Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
    Swipe to change

    Divorzju u separazzjoni legali

    Informazzjoni nazzjonali dwar ir-Regolament Nru 1259/2010.

    Informazzjoni ġenerali

    L-Unjoni Ewropea stabbiliet l-għan li tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali. Fl-istess ħin, iż-żieda tal-mobbiltà taċ-ċittadini fi ħdan is-suq intern teħtieġ aktar flessibbiltà u aktar ċertezza legali.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (imsejjaħ ir-Regolament “Ruma III”) jipprovdi liċ-ċittadini b'riżultati xierqa f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà, jipproteġi s-sieħeb l-iktar dgħajjef f'tilwim dwar id-divorzju u jipprevjeni li wieħed joqgħod jagħżel fejn jinstema' l-każ għall-vantaġġ tiegħu (forum shopping). Dan jgħin ukoll biex jiġu evitati proċedimenti kkumplikati, twal u ta' tbatija.

    Aktar speċifikament, ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 jippermetti lill-koppji internazzjonali li jiftiehmu minn qabel liema liġi għandha tapplika għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom sakemm il-liġi li jkunu qablu dwarha tkun dik tal-Istat Membru li miegħu għandhom rabta aktar mill-qrib. Fil-każ li l-koppja ma tkunx tista' taqbel, l-imħallfin jistgħu jużaw formula komuni biex jiddeċiedu l-liġi ta’ liema pajjiż tapplika.

    Dan ir-Regolament m’għandux, min-naħa l-oħra, japplika għall-kwistjonijiet li ġejjin: il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi; l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta’ żwieġ; l-annullament ta’ żwieġ; l-isem tal-konjuġi; il-konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà; ir-responsabbiltà tal-ġenituri; obbligu ta’ manteniment u trusts u suċċessjonijiet. Dan lanqas ma jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri.

    Huwa strument li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri parteċipanti. Il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti li grupp ta' mill-inqas disa' Stati Membri jimplimentaw miżuri f'wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklussivi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 331 tat-TFUE, l-Istati Membri mhux parteċipanti jżommu d-dritt li jissieħbu mal-koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja.

    Il-Portal Ewropew tal-e-Ġustizzja jipprovdik b'informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament.

    Kooperazzjoni Msaħħa

    Fit-12 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/405/UE li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali bejn il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja. Bħala konsegwenza, l-14-il Stat Membru parteċipanti msemmija adottaw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010, li sar applikabbli fil-21 ta’ Ġunju 2012.

    Fil-21 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/714/UE li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja mit-22 ta’ Mejju 2014.

    Fis-27 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/39/UE li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja f'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Greċja mid-29 ta' Lulju 2015.

    Fl-10 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) Nru 2016/1366 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Estonja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Estonja mill-11 ta’ Frar 2018

    Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

    Ħolqa relatata

    Is-sit web ARKIVJAT tal-ATLAS Ġudizzjarju Ewropew (magħluq fit-30 ta' Settembru 2017)

    L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

    Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.