1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?
“Notifika ta’ dokumenti” tfisser notifika maħruġa fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika b’tali mod li tkun tista’ tiġi vverifikata u f’forma rregolata mil-liġi. L-għan tar-regoli relatati man-notifika ta’ dokumenti huwa li jiġi żgurat li d-dokumenti jiġu nnotifikati b’mod kredibbli lill-persuna rilevanti u li dik in-notifika tkun tista’ tiġi vverifikata.
2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?
Id-dokumenti li jiġu nnotifikati normalment ikunu dokumenti relatati ma’ proċedimenti ġudizzjarji, bħal ċitazzjonijiet u taħrik għax-xhieda. Talba għal evidenza ta’ notifika ta’ dokumenti tista’ tkun relatata wkoll ma’ dokumenti li ma jkunux dawk għal proċedimenti ġudizzjarji, bħal testmenti.
3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
Għal proċedimenti ġudizzjarji, il-qorti tkun ġeneralment responsabbli min-notifika tad-dokumenti. Malli ssir talba mill-parti rilevanti, il-qorti tista’ tafda lil dik il-parti bir-responsabbiltà għan-notifika tad-dokumenti jekk il-qorti tqis li jkun hemm raġunijiet iġġustifikati sabiex tagħmel hekk.
F’każijiet oħrajn, il-parti li jkun fl-interess tagħha li d-dokumenti jkunu nnotifikati tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti.
4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi
4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Iva. L-uffiċjali ġudizzjarji tal-qorti distrettwali (käräjäoikeus) għandhom aċċess għas-sistema tad-data tal-popolazzjoni, fejn jistgħu jivverifikaw id-dettalji aġġornati tal-indirizzi.
4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
Is-Servizz tal-Indirizzi (osoitepalvelu) jippermettilek tfittex indirizzi aġġornati għal kważi r-residenti permanenti kollha fil-Finlandja. L-informazzjoni tas-Servizz hija bbażata fuq l-informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni miżmuma mill-Aġenzija għas-Servizzi tad-Data Diġitali u dwar il-Popolazzjoni (Digi- ja väestötietovirasto).
L-indirizzi jitfittxu bl-użu ta’ isem u kunjom l-individwu. Dan jista’ jkun l-isem attwali jew isem preċedenti. Affarijiet bħall-età tal-individwu, id-data tat-twelid u l-post tar-residenza attwali jew preċedenti tiegħu jistgħu jintużaw sabiex jiġu ffiltrati t-termini tat-tiftixa.
L-indirizzi pprovduti huma ta’ persuni individwi identifikati b’mod ċar li għalqu 15-il sena u li ma jkunux irrifjutaw li jiġi pprovdut l-indirizz tagħhom.
Is-servizz tal-indirizzi bil-lingwa Finlandiża: tel. 0600 0 1000;
Is-servizz tal-indirizzi bil-lingwa Żvediża: tel. 0600 0 1001;
Dawn is-servizzi huma disponibbli kuljum mit-8:00 sal-22:00.
Is-servizz jiswa EUR 2.50/minuta + it-tariffa tan-network lokali/tal-mowbajl u t-tariffi tal-avviż ta’ telefonata oħra tan-network lokali/tal-mowbajl (EUR 1.98/minuta sas-16 ta’ Mejju 2020).
Telefonati għas-servizz jistgħu jsiru mill-Finlandja biss.
Id-domandi dwar indirizzi jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Aġenzija tas-Servizzi tad-Data Diġitali u tal-Popolazzjoni bil-posta elettronika. Dawn jistgħu jintbagħtu bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew bl-Ingliż billi jintuża l-indirizz tal-posta elettronika: vtj-todistus@dvv.fi. Id-domandi jistgħu jsiru wkoll bil-miktub lill-Aġenzija tas-Servizzi tad-Data Diġitali u tal-Popolazzjoni, PL 123, 00531 Helsinki. Trid titħallas tariffa għas-servizz. L-iskop li għalih għandu jintuża l-indirizz għandu jkun indikat fid-domanda.
L-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni tal-Finlandja (Patentti- ja rekisterihallitus – PRH) u l-Awtorità tat-Taxxa tal-Finlandja (Verohallinto) għandhom servizz kondiviż fuq https://www.ytj.fi fejn int tista’ tfittex id-dettalji kummerċjali tal-kumpaniji u tal-korporazzjonijiet. Dan is-servizz huwa disponibbli bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż. Aktar informazzjoni tinsab minn fuq https://www.prh.fi/fi/index.html (bil-Finlandiż), https://www.prh.fi/sv/index (bl-Iżvediż) u https://www.prh.fi/en/index.html (bl-Ingliż).
4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.
5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?
Skont l-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (Oikeudenkäymiskaari 4/1734), meta l-qorti tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti fil-proċedimenti ġudizzjarji, id-dokumenti jiġu nnotifikati primarjament bil-posta. Tista' tintbagħat ittra bil-posta rreġistrata bħala prova tal-irċevuta. Inkella, tista' tintbagħat direttament fid-dar tal-individwu. F'każijiet bħal dawn, il-prova tal-irċevuta tinhemeż mal-ittra, u r-riċevitur irid jiffirmaha u jirritornaha l-qorti. Dokumenti relatati ma’ proċedimenti ġudizzjarji, ħlief ċitazzjonijiet u l-ewwel talba għal risposta, jistgħu jiġu nnotifikati billi jintbagħtu bil-posta standard fl-indirizz indikat mill-parti rilevanti lill-qorti. Ir-riċevitur jitqies li jkun ġie nnotifikat b'dokument bil-posta standard fis-seba' jum wara li tiġi impustata.
Skont l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju jekk in-notifika bil-posta x'aktarx li ma tirnexxix.
Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), bil-kunsens tal-parti rilevanti, il-qorti tista' tħalli r-responsabbiltà għan-notifika tad-dokumenti f'idejn dik il-parti jekk il-qorti tqis li jkun hemm raġunijiet iġġustifikati biex dan isir. F'każijiet bħal dawn, il-qorti tinnotifika lill-parti rilevanti bid-data ta' skadenza għan-notifika tad-dokumenti u biex tintbagħat prova tagħha l-qorti. Skont l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju f'każijiet bħal dawn.
Skont l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), jekk il-qorti tafda lill-parti rilevanti bir-responsabbiltà għan-notifika tad-dokumenti, u jekk il-parti rilevanti tkun rappreżentata minn avukat jew minn konsulent legali pubbliku, id-dokumenti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati wkoll personalment lir-riċevitur minn dak l-avukat jew il-konsulent legali pubbliku. F'każijiet bħal dawn, ir-riċevitur jiffirma l-prova li rċieva d-dokumenti. Dan il-metodu ta' notifika ma jistax jintuża f'kawżi kriminali.
Dokumenti ħlief dawk relatati ma’ proċedimenti ġudizzjarji jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju meta ssir talba minn awtorità jew minn individwu.
6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
Skont l-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), meta l-qorti jew il-prosekutur ikunu responsabbli għan-notifika tad-dokumenti, id-dokument ikun jista’ jiġi nnotifikat billi jintbagħat lill-parti rilevanti bħala komunikazzjoni elettronika bil-mod speċifikat mir-riċevitur, jekk ikun jista’ jiġi preżunt li r-riċevitur ikun infurmat bid-dokument u jirritorna prova li rċivieh sal-iskadenza.
Skont l-Artikolu 11(3b) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), meta l-qorti tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti, u jekk il-kawża tkun relatata ma’ dejn ta’ ammont speċifiku, mar-ritorn tal-pussess jew ma’ ċirkostanza interrotta li tiġi ristabbilita, jew ma’ żgumbrament, u l-attur jiddikjara li ma jqisx li l-kawża tikkostitwixxi tilwima, id-dokumenti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati bit-telefown ukoll. Rekwiżit addizzjonali huwa li n-notifika bit-telefown tkun xierqa fid-dawl tal-ambitu u l-kwalità tad-dokument ikkonċernat u li r-riċevitur ikun infurmat bid-dokument ikkonċernat u jifhem l-importanza tan-notifika tiegħu, mingħajr ebda dubju. Ladarba dokument jiġi nnotifikat bit-telefown, huwa jrid jintbagħat minnufih bħala ittra jew komunikazzjoni elettronika fl-indirizz speċifikat mir-riċevitur, sakemm dan ma jkunx manifestament inutli għal raġunijiet speċjali. Trid tiġi pprovduta wkoll evidenza li d-dokument ġie nnotifikat bit-telefown.
6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?
Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti dwar in-notifika ta’ dokumenti b’mezzi elettroniċi.
6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Le.
7 Notifika “alternattiva”
7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?
Skont l-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), meta uffiċjal ġudizzjarju jkun fittex persuna għall-finijiet ta’ notifika ta’ dokumenti u l-post tar-residenza tagħha fil-Finlandja jkun magħruf, imma l-uffiċjal ġudizzjarju ma jkunx sab lil dik il-persuna jew lil kwalunkwe persuna oħra li tkun intitolata tirċievi dokumenti notifikati f’isem dik il-persuna, u jkun jista’ jiġi preżunt fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi li l-persuna inkwistjoni qed tevita n-notifika tad-dokumenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jinnotifika d-dokumenti billi jikkonsenjahom lil kwalunkwe membru tal-istess unità domestika li jkun għalaq 15-il sena jew, jekk ir-riċevitur tad-dokumenti jmexxi negozju, lil kwalunkwe individwu li jaħdem man-negozju ta’ dik il-persuna. Jekk ma jkun jista' jinstab ħadd minn dawk imsemmija fuq, id-dokumenti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati billi jingħataw lill-forza tal-pulizija lokali.
Meta l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 tkun ġiet segwita, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jibgħat notifika ta' dan lir-riċevitur tad-dokumenti nnotifikati, bl-użu tal-indirizz tar-riċevitur. Id-dokumenti għandhom jitqiesu bħala li ġew innotifikati meta n-notifika skont it-tifsira tal-paragrafu 2 tiġi impustata.
Fil-kawżi kriminali, iċ-ċitazzjonijiet ma jistgħux jiġu nnotifikati lill-akkużat bl-użu tal-proċedura stabbilita f'dan il-paragrafu.
Skont l-Artikolu 9 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (4/1734), jekk ma tkun tista' tinstab l-ebda informazzjoni dwar fejn jinsab ir-riċevitur, il-qorti tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti b'avviż pubbliku. Fil-kawżi kriminali, iċ-ċitazzjonijiet ma jistgħux jiġu nnotifikati lill-akkużat b'avviż pubbliku.
7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7.1.
7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7.1.
7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
Jekk ir-riċevitur ma jiġborx id-dokumenti notifikati mill-uffiċċju postali jew jirrifjuta li jirċievi d-dokumenti notifikati mibgħuta bi prova jew bi rċevuta, it-talba tiġi rritornata lill-mittent. F'każijiet bħal dawn, id-dokumenti jitqiesu li ma ġewx innotifikati (ara pereżempju, id-Deċiżjoni 50:1997 tal-Qorti Suprema (korkein oikeus)). Similarment, jekk id-dokument li jrid jiġi nnotifikat ikun ġie impustat direttament id-dar tar-riċevitur, titqies li ma ġietx innotifikata sakemm ir-riċevitur ma jirritornax prova ffirmata tal-irċevuta lill-qorti.
Ir-riċevitur jista’ jirrifjuta biss li jirċievi dokumenti nnotifikati mill-uffiċjal ġudizzjarju jekk ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet elenkati fil-leġiżlazzjoni. Ir-riċevitur jista’ jirrifjuta li jirċievi d-dokumenti notifikati fost l-oħrajn meta d-dokumenti ma jkunux bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew b’lingwa oħra li r-riċevitur jifhem. (Pereżempju: (l-Att dwar l-Assistenza Legali f’Materji Kriminali (Laki kansainvälisestä oikeusavusta rikosasioissa) jew l-Att dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali u r-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi fid-Dritt Ċivili u Kummerċjali (Laki kansainvälisestä oikeusavusta sekä tuomioiden tunnustamisesta ja täytäntöönpanosta siviili- ja kauppaoikeuden alalla)). Jekk ir-riċevitur jirrifjuta b’mod inġustifikabbli li jirċievi d-dokumenti notifikati, id-dokumenti xorta waħda jitqiesu li jkunu ġew innotifikati.
Jekk ikun hemm raġunijiet skont il-liġi għar-rifjut tan-notifika ta' dokumenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jirritorna d-dokumenti. F'każijiet bħal dawn, l-uffiċjal ġudizzjarju jipprovdi evidenza bil-miktub li turi li r-riċevitur irrifjuta n-notifika tad-dokumenti, u spjega tar-raġunijiet għal dan ir-rifjut.
8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)
8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?
Meta jintbagħtu dokumenti l-Finlandja għal notifika bil-posta b’konferma tar-riċevuta, l-uffiċċju postali jżomm dawn id-dokumenti u jibgħat avviż lir-riċevitur li fih jinfurmah li hemm oġġett x’jiġbor mill-uffiċċju postali. Huma biss ir-riċevitur jew persuna awtorizzata minnu li jistgħu jiġbru dawk id-dokumenti mill-uffiċċju postali. Huwa possibbli li d-dokumenti jingħaddew esklużivament lir-riċevitur personalment jekk il-persuna li titlob in-notifika tad-dokumenti titlob li jsir hekk.
8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?
Jekk ir-riċevitur ma jiġborx id-dokumenti mill-uffiċċju postali, dawn jiġu rritornati lill-mittent.
F’każijiet bħal dawn, il-mittent jista’ jibgħat id-dokumenti u t-talba għal notifika tad-dokumenti lill-qorti distrettwali (käräjäoikeus) tal-post tar-residenza jew tad-domiċilju tar-riċevitur. Ladarba tasal it-talba, l-uffiċjali ġudizzjarji tal-qorti distrettwali jippruvaw jinnotifikaw id-dokumenti lir-riċevitur personalment.
8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
L-uffiċċju postali jibgħat nota lir-riċevitur fejn jinfurmah li hemm oġġett x’jiġbor mill-uffiċċju postali. In-notifika tiddikjara wkoll id-data sa meta r-riċevitur irid jiġbor id-dokumenti.
L-uffiċċju postali jżomm id-dokumenti tul il-ġimgħa ta' meta jkunu waslu u ġimagħtejn kalendarji sħaħ fuqhom.
9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?
L-uffiċjal ġudizzjarju jagħti prova li jkun innotifika d-dokumenti. Il-prova tingħata anke jekk in-notifika tad-dokumenti tkun saret bil-posta.
10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
Jekk id-dokumenti jkunu ġew innotifikati b’mod mhux korrett u l-persuna rilevanti ma tidhirx il-qorti jew ma tipprovdix risposta bil-miktub kif mitlub minnha, id-dokumenti jkollhom jerġgħu jiġu nnotifikati. Madankollu, jekk l-iżball ikun minuri, ma hemmx għalfejn li d-dokumenti jerġgħu jiġu nnotifikati.
Jekk il-persuna rilevanti tasserixxi li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati b’mod mhux korrett, il-kawża tiġi aġġornata għajr jekk din il-ħtieġa tixxejjen dovut għall-fatt li l-iżball ikun wieħed minuri.
11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?
Ir-rimedju legali huwa appell tal-argument prinċipali.
12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor
In-notifika tad-dokumenti minn uffiċjal ġudizzjarju, u l-prova ta’ din, jiswew EUR 85. L-ebda tariffa ma tkun applikabbli meta l-qorti tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti.
In-notifika tad-dokumenti fuq il-bażi ta’ talba għall-għajnuna legali minn barra l-pajjiż hija mingħajr ħlas.