Skip to main content

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Flag of Italy
L-Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

In-notifika ta’ dokumenti hija proċedura kodifikata li permezz tagħha jingħadda għarfien lil persuna fiżika jew ġuridika dwar dokument legali, għall-finijiet stabbiliti bil-liġi.

Notifika (notificazione) ġeneralment titwettaq mill-marixxall fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew mill-awtorità ġudizzjarja, iżda tista’ ssir ukoll minn avukat.

Jekk id-dokument li jkun se jiġi nnotifikat ikun dokument elettroniku u d-destinatarju ma jkollux indirizz tal-posta elettronika ċċertifikata, il-marixxall jinnotifika billi jwassal kopja tad-dokument f’forma stampata, li huwa jiddikjara li tkun konformi mal-oriġinali, u jżomm id-dokument elettroniku għas-sentejn segwenti. Jekk jintalab hekk, il-marixxall jibgħat ukoll id-dokument innotifikat b’mezzi elettroniċi lill-indirizz tal-posta elettronika ddikjarat mid-destinatarju tan-notifika jew mill-aġent tiegħu, jew jgħaddi kopja tad-dokument innotifikat lil dawk il-persuni, soġġett għall-ħlas tat-tariffi rilevanti, fuq mezz tal-kompjuter li fuqu ma tistax issir kitba iktar minn darba (l-Artikolu 137 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (Codice di Procedura Civile).

Notifika sempliċi (comunicazione) issir mir-reġistratur tal-qorti (cancelliere) f’każijiet li fihom l-istess reġistratur jeħtieġlu jinnotifika dokumenti proċedurali lill-partijiet u lil persuni oħrajn fir-rigward tal-proċedimenti (l-Artikolu 136 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

In-notifika ta’ dokumenti tinvolvi b’mod speċifiku t-trażmissjoni ta’ dokumenti fis-sħuħija tagħhom lil destinatarju predeterminat wieħed jew aktar, li l-iskop ġenerali tagħha jkun li tgħarraf bil-kontenut tagħhom, billi titwassal lid-destinarju kopja vera tal-oriġinali, imwettqa bil-mezzi u mill-persuni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni, li jattestaw dik l-attività, il-metodu użat u l-eżitu tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni b’valur probatorju privileġġat.

Sett strutturat ta’ regoli li jirregolaw il-proċess u l-eżitu tal-proċedura għan-notifika huwa marbut mal-fatt li attività bħal din isservi biex jinħolqu effetti legali speċjali. B’mod partikolari, meta l-forma xierqa ta’ notifika tkun ġiet irrispettata, il-leġiżlazzjoni torbot ma’ dik in-notifika l-preżunzjoni inkonfutabbli li d-destinatarju jkun jaf bid-dokument, irrispettivament mill-għarfien propju tad-dokument li, f’ċirkustanzi li fihom ma jiġix innotifikat, ma jipproduċix l-istess effetti legali bħal dan tal-aħħar, ħlief f’każijiet li fihom ikun intlaħaq l-iskop tad-dokument.

Għaldaqstant, f’dak ir-rigward, mill-perspettiva taċ-ċertezza f’materji legali, in-notifika hija l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti għall-effettività tagħha li hija, b’mod aktar speċifiku, l-għarfien legali (legale conoscenza) tad-dokument innotifikat min-naħa tad-destinatarju.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

In-notifika ġeneralment tikkonċerna dokumenti li fir-rigward tagħhom jitfittex għarfien legali, għall-fini ta’ produzzjoni ta’ effetti legali speċifiċi: in-notifika trid issir għall-eżerċitar ta’ ċerti drittijiet (eż. revoka ta’ prokura, ċessjoni ta’ pretensjoni, avviż formali għall-adempjenza), jew il-bidu jew l-issoktar ta’ proċedimenti legali (eż. ċitazzjoni fi proċedimenti ordinarji, ta’ oppożizzjoni jew ta’ appell) jew ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

Fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2020/1784, notifika formali tikkonċerna d-dokumenti kollha, kemm jekk ġudizzjarji jew inkella ekstraġudizzjarji, relatati ma’ materji ċivili u kummerċjali, li jkunu maħsubin li jagħtu effett legali lill-għarfien legali tad-dokument.

Dokumenti b’kontenut relatat mat-taxxa, mad-dwana jew mal-amministrazzjoni jew li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-Istat għal fatti jew għal omissjonijiet imwettqin fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

In-notifika ssir:

  • Permezz tal-marixxall (ufficiale giudiziario), f’konformità mar-regoli preċiżi tal-awtorità territorjali (l-Artikoli 106 u 107 tad-Digriet Presidenzjali (Decreto del Presidente della Repubblica) Nru 1229 tal-15 ta’ Diċembru 1959). Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/1784, il-marixxalli huma l-uniċi aġenti kompetenti għat-trażmissjoni u għar-riċevuta ta’ dokumenti għal notifika fi Stat Membru ieħor jew minnu.
  • Permezz ta’ avukat li jkollu l-prokura xierqa u l-awtorizzazzjoni mingħand il-kunsill tal-assoċjazzjoni tal-avukatura (Ordine) li magħha jkun irreġistrat, li jista’ jinnotifika permezz tal-posta, f’konformità mal-Liġi Nru 890 tal-20 ta’ Novembru 1982, jew b’ittra elettronika ċċertifikata (l-Artikolu 149bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja jew il-liġi tista’ tordna li dik in-notifika ssir personalment mill-marixxall.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-awtorità riċeventi għall-Italja tgħaddi t-talba għal notifika lill-marixxall kompetenti għat-territorju.

Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz mogħti mill-parti riċeventi, il-marixxall jieħu l-passi li ġejjin:

  • Dwar persuna fiżika: jistaqsi lil dawk li jgħixu fl-indirizz mogħti jew lill-ġirien jew jikseb informazzjoni fl-uffiċċju tar-reġistru tal-popolazzjoni lokali (Anagrafe del Comune) (jekk il-post u d-data tat-twelid ikunu indikati fuq id-dokument).
  • Dwar persuna ġuridika: il-marixxall jirritorna d-dokument lill-parti rikjedenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titlob notifika lir-rappreżentant legali tad-destinatarju. F’dak il-każ, l-isem tar-rappreżentant legali u r-residenza personali tiegħu jridu jkunu inklużi fid-dokument (l-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Skont l-Artikolu 33(1) flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1784, ta’ min jinnota l-affarijiet li ġejjin.

Meta l-indirizz fl-Italja tal-persuna li lilha jkun se jiġi nnotifikat id-dokument ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju ma jkunx magħruf, l-Italja tipprovdi assistenza sabiex jiġi ddeterminat l-indirizz billi tindika l-UNEP fil-Qorti tal-Appell ta’ Ruma (Corte di Appello di Roma) bħala l-awtorità deżinjata li lilha l-aġenziji mittenti jistgħu jindirizzaw it-talbiet dwar id-determinazzjoni tal-indirizz tal-persuna li lilha jkun se jiġi nnotifikat id-dokument. L-awtoritajiet Taljani ma jissottomettux minn jeddhom talbiet għal informazzjoni dwar l-indirizzi lil reġistri tad-domiċilji jew lil bażijiet tad-data oħrajn f’każijiet li fihom l-indirizz indikat fit-talba għal notifika ma jkunx korrett.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji tal-UNEP fil-Qorti tal-Appell ta’ Ruma huma dawn li ġejjin:

Viale Giulio Cesare 52, 00192 Rome

Tel. +39 06328367058-7059

Posta elettronika: attiesteri.unep.ca.roma@giustizia.it

Posta elettronika ċċertifikata: attiesteri.unep.roma@giustiziacert.it

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-indirizz irid jiġi pprovdut mill-awtorità jew mill-parti rikjedenti, li ġġibu mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha.

Għal tfittxijiet possibbli, trid issir distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi.

L-indirizz ta’ persuni fiżiċi jista’ jintalab mingħand l-uffiċċji lokali rispettivi tal-popolazzjoni, l-ewwel nett mill-uffiċċju tal-muniċipalità tal-aħħar residenza tagħhom, li normalment iwieġbu talbiet motivati li jsiru bil-miktub mingħand il-partijiet jew l-avukati tagħhom, u jindikaw jekk hemmx tariffa (f’Ruma bħalissa hija ta’ EUR 0.26 għal kull ċertifikat), jew kwalunkwe ħaġa oħra li tkun meħtieġa (b’mod ġenerali, envelop ittrimbrat bl-indirizz tal-applikant għat-tweġiba).

Dan l-aħħar kien possibbli li l-avukati rreġistrati mal-assoċjazzjoni tal-avukatura jiksbu ċertifikati tar-reġistru tal-popolazzjoni direttament, bħala parti mill-mandat professjonali tagħhom, mill-portal tal-ANPR (Ir-Reġistru Nazzjonali Uniku tal-Popolazzjoni (Anagrafe Nazionale Unica) ġestit mill-Ministeru tal-Intern). Iċ-ċertifikati jinħarġu wara l-konferma mill-avukat tal-użu għall-finijiet relatati mat-twettiq tal-mandat tagħhom u jkunu eżentati mit-taxxa tal-boll.

Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi u kumpaniji, l-informazzjoni rilevanti hija disponibbli fir-reġistru ta’ kumpaniji li huwa pubbliku u ġestit mill-kmamar tal-kummerċ provinċjali (Camera di Commercio). Jista’ jiġi kkonsultat permezz tal-portal registroimprese.it; trid titħallas tariffa għal dan (madwar EUR 7.00). Inkella, hemm assoċjazzjonijiet professjonali u fornituri tal-web li jipprovdu l-informazzjoni mixtieqa lill-abbonati.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Talbiet sabiex jiġi ddeterminat l-indirizz ta’ persuni fiżiċi jridu jintbagħtu biss lill-UNEP f’Ruma, diġà msejħa bħala l-awtorità kompetenti, billi tintuża l-Formola B (modulo B), li trid tiddikjara l-post u d-data tat-twelid tad-destinatarju (il-punt 3.3.3).

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

In-notifika ssir:

  • Permezz tal-marixxall, f’konformità mar-regoli preċiżi tal-awtorità territorjali (l-Artikoli 106 u 107 tad-Digriet Presidenzjali Nru 1229 tal-15 ta’ Diċembru 1959). Il-marixxall huwa l-uniku aġent kompetenti skont l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament (EU) 2020/1784 għat-trażmissjoni u għar-riċevuta ta’ dokumenti għal notifika bejn l-Istati Membri.
  • Permezz ta’ avukat li jkollu l-prokura xierqa u l-awtorizzazzjoni tal-kunsill tal-assoċjazzjoni tal-avukatura li magħha jkun irreġistrat, li jkollu permess li jirċievi dokumenti għal notifika mingħand applikanti barranin skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament.
  • Fl-Italja, f’konformità mal-Liġi Nru 890 tal-20 ta’ Novembru 1982, jew permezz ta’ ittra elettronika ċċertifikata (l-Artikolu 149bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja jew il-liġi tista’ tordna li dik in-notifika ssir personalment mill-marixxall.

Fir-rigward ta’ metodi alternattivi, jekk jogħġbok kun af b’dawn li ġejjin.

Notifika diretta

In-notifika tista’ ssir ukoll fir-residenza abitwali tad-destinatarju (abituale dimora), fl-uffiċċju tiegħu, fejn iwettaq l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, fejn ikun residenti b’mod temporanju, jew fejn ikun stabbilixxa s-sede prinċipali tan-negozju u tal-interessi tiegħu (sede principale dei suoi affari ed interessi), skont it-tifsira tal-Artikolu 43 tal-Kodiċi Ċivili.

Jekk id-destinatarju ma jinstabx f’dawk il-postijiet, il-kopja, f’envelop issiġillat, tista’ titwassal lil membru tal-familja tiegħu, jew lil persuna impjegata fid-dar jew fl-uffiċċju tiegħu, li ma jkollhiex anqas minn 14-il sena, ma jkollhiex inkapaċità manifesta jew li ma tkunx parti fil-proċedimenti.

Il-kopja, dejjem fl-envelop issiġillat, tista’ titwassal ukoll lill-concierge tal-bini jew lil ġar, li jrid jiffirma għaliha; f’dak il-każ, id-destinatarju jeħtieġlu jiġi avżat bil-konsenja b’ittra reġistrata mingħajr konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk id-destinatarju abitwalment jgħix abbord bastiment tal-merkanzija, id-dokument jista’ jingħadda lill-kaptan tal-bastiment.

L-Artikolu 146 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-konsenja lil persunal militari attiv, meta ma jkunx possibbli li ssir b’mod personali, issir lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li jibgħatha lill-kmandant tal-korp li għalih ikun jappartjeni d-destinatarju.

Meta l-konsenja ma tkunx possibbli kif deskritt, minħabba li d-destinatarju jkun assenti f’dak iż-żmien u l-persuni l-oħrajn li jkunu kapaċi jaċċettaw il-konsenja tad-dokument ikunu assenti jew jirrifjutaw li jagħmlu dan, il-marixxall jista’ jipproċedi f’konformità mal-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u jiddepożita kopja tad-dokument, f’envelop issiġillat, fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità li fiha trid issir in-notifika.

Notifika permezz ta’ servizz postali

Il-ħaddiem tal-posta jeħtieġlu jipprova jwassal l-envelop b’mod personali lid-destinatarju; meta d-destinatarju jkun assenti, l-envelop jitwassal, fil-post indikat fuq l-envelop, lil membru tal-familja li jgħix miegħu, anke b’mod temporanju, jew fis-sevizz tiegħu, dment li ma jkunx ibati b’mod manifest minn mard mentali jew taħt l-14-il sena. Fin-nuqqas ta’ persuni bħal dawn, l-envelop jista’ jingħadda lill-concierge.

Il-persuna li tirċievi l-ittra reġistrata tiffirma l-konferma tar-riċevuta u r-reġistru tal-konsenji fl-ispazju pprovdut filwaqt li tiddikjara r-relazzjoni tagħha mad-destinatarju.

Notifika formali li għaliha r-residenza, ir-residenza temporanja jew iċ-ċentru tan-negozju jew tal-interessi tad-destinatarju ma jkunux magħrufin

Id-destinatarju jrid jiġi mfittex bl-użu ta’ diliġenza ordinarja u b’bona fede. Madanakollu, jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab, in-notifika titwettaq permezz tad-depożitu ta’ kopja fiċ-ċentru muniċipali tal-aħħar post ta’ residenza magħruf tiegħu, jew jekk l-ebda post ta’ residenza ma jkun magħruf, fiċ-ċentru muniċipali tal-post tat-twelid tiegħu. Jekk lanqas dan ma jkun magħruf jew ikun jinsab barra l-pajjiż, id-dokument jiġi kkonsenjat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Metodi ta’ notifika ordnati mill-qorti

Fuq talba, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, b’mod partikolari f’ċirkustanzi jew għal raġunijiet ta’ urġenza, il-qorti tista’ tordna metodi oħrajn ta’ notifika minbarra l-proċeduri kodifikati. Dawk il-metodi jistgħu jintgħażlu liberament, iżda jridu jħarsu l-privatezza tad-destinatarju u d-drittijiet tad-difiża tiegħu (l-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Eżempju komuni huwa l-awtorizzazzjoni għat-trażmissjoni ta’ envelop permezz ta’ servizz tal-kurrier sabiex tiġi ggarantita konsenja veloċi ħafna. Sistemi oħrajn illum saru obsoleti.

Notifika bi tħabbira pubblika

Mal-applikazzjoni minn waħda mill-partijiet, u wara s-smigħ tal-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-qorti tista’ tawtorizza notifika ta’ dan it-tip meta jkun hemm għadd kbir ta’ destinatarji jew meta jkun diffiċli li jiġu identifikati d-destinatarji kollha.

Kopja tad-dokument tiġi ddepożitata fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità tal-qorti tal-proċedimenti, u estratt mid-dokument jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali (Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana). Il-qorti tista’ tordna wkoll il-pubblikazzjoni ta’ estratt fl-aktar gazzetti ċċirkolati b’mod wiesa’, jew tuża forom oħrajn ta’ pubbliċizzazzjoni (l-Artikolu 150 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-marixxall jeħtieġlu jinnotifika d-dokument direttament, jekk l-indirizz ikun fil-muniċipalità li fiha jkun jinsab l-uffiċċju tal-marixxall, u bil-posta, jekk l-indirizz ikun barra minn dik il-muniċipalità (l-Artikolu 107 tad-Digriet Presidenzjali Nru 1229/1959), sakemm il-parti rikjedenti jew l-awtorità ma titlobx notifika diretta b’mod espliċitu.

Notifika diretta: din tikkonsisti fil-konsenja ta’ kopja ċċertifikata tal-oriġinali (l-Artikolu 137 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), li trid issir bejn il-ħinijiet tas-07:00 u d-21:00 matul il-ġimgħa (l-Artikolu 147 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-marixxall iwassal il-kopja lid-destinatarju huwa stess, preferibbilment f’daru sabiex tiġi protetta l-privatezza tiegħu, iżda dan jista’ jsir fi kwalunkwe post fil-limiti tal-awtorità territorjali tal-marixxall.

Meta persuna fiżika jew ġuridika tkun tat indirizz għan-notifika fil-post ta’ persuna oħra jew f’uffiċċju, il-konsenja trid issir lill-persuna awtorizzata sabiex taċċetta n-notifika, fil-post indikat fl-indirizz għan-notifika. Konsenja bħal din tiġi ttrattata bħala konsenja lir-riċevitur direttament (l-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Bħala eċċezzjoni għal dik ir-regola, ċitazzjonijiet bl-għan ta’ żgumbrament (citazioni per convalida di sfratto), titoli eżekuttivi (titoli esecutivi) u ordnijiet ta’ ħlas (precetti di pagamento) ma jistgħux jiġu nnotifikati f’indirizz magħżul għan-notifika.

L-amministrazzjonijiet Statali għandhom indirizz għan-notifika fl-Uffiċċju Legali tal-Istat (Avvocatura di Stato).

Billi l-kopja tintbagħat permezz tas-servizz postali kif previst fl-Artikolu 149 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Liġi Nru 890 tal-20 ta’ Novembru 1982: il-kopja tad-dokument titqiegħed f’envelop speċjali għall-posta reġistrata b’konferma tar-riċevuta, li huma t-tnejn ħodor u f’forma standard li tippermetti li jiġu traċċati.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Iva, in-notifika elettronika hija permessa fi proċedimenti ċivili.

Bħala proċedura ordinarja għan-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali, l-Italja pprovdiet sabiex id-dokument jintbagħat direttament lil destinatarju fil-pussess ta’ indirizz tal-posta elettronika ċċertifikata, irrispettivament mill-istatus legali jew professjonali tad-destinatarju.

Diversi partijiet huma meħtieġa jagħmlu l-indirizz tal-posta elettronika ċċertifikata (posta elettronica certificata (PEC)) tagħhom disponibbli pubblikament fir-reġistri xierqa: professjonisti legali, persuni ġuridiċi, impriżi kummerċjali u korpi pubbliċi.

Skont l-Artikolu 149a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-marixxall jew l-avukat tal-parti rikjedenti jibgħat kopja diġitali tad-dokument iffirmat b’firma diġitali lill-indirizz tal-posta elettronika ċċertifikata tad-destinatarju li jkun elenkat f’direttorji pubbliċi jew li jkun aċċessibbli b’xi mod ieħor għall-awtoritajiet pubbliċi.

In-notifika titqies li tkun seħħet fil-post li fih il-fornitur ta’ servizz jagħmel id-dokument elettroniku disponibbli fl-inbox tal-posta elettronika tad-destinatarju.

Billi l-użu ta’ mezz operazzjonali ta’ trażmissjoni huwa limitat għat-territorju nazzjonali u huwa stabbilit fil-proċedura għat-trażmissjoni diretta tad-dokument mingħand l-applikant lid-destinatarju, in-notifika b’posta elettronika ċċertifikata bħalissa ma tapplikax fir-rigward tan-notifika transfruntiera ta’ dokumenti. Fir-rigward ta’ forom possibbli oħrajn ta’ trażmissjoni elettronika tad-dokument (faks, posta elettronika), billi dawn ma humiex stabbiliti fil-leġiżlazzjoni bħala l-mezz ordinarju ta’ notifika tad-dokument, huma speċifiċi u, bħala tali, skont l-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jeħtieġu awtorizzazzjoni espliċita mill-qorti li l-effett legali tagħha, limitat għall-ordinament ġuridiku nazzjonali, huwa dubjuż fir-rigward ta’ atti b’dimensjoni transfruntiera li fid-dawl tagħhom relazzjonijiet legali b’effetti barra t-territorju nazzjonali jistgħu jiġu rregolati biss fil-kuntest u fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li huma ta’ natura regolatorja jew stabbiliti fi ftehimiet jew fi trattati.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

L-Awtorità Ċentrali għan-notifika transfruntiera (Autorità Centrale per le notifiche transfrontaliere) ma tafx dwar l-użu ta’ dak il-metodu ta’ notifika li, billi huwa dirett, jista’ jsir lill-partijiet personalment, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19.1 u mar-Regolament Nru 910/2014.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Bħalissa l-ebda.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Fir-rigward tan-notifika diretta, id-dokument jista’ jiġi nnotifikat ukoll fir-residenza abitwali tad-destinatarju, fl-uffiċċju tiegħu, fejn iwettaq l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, fejn ikun residenti b’mod temporanju, jew fejn ikun stabbilixxa s-sede prinċipali tan-negozju u tal-interessi tiegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 43 tal-Kodiċi Ċivili.

Jekk id-destinatarju ma jinstabx f’dawk il-postijiet, il-kopja, f’envelop issiġillat, tista’ titwassal lil membru tal-familja tiegħu, jew lil persuna impjegata fid-dar jew fl-uffiċċju tiegħu, li ma jkollhiex anqas minn 14-il sena u ma jkollhiex inkapaċità manifesta u li ma jkollhiex interess dirett fil-proċedimenti li magħhom ikun relatat id-dokument notifikat jew interess f’kunflitt fir-rigward tad-destinatarju.

Fin-nuqqas ta’ persuni bħal dawn, il-kopja tad-dokument tista’ tingħadda lill-concierge u, meta ma jkunx hemm concierge, lil ġar li jaċċetta l-konsenja tiegħu, fiż-żewġ każijiet f’envelop issiġillat. Il-concierge jew il-ġar jeħtieġlu jiffirma għad-dokument u d-destinatarju jeħtieġlu jiġu avżat li seħħet il-konsenja fir-rigward tiegħu b’ittra reġistrata mingħajr konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk id-destinatarju abitwalment jgħix abbord bastiment tal-merkanzija, id-dokument jista’ jingħadda lill-kaptan tal-bastiment.

L-Artikolu 146 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-konsenja lil persunal militari attiv, meta ma jkunx possibbli li ssir b’mod personali, issir lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li jibgħatha lill-kmandant tal-korp li għalih ikun jappartjeni d-destinatarju.

Jekk waħda mill-persuni li kapaċi tilqa’ d-dokument ma tinstabx jew tirrifjuta li taċċetta kopja tad-dokument, skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-marixxall jiddepożita kopja tad-dokument f’envelop issiġillat fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità li fiha trid issir in-notifika, jagħti avviż li d-dokument ġie ddepożitat mal-bieb tad-dar tad-destinatarju u jinformah b’ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta.

Notifika permezz ta’ servizz tal-posta: il-ħaddiem tal-posta jeħtieġlu jipprova jwassal l-envelop b’mod personali lid-destinatarju; meta d-destinatarju jkun assenti, jista’ jitwassal, fil-post indikat fuq l-envelop, lil membru tal-familja li jgħix mat-tali, anke b’mod temporanju, jew fis-sevizz tiegħu, dment li ma jkunx ibati b’mod manifest minn mard mentali jew taħt l-14-il sena. Fin-nuqqas ta’ persuni bħal dawn, l-envelop jista’ jingħadda lill-concierge.

Il-persuna li tirċievi l-ittra reġistrata tiffirma l-konferma tar-riċevuta u r-reġistru tal-konsenji fl-ispazju pprovdut filwaqt li tiddikjara r-relazzjoni tagħha mad-destinatarju.

Notifika formali li għaliha r-residenza, ir-residenza temporanja jew iċ-ċentru tan-negozju jew tal-interessi tad-destinatarju ma jkunux magħrufin

Id-destinatarju jrid jiġi mfittex bl-użu ta’ diliġenza ordinarja u b’bona fede. Madanakollu, jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab, in-notifika titwettaq permezz tad-depożitu ta’ kopja fiċ-ċentru muniċipali tal-aħħar post ta’ residenza magħruf tiegħu, jew jekk l-ebda post ta’ residenza ma jkun magħruf, fiċ-ċentru muniċipali tal-post tat-twelid tiegħu. Jekk lanqas dan ma jkun magħruf jew ikun jinsab barra l-pajjiż, id-dokument jiġi kkonsenjat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Metodi ta’ notifika ordnati mill-qorti

Fuq talba, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, b’mod partikolari f’ċirkustanzi jew għal raġunijiet ta’ urġenza, il-qorti tista’ tordna metodi oħrajn ta’ notifika minbarra l-proċeduri kodifikati. Dawk il-metodi jistgħu jintgħażlu liberament, iżda jridu jħarsu l-privatezza tad-destinatarju u d-drittijiet tad-difiża tiegħu (l-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Eżempju komuni huwa l-awtorizzazzjoni għat-trażmissjoni ta’ envelop permezz ta’ servizz tal-kurrier sabiex tiġi ggarantita konsenja veloċi ħafna.

Notifika bi tħabbira pubblika

B’rikors minn waħda mill-partijiet, u wara s-smigħ tal-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-qorti tista’ tawtorizza notifika ta’ dan it-tip meta jkun hemm għadd kbir ta’ destinatarji jew meta jkun diffiċli li jiġu identifikati d-destinatarji kollha.

Kopja tad-dokument tiġi ddepożitata fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità tal-qorti tal-proċedimenti, u estratt mid-dokument jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali. Il-qorti tista’ tordna wkoll il-pubblikazzjoni ta’ estratt fl-aktar gazzetti ċċirkolati b’mod wiesa’, jew tuża forom oħrajn ta’ pubbliċizzazzjoni (l-Artikolu 150 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

In-notifika permezz tal-konsenja tad-dokument lil persuni li ma jkunux id-destinatarju: meta d-dokument jingħadda lil membru tal-familja tad-destinatarju jew lil persuna impjegata f’daru jew permezz ta’ konsenja lill-concierge jew lil ġar, in-notifika ssir fid-data li fiha d-dokument ikun ingħadda lil dawn il-persuni, anke jekk id-destinatarju jsir jaf b’dan aktar tard.

In-notifika tad-dokument fiċ-ċentru muniċipali skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: fil-każ ta’ notifika mwettqa bid-depożitu tad-dokument fiċ-ċentru muniċipali, skont it-tifsira tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, billi l-formalitajiet neċessarji għal notifika valida huma diversi u mhux bilfors jitwettqu fl-istess ġurnata, il-qrati ħadu l-inkarigu li jagħtu interpretazzjoni definittiva tad-dispożizzjoni. Il-ġurisprudenza rilevanti stabbiliet li d-data li fiha sseħħ in-notifika, fir-rigward tar-rikorrent, hija dik tal-aħħar formalità, jiġifieri t-trażmissjoni tal-ittra reġistrata li fiha l-avviż ta’ depożitu fiċ-ċentru muniċipali, filwaqt li fir-rigward tad-destinatarju hija d-data ta’ skadenza tal-10 ijiem li fihom tinżamm fl-uffiċċju tal-posta, jew id-data li fiha jinġabar l-envelop, jekk tiġi qabel.

Notifika bil-posta: id-data hija d-data tal-konsenja tad-dokument indikata fil-konferma tar-riċevuta; jekk id-dokument ma jinġabarx, id-data tan-notifika tkun id-data ta’ skadenza tal-10 ijiem li fihom tinżamm fl-uffiċċju tal-posta. Jekk din tal-aħħar ma tkunx ċerta, in-notifika titqies li seħħet fid-data murija mit-timbru stampat mill-uffiċċju tal-posta għall-konferma tar-riċevuta, għar-ritorn lill-mittent.

Envelop mhux miġbur ikun disponibbli għad-destinatarju għal 6 xhur, sabiex xorta waħda jkun jista’ jsir jaf x’inhu l-kontenut tiegħu.

Notifika formali li għaliha r-residenza, ir-residenza temporanja jew iċ-ċentru tan-negozju jew tal-interessi tad-destinatarju ma jkunux magħrufin: id-dokument jitqies li ġie nnotifikat 20 jum wara d-depożitu fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew 20 jum wara l-konsenja lil dan.

Metodi ta’ notifika ordnati mill-qorti

Id-data li fiha ssir in-notifika tiddependi mill-metodu użat għat-twettiq tagħha.

Notifika bi tħabbira pubblika

In-notifika titqies li seħħet meta, wara li jsegwi l-proċeduri stabbiliti bil-liġi, il-marixxall jippreżenta lir-reġistru tal-qorti li quddiemha jkunu tressqu l-proċedimenti kopja tar-riferta [tan-notifika] u tad-dokumenti li juru li ttieħdet azzjoni mill-parti fuq talba tal-qorti (pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali, eċċ.).

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fl-assenza tad-destinatarju jew ta’ persuni li kapaċi jirċievu l-konsenja tad-dokument fl-assenza tad-destinatarju, il-marixxall jippreżenta kopja tad-dokument fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità li fiha jrid jiġi nnotifikat. Il-marixxall iħalli avviż ta’ depożitu f’envelop issiġillat mal-bieb tad-dar tad-destinatarju u jinformah ukoll permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta. L-ittra reġistrata titwassal lid-destinatarju jew lil persuni oħrajn li kapaċi jirċievu l-konsenja tal-envelop mingħand il-ħaddiem tal-posta li, fl-assenza tagħhom, jiddepożitaha fl-uffiċċju tal-posta responsabbli għaż-żona, filwaqt li jħalli avviż fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju sabiex jiġborha fi żmien l-10 ijiem ta’ wara.

F’każijiet li fihom in-notifika ssir permezz tas-servizz postali, fl-assenza tad-destinatarju, il-ħaddiem tal-posta jista’ jwassal l-envelop li fih id-dokument li għandu jiġi nnotifikat lil waħda mill-persuni intitolati li taċċetta l-konsenja tiegħu, u mbagħad jibgħat lid-destinatarju avviż tal-konsenja (comunicazione di avvenuta consegna, CAN) b’ittra reġistrata.

Meta l-ħaddiem tal-posta ma jkunx jista’ jsib lid-destinatarju jew lil persuna awtorizzata oħra fl-indirizz magħruf, jibgħat b’ittra reġistrata lid-destinatarju avviż tad-depożitu (comunicazione dell’avvenuto deposito, CAD) tal-kopja tad-dokument fl-uffiċċju tal-posta responsabbli għaż-żona. L-avviżi CAD u CAN huma supplimentari għan-notifika u l-ħaddiem tal-posta jdaħħal nota li ntbagħtu mal-konferma tar-riċevuta oriġinali tal-envelop li fih id-dokument li għandu jiġi nnotifikat. L-avviżi huma magħmulin b’tali mod sabiex jiżguraw li d-destinatarju jkun fil-fatt jaf bid-dokument, u ma jaffettwawx id-data tan-notifika, li tibqa’ d-data ta’ skadenza tal-perjodu ta’ żamma ta’ 10 ijiem fl-uffiċċju tal-posta, jew id-data tal-ġbir, jekk din tiġi qabel.

Sabiex il-ħaddiem tal-posta jkun jista’ jwettaq il-passi għan-notifika bil-posta, id-destinatarju jeħtieġlu jkollu kaxxa xierqa għar-riċevuta ta’ korrispondenzi, li tindika l-isem.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Skont l-Artikolu 138 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-marixxall dejjem jista’ jwettaq in-notifika billi jgħaddi l-kopja lid-destinatarju personalment f’daru jew, jekk dan ma jkunx possibbli, kull fejn ikun fid-distrett tal-uffiċċju ġudizzjarju li għalih ikun assenjat il-marixxall. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta l-konsenja tal-kopja, il-marixxall jirreġistra dak il-fatt fir-riferta, u n-notifika titqies li seħħet permezz ta’ notifika personali.

Fil-każ ta’ konsenja ta’ kopja tad-dokument lil persuna għajr id-destinatarju li kapaċi taċċetta l-konsenja fl-assenza tiegħu, kif ukoll fil-każ ta’ notifika mwettqa bid-depożitu tad-dokument fiċ-ċentru muniċipali jew ta’ notifika mwettqa permezz tas-servizz postali, in-notifika fi kwalunkwe każ titqies li tkun saret meta jkunu twettqu l-formalitajiet stabbiliti bil-liġi irrispettivament mir-rifjut sussegwenti ta’ aċċettazzjoni tad-dokument mid-destinatarju.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Il-ħaddiem tal-posta jikkonsenja l-ittra reġistrata lid-destinatarju fl-indirizz indikat, jew lil persuna xierqa oħra, kif previst mir-regoli dwar il-konsenja tal-ittri reġistrati: il-membri tal-unità domestika, il-koabitanti, il-kollegi tax-xogħol, il-concierge.

L-ittri reġistrati indirizzati lil organizzazzjonijiet, lil persuni ġuridiċi u lil assoċjazzjonijiet jitwasslu lir-rappreżentant legali jew lill-membru tal-persunal responsabbli. L-ittri reġistrati indirizzati lil organizzazzjonijiet, lil persuni ġuridiċi u lil assoċjazzjonijiet jitwasslu lir-rappreżentant legali jew lill-membru tal-persunal responsabbli.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Jekk il-ħaddiem tal-posta ma jsib lil ħadd, jiddepożita d-dokument fl-uffiċċju tal-posta responsabbli għaż-żona.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Fl-assenza tad-destinatarju, il-ħaddiem tal-posta jħalli stedina fil-kaxxa tal-ittri tiegħu għall-ġbir tad-dokument.

In-notifika minn barra l-pajjiż hija possibbli permezz tal-posta reġistrata internazzjonali li, għall-kuntrarju tan-notifika bil-posta fl-Italja, m’għandhiex il-karatteristiċi li jippermettu lill-aġent postali jew lid-destinatarju jidentifika l-kontenut tagħha bħala n-notifika ta’ dokument minn barra l-pajjiż skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2020/1784, l-ewwel nett mit-tip ta’ envelop użat, li huwa aħdar għan-notifika bil-posta fil-livell nazzjonali u, b’hekk, jagħmilha possibbli li jiġi identifikat il-kontenut. Għalhekk, l-envelop jiġi ttrattat bħal kwalunkwe ittra reġistrata oħra li fiha korrispondenza personali jew kummerċjali.

Il-konferma internazzjonali tar-riċevuta ma fihiex ċerti karatteristiċi li huma preżenti fl-avviżi tar-riċevuta pprovduti skont id-dritt nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-konsenja xierqa u d-drittijiet tad-difiża, u li jipprovdu informazzjoni utli dwar l-istatus tal-persuna li tiġbor l-envelop, minbarra l-isem u d-data ta’ kwalunkwe depożitu fl-uffiċċju tal-posta, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-perjodu ta’ żamma korrett. Il-perjodu ta’ żamma huwa ta’ 30 jum għal ittra reġistrata internazzjonali, iżda 10 ijiem biss skont id-dritt nazzjonali, għalhekk l-envelop jibqa’ għad-dispożizzjoni tad-destinatarju għal 6 xhur, u b’hekk jiggarantixxi perjodu itwal għall-għarfien attwali dwar id-dokument.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Il-persuna li twettaq in-notifika timmarka fuq il-kopja nnotifikata u fuq l-oriġinali d-data, il-mod u l-post tal-konsenja għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-proċedura xierqa għan-notifika. Jeħtiġilha tindika wkoll kwalunkwe tfittxija mwettqa, inkluż fir-rekords personali (l-Artikolu 148 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ir-riferta tan-notifika mis-servizz postali trid tindika d-data u l-uffiċċju tal-posta li jibgħat id-dokument. Il-konferma tar-riċevuta trid tiġi rritornata lill-mittent bħala prova dokumentarja li d-dokument ġie nnotifikat.

Meta l-ħaddiem tal-posta jindika fil-konferma tar-riċevuta li d-destinatarju ma jkunx magħruf jew telaq mill-indirizz mogħti fuq l-envelop, in-notifika ma titwettaqx.

Ir-riferta tal-Marixxall hija dokument uffiċjali, u sakemm ma jintweriex li tkun falza, hija prova ta’ x’seħħ fil-preżenza tal-Marixxall u tad-dikjarazzjonijiet li sarulu; hija evidenza prima facie ta’ ċirkustanzi oħrajn mhux aċċertati mill-Marixxall personalment (pereżempju, il-fatt li l-persuna li aċċettat il-konsenja tad-dokument kienet membru tal-familja jew persuna impjegata fid-dar tad-destinatarju).

Fir-rigward tan-notifiki transfruntiera, l-eżitu tal-operazzjonijiet ta’ notifika jiġu rreġistrati fil-forom fir-rigward tan-notifika jew tan-nuqqas ta’ notifika li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/1784.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

In-notifika tkun invalida meta r-rekwiżiti formali stabbiliti sabiex jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ għarfien legali ma ġiex irrispettat, jew meta jkun hemm inċertezza fundamentali dwar il-persuna li lilha saret u f’liema data.

Konsenja invalida tista’ tiġi rrimedjata jekk in-notifika xorta waħda tkun laħqet l-iskop tagħha, pereżempju jekk id-destinatarju jidher il-qorti.

Inċertezza dwar id-data tan-notifika trid tkun fundamentali u ma tistax tiġi rrimedjata jekk skadenza obbligatorja tiddependi fuqha. Meta fuq l-oriġinali u fuq il-kopja jkun hemm data differenti, id-data indikata fuq il-kopja tad-destinatarju tieħu preċedenza, sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju.

Skont il-ġurisprudenza ma tkun saret l-ebda notifika, u għalhekk xejn li jista’ jiġi rrimedjat, meta d-dokument ma jkunx ġie nnotifikat affattu, jew meta jkun ġie nnotifikat f’post jew lil persuna mhux konnessa mad-destinatarju b’xi mod.

Raġuni oħra għall-invalidità li ma tistax tiġi rrimedjata hija diskrepanza bejn l-oriġinali u l-kopja b’tali mod li tipprevjeni lid-destinatarju milli jiddefendi lilu nnifsu.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Meta d-destinatarju tan-notifika jirrifjuta li jaċċetta d-dokument minħabba l-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-notifika) u l-qorti tqis li t-tali rifjut ma jkunx ġustifikat, ir-rimedji ġeneralment previsti fil-liġi proċedurali (Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jistgħu jintużaw sabiex jikkontestaw il-miżuri adottati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt li wieħed jinstema’.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Fil-kawżi ċivili, il-parti li titlob in-notifika jeħtiġilha tkopri l-ispejjeż, li jikkonsistu fit-tariffi pagabbli lit-Teżor (erario), l-ispejjeż tal-konsenja u l-provvedimenti għall-ispejjeż dovuti lill-marixxall għal dokumenti maniġġati barra l-post tal-uffiċċju tal-marixxall.

Il-kwistjoni hija rregolata bid-Digriet Presidenzjali Nru 115 tat-30 ta’ Mejju 2002 (Il-Liġi Konsolidata dwar l-ispejjeż tal-qorti (Testo Unico delle spese di giustizia)).

F’xi tipi ta’ proċedimenti, inklużi materji relatati mal-impjiegi u mas-sigurtà soċjali, kawżi ta’ separazzjoni u ta’ divorzju, u f’kawżi li fihom persuna b’mezzi insuffiċjenti tkun ingħatat għajnuna legali mill-Istat, il-Parti tkun eżentata milli tħallas għall-ispejjeż tan-notifika, li jiġu ddebitati lit-Teżor.

Notifika li tkun meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2020/1784 tkun eżentata minn kull spiża.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna