiet konsolidati ta’ kumpaniji li huma meħtieġa li jippreżentawhom;
xii) tibdil fl-uffiċċju reġistrat jew trasferiment tal-uffiċċju reġistrat barra l-pajjiż;
xiii) pjanijiet għal fużjonijiet jew ħall tal-fużjonijiet domestiċi jew transfruntiera;
xiv) pjanijiet għall-inkorporazzjoni ta’ kumpanija pubblika Ewropea b’responsabbiltà limitata, pjanijiet għall-inkorporazzjoni ta’ kumpanija pubblika Ewropea b’responsabbiltà limitata bit-trasformazzjoni ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata fformata skont id-dritt nazzjonali, jew pjanijiet għall-inkorporazzjoni ta’ kumpanija azzjonarja pubblika Ewropea b’responsabbiltà limitata; f’dan l-aħħar każ, bi prova li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex dan iseħħ;
xv) kwalunkwe estensjoni, fużjoni domestika jew transfruntiera, ħall tal-fużjoni, konverżjoni jew xoljiment ta’ kumpanija, u kull żieda, tnaqqis jew riakkwist ta’ kapital azzjonarju, u kull emenda oħra fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpanija;
xvi) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz, qabel it-tlestija tal-likwidazzjoni, ta’ likwidaturi tal-kumpanija, kif ukoll kwalunkwe tibdil fil-poteri statutorji jew kuntrattwali tal-likwidaturi;
xvii) it-tlestija tal-likwidazzjoni jew it-tkomplija tal-operazzjonijiet tal-kumpanija;
xviii) deċiżjonijiet dwar iż-żamma ta’ kontroll totali minn kumpanija waħda fuq oħra, fi grupp ta’ kumpaniji, jew it-tmiem ta’ sitwazzjoni bħal din;
xix) ftehim ta’ subordinazzjoni, u kull emenda jew skadenza ta’ dan;
xx) il-ħruġ ta’ warrants, meta dan ikun b’offerta privata minn entità li ma għandha l-ebda titolu elenkat f’suq regolat nazzjonali, sakemm ma jkunux ammessi għan-negozjar f’suq tat-titoli regolat fil-perjodu ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw kumpaniji Ewropej b’responsabbiltà limitata
i) stabbiliment;
ii) is-sottomissjoni tal-kontijiet annwali u, meta xieraq, tal-kontijiet konsolidati;
iii) kwalunkwe proposta għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat lil Stat Membru ieħor tal-UE;
iv) emendi għall-istatuti rilevanti;
v) kwalunkwe proposta għall-konverżjoni tal-kumpanija f’kumpaniji b’responsabbiltà limitata soġġetta għad-dritt domestiku;
vi) il-konverżjoni msemmija fis-subparagrafu preċedenti;
vii) ix-xoljiment;
viii) it-tlestija tal-likwidazzjoni jew it-tkomplija tal-operazzjonijiet tal-kumpanija;
ix) kwalunkwe fatt ieħor relatat ma’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata li skont il-liġi jrid jiġi rreġistrat.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw kooperattivi
i) l-istabbiliment tal-kooperattiva;
ii) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz ta’ diretturi, ta’ rappreżentanti u ta’ likwidaturi għal kwalunkwe raġuni oħra ħlief il-mogħdija taż-żmien;
iii) l-estensjoni, il-konverżjoni, il-fużjoni, il-ħall tal-fużjoni u kwalunkwe emenda oħra tal-istatuti;
iv) l-istralċ u l-għeluq ta’ likwidazzjoni.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw kumpaniji pubbliċi
i) l-istabbiliment tal-kumpanija pubblika;
ii) l-amalgamazzjoni, il-fużjoni, il-ħall tal-fużjoni u kwalunkwe emenda oħra tal-istatuti;
iii) l-istralċ ta’ kumpaniji pubbliċi, il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz ta’ likwidaturi qabel l-għeluq tal-likwidazzjoni, u l-għeluq propju tal-likwidazzjoni.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw raggruppamenti ta’ kumpaniji addizzjonali
i) il-kuntratt tar-raggruppament;
ii) il-ħruġ ta’ bonds;
iii) il-ħatra u t-tkeċċija ta’ diretturi u ta’ maniġers;
iv) l-ammissjoni, it-tkeċċija u l-esklużjoni ta’ membri tar-raggruppament;
v) emendi għall-kuntratt;
vi) l-istralċ u l-għeluq tal-likwidazzjoni tar-raggruppament.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw kumpaniji Ewropej b’interess ekonomiku
i) il-kuntratt tar-raggruppament;
ii) iċ-ċessjoni totali jew parzjali tal-involviment minn membru tar-raggruppament;
iii) il-klawżola li teżenta membru ġdid mill-pagament ta’ djun ikkuntrattati qabel ma ssieħeb fir-raggruppament;
iv) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz tal-maniġers tar-raggruppament għal kwalunkwe raġuni oħra ħlief il-mogħdija taż-żmien;
v) l-ammissjoni, it-tkeċċija u l-esklużjoni ta’ membri tar-raggruppament;
vi) emendi għall-kuntratt tar-raggruppament;
vii) kwalunkwe pjan ta’ trasferiment tal-uffiċċju reġistrat;
viii) ix-xoljiment;
ix) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz ta’ likwidaturi qabel l-għeluq ta’ likwidazzjoni;
x) l-għeluq ta’ likwidazzjoni.
- Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ fatti li jikkonċernaw stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata
i) it-twaqqif ta’ stabbilimenti bħal dawn;
ii) iż-żieda u t-tnaqqis fil-kapital tal-istabbiliment;
iii) it-trasferiment tal-istabbiliment bejn persuni ħajjin u l-lokazzjoni tiegħu;
iv) il-ħolqien permezz ta’ att bejn persuni ħajjin ta’ intitolament għall-użufrutt u għar-rahan fuq l-istabbiliment;
v) il-kontijiet annwali;
vi) emendi għall-att tal-kostituzzjoni;
vii) it-tqegħid tal-istabbiliment f’likwidazzjoni u l-għeluq tal-likwidazzjoni;
viii) il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz tal-likwidatur tal-istabbiliment qabel ma titlesta l-likwidazzjoni, meta l-likwidatur ma jkunx is-sid tal-istabbiliment.
- Ir-reġistrazzjoni ta’ fatti oħrajn soġġetti għal inklużjoni obbligatorja fir-reġistru tan-negozji
i) l-istabbiliment, it-tibdil u l-għeluq ta’ rappreżentanzi permanenti ta’ kumpaniji, ta’ kooperattivi, ta’ raggruppamenti ta’ kumpaniji addizzjonali u ta’ raggruppamenti Ewropej b’interess ekonomiku, bl-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-Portugall jew barra l-pajjiż, u l-ħatra, il-poteri u t-tluq fi tmiem is-servizz tar-rappreżentanti tagħhom;
ii) is-sottomissjoni tal-kontijiet tal-kumpaniji bl-uffiċċju reġistrat tagħhom barra l-pajjiż u b’rappreżentanza permanenti fil-Portugall;
iii) l-azzjonijiet, id-deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-miżuri prekawzjonarji previsti fl-Artikolu 9 tal-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni tan-Negozji (eż. azzjonijiet li jservu għar-rikonoxximent, għall-istabbiliment, jew għall-kanċellazzjoni tad-drittijiet imsemmijin fl-Artikoli 3 sa 8 tal-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni tan-Negozji li jikkonċernaw kumpaniji tan-negozju, kumpaniji ċivili f’forma kummerċjali, kooperattivi, kumpaniji pubbliċi, raggruppamenti ta’ kumpaniji addizzjonali, raggruppamenti Ewropej b’interess ekonomiku u stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata, azzjonijiet li jiddikjaraw nulli u bla effett jew li jannullaw l-atti kostitwenti ta’ kooperattivi u ta’ stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata, u azzjonijiet li jiddikjaraw nulli u bla effett jew li jannullaw riżoluzzjonijiet ta’ kumpaniji);
iv) kwalunkwe fatt ieħor soġġett bil-liġi għar-reġistrazzjoni ta’ negozji.
- Ir-reġistrazzjoni mhux uffiċjali (permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-UE) ta’ fatti relatati ma’ kumpaniji bl-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor u b’rappreżentanza permanenti fil-Portugall
i) il-ftuħ u l-għeluq tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni u ta’ insolvenza;
ii) il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija.
- Ir-reġistrazzjoni ta’ fatti li għandhom jiġu inklużi b’mod fakultattiv fir-reġistru tan-negozji
i) struzzjonijiet bil-miktub maħruġin minn negozjant, kwalunkwe emenda fihom u meta jispiċċaw;
ii) il-kuntratt ma’ aġenzija jew ir-rappreżentanza kummerċjali jekk konkluża bil-miktub, kwalunkwe emenda fihom u meta dawn jispiċċaw;
iii) in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni tas-sid benefiċjarju kif speċifikat mil-liġi;
iv) impenji sabiex jiddisponu minn ishma jew ipoġġu aggravji fuqhom f’soċjetajiet f’isem kollettiv, f’soċjetajiet in akkomandita jew f’kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata u fi ftehimiet ta’ prelazzjoni, meta jkun ġie miftiehem li se jkollhom effetti erga omnes, kif ukoll f’obbligi ta’ prelazzjoni li t-testatur ikun attribwilhom effetti ta’ dan it-tip;
v) il-ħruġ ta’ bonds, ta’ titoli obbligazzjonarji, ta’ stokks u ta’ ishma, il-ħatra u t-tluq fi tmiem is-servizz ta’ membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord superviżorju għal kwalunkwe raġuni għajr il-mogħdija taż-żmien, u s-sottomissjoni tal-kontijiet ta’ kumpaniji pubbliċi;
- Informazzjoni dwar it-tariffi għaċ-ċertifikati tar-reġistru tan-negozji, il-persuni li jistgħu jitolbu ċertifikati bħal dawn u l-metodu u l-post sabiex jagħmlu dan, u wkoll id-dettalji li għandhom jiġu pprovduti b’rabta ma’ talbiet bħal dawn, jistgħu jinkisbu permezz ta’ din il-link.
- Il-formola għat-talba ta’ ċertifikat sħiħ mir-reġistru tan-negozji (li għandha tiġi sottomessa online) u informazzjoni dwar il-metodu ta’ pagament jistgħu jinkisbu minn din il-link.
- Il-lingwa li għandha tintuża għall-mili tal-formola ta’ applikazzjoni trid tkun il-Portugiż.
- Kwalunkwe persuna jew kumpanija tista’ titlob ċertifikat sħiħ mir-reġistru tan-negozji online, billi timla l-formola indikata fil-link imsemmija aktar ’il fuq.
- Ċertifikat tar-reġistru tan-negozji jista’ jkun:
- wieħed ibbażat fuq reġistru li jagħmel disponibbli r-rekords kompjuterizzati tal-entità (jista’ jinħareġ bil-Portugiż jew bl-Ingliż);
- wieħed ibbażat fuq reġistru u dokument li jagħmel disponibbli r-rekords kompjuterizzati u d-dokumenti elettroniċi relatati mal-entità (ħlief dokumenti li jikkonċernaw is-sottomissjoni tal-kontijiet);
- wieħed ibbażat fuq l-istatuti ta’ assoċjazzjoni aġġornati u li jagħmel disponibbli l-aktar statuti ta’ assoċjazzjoni riċenti jew l-istatuti aġġornati.
- Il-fatti li jeħtieġ li jiġu rreġistrati fir-reġistru tan-negozji tal-Portugall huma speċifikati fl-Artikoli 3 sa 10a u 15 tal-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni tan-Negozji, li jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk.
L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU TAL-VETTURI
Dawn l-uffiċċji jżommu l-informazzjoni li ġejja dwar is-sitwazzjoni legali tal-vetturi bil-mutur u tat-trejlers tagħhom
- Fatti soġġetti għal reġistrazzjoni obbligatorja
i) id-dritt ta’ sjieda (għalhekk fil-każ ta’ suċċessjoni ereditarja, ir-reġistrazzjoni tas-sjieda tiġi rrinunzjata f’każijiet li fihom il-vettura tkun intenzjonata li tiġi ttrasferita mill-werriet(a));
ii) id-dritt tal-użufrutt;
iii) iż-żamma ta’ titolu stabbilit fil-kuntratti għall-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur;
iv) il-lokazzjoni finanzjarja u t-trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw minnha;
v) il-kirja għal terminu ta’ iktar minn sena, meta l-kuntratt rilevanti jirriżulta fi trasferiment ta’ pussess mistenni;
vi) l-allokazzjoni tal-vettura għall-kiri mingħajr xufier;
vii) il-piżijiet tal-inaljenabbiltà u tat-tassazzjoni residwa previsti fil-leġiżlazzjoni fiskali;
viii) tibdil fl-isem jew fit-titolu u fir-residenza abitwali jew fil-kwartieri ġenerali tas-sidien jew tal-utenti tal-vetturi jew ta’ dawk li jikru l-vetturi.
- Fatti li għalihom ir-reġistrazzjoni tkun fakultattiva
i) l-ipoteka, il-modifika u ċ-ċessjoni ta’ din, u wkoll iċ-ċessjoni tal-grad ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni rispettiva;
ii) it-trasferiment tad-drittijiet jew tat-talbiet reġistrati u ta’ kwalunkwe rahan, qbid għall-ħlas dovut jew sekwestru relatat ma’ dawk it-talbiet (għalkemm rahan fir-rigward ta’ vetturi ma huwiex legalment permissibbli);
iii) il-qbid u kull miżura amministrattiva li taffettwa d-disponiment liberu tal-vetturi;
iv) utent mhux proprjetarju;
v) dikjarazzjoni ta’ insolvenza;
vi) l-iskadenza jew il-modifika ta’ drittijiet jew ta’ ipoteki li jkunu ġew irreġistrati qabel, tibdil fil-kompożizzjoni tal-isem jew tad-denominazzjoni u bidla fir-residenza abitwali jew fl-uffiċċju reġistrat tal-proprjetarji, tal-użufruttwarji u tal-kerrejja tal-vetturi;
vii) il-konfiska ta’ ċertifikat tar-reġistrazzjoni f’każijiet li fihom dan jiġi ordnat mill-awtoritajiet amministrattivi u tal-pulizija, kif ukoll talba ta’ sekwestru u ta’ konfiska ta’ vetturi previsti skont il-proċedura speċjali għar-regolarizzazzjoni tas-sjieda;
viii) il-konfiska fi proċedimenti kriminali;
ix) is-sekwestru ta’ vettura permezz ta’ deċiżjoni li timponi penali amministrattiva f’konformità mal-Kodiċi tat-Traffiku;
x) dikjarazzjoni ta’ konfiska tal-vettura lill-Istat b’ordni ta’ sentenza definittiva tal-qorti.
- Fatti rreġistrati b’mod mhux uffiċjali fir-reġistru permezz tal-pjattaforma ta’ interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika
i) il-fatt li l-vettura nsterqet;
ii) l-azzjoni meħuda għar-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni.
- Fatti oħrajn soġġetti għar-reġistrazzjoni
i) azzjonijiet li jservu sabiex jiġi rrikonoxxut, stabbilit, jinbidel jew jispiċċa wieħed mid-drittijiet relatati ma’ vetturi bil-mutur u mat-trejlers tagħhom li huma soġġetti għal reġistrazzjoni, u wkoll azzjoni ta’ evitar;
ii) azzjonijiet li jservu primarjament jew inċidentalment sabiex jemendaw, jiddikjaraw nulla u bla effett jew jannullaw reġistrazzjoni jew kanċellazzjoni ta’ din;
iii) deċiżjonijiet finali relatati mal-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq, malli jiksbu forza legali;
iv) proċeduri li jservu għall-qbid għall-ħlas dovut u għas-sekwestru, u kwalunkwe miżura legali oħra li taffettwa t-trasferiment ta’ assi;
v) miżuri ordnati fir-rigward tal-azzjonijiet u tal-proċeduri msemmijin hawn fuq.
- Informazzjoni dwar it-tariffi għaċ-ċertifikati tar-reġistru tal-vetturi, il-persuni li jistgħu jitolbu ċertifikati bħal dawn, u l-metodu u l-post sabiex jagħmlu dan, flimkien mad-dettalji li għandhom jiġu pprovduti b’rabta ma’ talbiet bħal dawn u mal-formola tat-talba li għandha tiġi sottomessa online, jistgħu jinkisbu permezz ta’ din il-link.
- Jeħtieġ li jittieħdu l-passi li ġejjin sabiex jintalab ċertifikat mir-reġistru tal-karozzi:
- Mur fuq dan is-sit web: Automóvel online [Vetturi bil-Mutur Online].
- Daħħal in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura.
- Daħħal id-dettalji tal-persuna li titlob iċ-ċertifikat (l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-posta elettronika tagħha).
- Ħallas f’ATM jew permezz ta’ faċilitajiet bankarji mid-dar.
- Il-lingwa li għandha tintuża għall-mili tal-formola ta’ applikazzjoni trid tkun il-Portugiż.
- Kwalunkwe persuna jew kumpanija tista’ titlob ċertifikat mir-reġistru tal-karozzi online billi timla formola; jekk ikun ippreferut ċertifikat stampat, tista’ ssir applikazzjoni għalih personalment mal-bank tal-IP tal-IRN (l-Istitut tal-Uffiċċji tar-Reġistru u tan-Nutara) jew f’punt uniku ta’ servizz għaċ-ċittadini (loja do cidadão).
- Il-fatti soġġetti għar-reġistrazzjoni tal-vetturi u dawk li jridu jidhru fuq ċertifikat tar-reġistrazzjoni huma speċifikati fl-Artikoli 5, 6 u 10 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni tal-Vetturi, li jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk.
L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU TAL-ARTIJIET
Dawn l-entitajiet iżommu l-informazzjoni li ġejja:
- Rekord tal-fatti relatati mas-sitwazzjoni legali tal-binjiet u tad-drittijiet imsemmijin hawn taħt
i) l-atti legali li jiddeterminaw l-istabbiliment, ir-rikonoxximent, l-akkwist jew il-modifika tad-drittijiet ta’ proprjetà, ta’ użufrutt, ta’ użu u ta’ abitazzjoni, ta’ erjas tas-superfiċe jew ta’ servitù;
ii) l-atti legali li jiddeterminaw l-istabbiliment jew il-modifika tal-proprjetà ta’ appartament u d-drittijiet ta’ timesharing;
iii) il-bidliet fil-proprjetà ta’ art li jirriżultaw mid-diviżjoni tal-art, il-konverżjoni tal-istruttura tal-koproprjetà u d-diviżjoni, u l-emendi rispettivi;
iv) l-offerta ta’ ċessjoni jew ta’ aggravju, il-ftehimiet preferenzjali u d-dispożizzjoni preferenzjali ta’ testment, jekk dawn ikunu ngħataw effett reali, u wkoll iċ-ċessjoni tal-pożizzjoni kuntrattwali li tirriżulta minn dawn l-atti;
v) iċ-ċessjoni ta’ assi lill-kredituri;
vi) l-ipoteka, iċ-ċessjoni jew il-modifika tagħha, iċ-ċessjoni tal-grad ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni rispettiva u ċ-ċessjoni ta’ kera;
vii) it-trasferiment ta’ oġġetti riċevibbli assigurati b’ipoteka jew iċ-ċessjoni ta’ kera, meta jkun involut it-trasferiment tal-garanzija;
viii) il-lokazzjoni li taqbeż is-6 snin u t-trasferimenti jew is-sullokazzjonijiet tagħha, ħlief għall-agrikoltura minn gabillott;
ix) ir-rahan ta’ kreditu assigurat b’ipoteka jew iċ-ċessjoni ta’ kera, u kwalunkwe att jew arranġament ieħor li jaffettwa l-istess oġġetti riċevibbli;
x) kwalunkwe restrizzjoni oħra dwar id-dritt tal-proprjetà, soġġetta għar-reġistrazzjoni skont il-liġi;
xi) atti legali li jiġġeneraw il-kanċellazzjoni ta’ drittijiet, ta’ aggravji jew ta’ ipoteki reġistrati.
Fatti oħrajn soġġetti għar-reġistrazzjoni:
i) azzjonijiet li jservu primarjament jew inċidentalment sabiex jiġi rikonoxxut, stabbilit, jinbidel jew jiġi kkanċellat wieħed mid-drittijiet imsemmijin fl-artikolu preċedenti, u wkoll azzjoni ta’ evitar;
ii) azzjonijiet li jservu primarjament jew inċidentalment sabiex jemendaw, jiddikjaraw nulla u bla effett jew jannullaw reġistrazzjoni jew kanċellazzjoni ta’ din;
iii) deċiżjonijiet finali relatati mal-azzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi preċedenti, malli jiksbu forza legali;
iv) proċeduri li jservu għall-qbid għall-ħlas dovut u għas-sekwestru, u kwalunkwe miżura oħra li taffettwa t-trasferiment ta’ assi;
v) miżuri ordnati matul il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu preċedenti.
- Informazzjoni dwar it-tariffi għaċ-ċertifikati tar-reġistru tal-artijiet, dwar il-persuni li jistgħu jitolbu ċertifikati ta’ dan it-tip, u dwar il-metodu u l-post biex dan jagħmluh, flimkien mad-dettalji li għandhom jiġu pprovduti b’rabta ma’ talbiet ta’ dan it-tip u mal-formola tat-talba li għandha tiġi sottomessa online, jistgħu jinkisbu permezz ta’ din il-link.
- Il-lingwa li għandha tintuża għall-mili tal-formola ta’ applikazzjoni trid tkun il-Portugiż.
- Kwalunkwe persuna tista’ titlob ċertifikat tar-reġistri tal-artijiet online billi timla formola jew billi tmur personalment fi kwalunkwe wieħed mill-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet, li lista tagħhom tista’ tiġi aċċessata permezz tal-link imsemmija aktar ’il fuq.
- Il-fatti li jeħtieġ li jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet tal-Portugall huma speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet, li jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk
L-ENTITAJIET RESPONSABBLI GĦALL-ĦRUĠ U GĦALL-ĠESTJONI TA’ TITOLI
Dawn l-entitajiet iżommu l-informazzjoni li ġejja:
- Fatti soġġetti għal reġistrazzjoni
i) l-akkwiżizzjoni ta’ titoli (it-titoli huma nominattivi skont l-Artikolu 52 tal-Kodiċi tat-Titoli u jistgħu jitħallew b’wirt);
ii) meta jiġi stabbilit, immodifikat jew jispiċċa użufrutt, rahan jew sitwazzjoni legali oħra li taffettwa t-titoli.
- Dawn li ġejjin – fost oħrajn ittrattati bħala tali mil-liġi – jitqiesu li jikkostitwixxu titoli:
- stokks u ishma
- bonds
- ekwità
- ishma f’fondi ta’ investiment
- id-drittijiet responsabbli tat-titoli msemmijin fil-paragrafi preċedenti, dment li r-responsabbiltà tkopri l-kwistjoni kollha jew sensiela, jew inkella tkun prevista fil-mument tal-ħruġ
- ċertifikati awtonomi
- dokumenti oħrajn li jirrappreżentaw sitwazzjonijiet legali omoġeni, dment li dawn ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti fis-suq.
Ir-reġistru (li ma huwiex ċentralizzat) jinżamm minn kull entità emittenti jew entità maniġerjali.
Il-ħruġ, in-natura, ir-reġistrazzjoni u l-ġestjoni ta’ titoli huma rregolati permezz tal-Kodiċi dwar it-Titoli, li jista’ jiġi kkonsultat permezz ta’ din il-link.
Lista ta’ entitajiet emittenti u maniġerjali tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ din il-link.
L-entitajiet responsabbli għall-ħruġ u għall-ġestjoni ta’ titoli huma soġġetti għas-superviżjoni mill-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli, li magħha huma meħtieġa jikkooperaw sal-livell li titlob.
Il-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli hija meħtieġa tagħmel l-informazzjoni disponibbli għal investituri mhux speċjalizzati (l-Artikoli 4(4) u 6(6) tal-Istatuti tal-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli, kif approvati permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 5/2015 u emendati permezz tal-Liġi Nru 148/2015).
It-talbiet għal informazzjoni jistgħu jiġu indirizzati lill-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli billi timtela formola online bil-Portugiż disponibbli minn din il-link.
L-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli huma disponibbli permezz ta’ din il-link.
L-AWTORITÀ NAZZJONALI TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI
Dan id-dipartiment iżomm l-informazzjoni li ġejja:
- Ir-reġistru ajrunawtiku ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fil-Portugall u tal-partijiet u tal-komponenti tagħhom.
Bażi legali:
It-talbiet għal informazzjoni jistgħu jintbagħtu bil-Portugiż lil:
ANAC - Autoridade Nacional de Aviação Civil [L-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili]
Rua B, Edifício 4 - Aeroporto Humberto Delgado
1749-034 Lisbon
Telefown: +351 21 284 22 26
Faks: +351 21 840 23 98
Posta elettronika: geral@anac.pt
Sit web: https://www.anac.pt/
L-AWTORITÀ MARITTIMA NAZZJONALI – DIPARTIMENT TAR-REĠISTRAZZJONI U TAN-NUTARA – DESK TA’ INFORMAZZJONI MARITTIMA ONLINE
Dawn l-entitajiet iżommu l-informazzjoni li ġejja dwar il-bastimenti u l-vapuri:
- Reġistru li jirreġistra l-proprjetà ta’ bastimenti u ta’ vapuri, il-karatteristiċi tagħhom u kwalunkwe rahan u aggravju applikabbli għalihom.
- Reġistru ta’ liċenzji nawtiċi.
Bażi legali:
- Id-Digriet Amministrattiv 265/72 tal-31 ta’ Lulju 1972 applikabbli għall-kategoriji ta’ bastiment iddeżinjati fl-Artikolu 19 tiegħu;
- Id-Digriet Amministrattiv 93/2018 tat-13 ta’ Novembru 2018 applikabbli għall-kategoriji ta’ bastiment iddeżinjati fl-Artikolu 2 tiegħu;
- Id-Digriet Amministrattiv 92/2018 tat-13 ta’ Novembru 2018 applikabbli għall-bastimenti u għall-vapuri indikati fl-Artikolu 2 tiegħu.
Talbiet għal informazzjoni relatati mal-kategorija ta’ bastimenti indikata fil-leġiżlazzjoni ta’ hawn fuq jistgħu jiġu indirizzati lil:
- L-Awtorità Marittima Nazzjonali, billi timtela l-formola online bil-Portugiż disponibbli permezz ta’ din il-link.
- Id-Dipartimenti tar-Reġistrazzjoni u tan-Nutara msemmijin fl-Artikolu 7 tad-Digriet Amministrattiv Nru 92/2018; id-dettalji ta’ kuntatt u deskrizzjoni tas-servizzi li jipprovdu online jistgħu jinkisbu permezz ta’ din il-link.
- Id-Desk ta’ Informazzjoni Marittima Online, billi timtela bil-Portugiż il-formola online disponibbli permezz ta’ din il-link.
IL-PULIZIJA TAS-SIGURTÀ PUBBLIKA – ID-DIPARTIMENT TAL-ARMI U TAL-ISPLUSSIVI
Dan id-dipartiment iżomm l-informazzjoni li ġejja:
- It-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru, in-numru tas-serje u l-marka unika mehmuża mal-qafas jew ir-riċevitur bħala marka unika li jippermettu li kull arma tan-nar tingħaraf b’mod uniku;
- in-numru tas-serje jew marka unika applikati għall-komponenti essenzjali, meta dawk ikunu differenti mill-marka fuq il-qafas jew ir-riċevitur ta’ kull arma tan-nar;
- l-ismijiet, l-indirizzi u l-identifikazzjoni tat-taxxa tal-fornituri u tax-xerrejja jew tad-detenturi tal-arma tan-nar, flimkien mad-dati li fihom tinbidel il-proprjetà jew il-pussess;
- kwalunkwe modifika f’arma tan-nar (inkluża d-diżattivazzjoni jew il-qerda) li tirriżulta fir-riklassifikazzjoni tagħha, u d-data rilevanti.
Bażi legali:
- il-Liġi 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 (ara l-Artikolu 72)
It-talbiet għal informazzjoni jistgħu jintbagħtu bil-Portugiż lil:
Dipartiment tal-Armi u tal-Isplussivi
Rua Artilharia 1, No 21
1269-003 Liżbona
Telefown: +351 21 8111000
Faks: +351 21 387 47 72
Posta elettronika: seronline@psp.pt
Sit web: https://www.psp.pt/
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
IL-BANK TAL-PORTUGALL iżomm BAŻI TAD-DATA TAL-KONTIJIET
F’materji ċivili u kummerċjali, l-informazzjoni li tinsab fil-Bażi tad-Data tal-Kontijiet trid issir disponibbli għall-qrati tal-liġi mill-Bank tal-Portugall fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 417(3)(c) u (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li skont dan qorti tista’ tissospendi s-segretezza bankarja.
Informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni addizzjonali applikabbli, il-persuni li jistgħu jingħataw aċċess għal informazzjoni bankarja, il-formoli li għandhom jimtlew u d-dokumenti li għandhom jiġu mehmużin mal-applikazzjoni huma disponibbli permezz ta’ din il-link.
Dettalji ta’ kuntatt għall-Bank tal-Portugall:
Ċentru tas-sejħiet telefoniċi: (+351) 213 130 000
Indirizz: R. do Comércio, 148 (1100-150 Liżbona)
Posta elettronika: info@bportugal.pt
Sit web: https://www.bportugal.pt/
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
L-ISTITUT PORTUGIŻ TAL-PROPRJETÀ INDUSTRIJALI
Dan iżomm l-informazzjoni li ġejja:
ir-reġistru ta’ drittijiet esklużivi fuq:
- trademarks – trademarks, logos, marki ta’ assoċjazzjoni jew ta’ ċertifikazzjoni kollettivi, denominazzjoni ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u premji;
- privattivi – privattivi, applikazzjonijiet għal privattivi provviżorji u mudelli ta’ utilità;
- disinji – disinji jew mudelli.
Tiftix online għal trademarks, għal privattivi u għal disinji jista’ jsir permezz ta’ din il-link.
It-talbiet għal informazzjoni jistgħu jsiru bil-Portugiż:
- billi timtela l-formola online disponibbli permezz ta’ din il-link.
- bil-posta jew personalment fuq l-indirizz li ġej:
L-Istitut Portugiż tal-Proprjetà Industrijali
R. da Alfândega, 15
1100-016 Liżbona
Posta elettronika: servico.publico@inpi.pt
Sit web: https://inpi.justica.gov.pt/
- L-Istitut Portugiż tal-Proprjetà Industrijali jista’ jiġi kkuntattjat fuq in-numri tat-telefown li ġejjin:
fil-Portugall: 218 818 188
fil-Portugall jew minn barra l-pajjiż: (+351) 210 514 396 (bil-prezz ta’ telefonata lokali)
Bażi legali:
L-ISPETTORAT ĠENERALI GĦALL-ATTIVITAJIET KULTURALI (IGAC)
Dan iżomm l-informazzjoni li ġejja:
Reġistru tax-xogħlijiet li ġejjin:
- xogħlijiet letterarji u xjentifiċi, u wkoll xogħlijiet ta’ drama b’mod ġenerali;
- kompożizzjonijiet mużikali, b’lirika jew mingħajr;
- xogħlijiet u pantomimi b’koreografija;
- xogħlijiet ċinematografiċi u televiżivi;
- skulturi u ċeramika;
- tpinġijiet, tapezzeriji, pitturi u xogħol b’madum;
- kartuns;
- tinqix u litografi;
- xogħlijiet oħrajn tal-arti tal-plastik (applikati jew le);
- ritratti jew xogħlijiet oħrajn prodotti permezz ta’ kwalunkwe proċess simili għal dawk użati fil-fotografija;
- proġetti, pjanti jew tpinġijiet għall-arkitettura;
- mudelli fuq skala;
- mapep, grafika u illustrazzjonijiet relatati mat-topografija, ma’ ċarts ġeografiċi jew max-xjenza b’mod ġenerali;
- programmi tal-kompjuter;
- bażijiet tad-data;
- prestazzjonijiet minn artisti;
- produzzjonijiet fonografiċi;
- produzzjonijiet awdjoviżivi.
It-talbiet għal servizzi jridu jintbagħtu lill-IGAC
permezz ta’ formola tal-IGAC akkumpanjata mid-dokumentazzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni rilevanti.
Għall-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti assoċjati ma’ kull servizz, ikkonsulta l-katalogu tas-servizzi.
Talba għal ċertifikati sempliċi jew sħaħ trid issir bil-Portugiż permezz tal-“Formoli għat-talba ta’ ċertifikati sempliċi jew sħaħ” (Formulários para pedido de certidões simples ou integrais), li huma disponibbli permezz ta’ din il-link:
It-talbiet iridu jintbagħtu fuq l-indirizz li ġej:
L-Ispettorat Ġenerali għall-Attivitajiet Kulturali (IGAC)
Palácio Foz, Calçada da Glória, No 9
1250-112 Liżbona
Posta elettronika: igacgeral@igac.pt
Sit web: https://www.igac.gov.pt/
Bażi legali:
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Lista pubblika ta’ każijiet ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq il-Portal Citius permezz ta’ din il-link.
Lista ta’ debituri tat-taxxa tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ din il-link.
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Din il-mistoqsija diġà twieġbet aktar ’il fuq, permezz tat-tweġiba għall-mistoqsija li ġejja: X’informazzjoni tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkati fil-punt 1?
Nota finali: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva ma hijiex vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, fuq il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem tal-Portugall jew fuq il-qrati. Lanqas ma hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet ikkonsultati filwaqt li kienet qiegħda titfassal l-iskeda informattiva. Minkejja l-attenzjoni kollha ddedikata għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni, din tal-aħħar ma hijiex sostitut għall-konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi kwalunkwe waqt.