Skip to main content

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Flag of Estonia
L-Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

In-notifika ta’ att proċedurali tfisser in-notifika ta’ att lir-riċevitur tiegħu b’mod li jippermetti lir-riċevitur jeżamina l-att fil-ħin biex jeżerċita u jipproteġi d-drittijiet tiegħu. Il-Kapitolu 34 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) jipprevedi diversi manjieri ta’ notifika, inkluż elettronikament, b’ittra rreġistrata, permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju, notifika lil rappreżentant tar-riċevitur, notifika ta’ att proċedurali permezz ta’ trażmissjoni, u b’dikjarazzjoni pubblika permezz tal-ippubblikar tagħha fil-publikazzjoni Ametlikud Teadaanded (Dikjarazzjonijiet Uffiċjali). Sabiex att proċedurali jitqies bħala notifikat, l-att tal-konsenja tal-att irid jilħaq ir-rekwiżiti legali formali, u jkun dokumentat fil-format imħejji għal dan il-għan.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Skont l-Artikolu 306(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti għandha tinnotifika l-atti li ġejjin lill-partijiet fi proċedimenti: il-motiv, id-dikjarazzjoni tal-appell u annessi għal kwalunkwe minn dawn, taħrik, deċiżjonijiet ġudizzjarji, deċiżjonijiet dwar it-tmiem ta’ proċedimenti, u kull att proċedurali ieħor speċifikat mil-liġi.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-qorti tista’ tinnotifika atti proċedurali elettronikament permezz tas-sistema tal-informazzjoni deżinjata. Il-Qorti tirranġa għan-notifika ta’ atti proċedurali permezz ta’ fornitur professjonali ta’ servizzi postali, uffiċjal ġudizzjarju, gwardjan tas-sigurtà ġudizzjarju jew, f’konformità mar-regoli interni tal-qorti, xi uffiċjal kompetenti ieħor tal-qorti. Tista’ wkoll tinnotifika l-atti b’mod ieħor speċifikat mil-liġi. Parti fi proċedimenti li tkun ressqet att li jkollu bżonn jiġi nnotifikat jew li teħtieġ att proċedurali ieħor li għandu jiġi nnotifikat tista’ titlob lill-qorti sabiex tirranġa għan-notifika tal-att b’mod indipendenti. Parti fi proċedimenti tista’ tinnotifika l-atti proċedurali biss permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Fit-tali każ, in-notifika u d-dokumentazzjoni tan-notifika jsiru taħt l-istess kundizzjonijiet bħan-notifika mill-qorti permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Il-qorti tivvaluta jekk l-att proċedurali jistax jitqies bħala wieħed li jkun ġie nnotifikat.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

L-Estonja għażlet il-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament, jiġifieri li tipprovdi informazzjoni dettaljata permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika dwar kif jinstabu l-indirizzi tal-persuni li għandhom jiġu nnotifikati.

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-istituzzjoni li tirċievi t-talba – jiġifieri l-Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium) jew il-qorti – tivverifika wkoll, minbarra d-data eżistenti, l-indirizz tal-persuna fir-Reġistru tal-Popolazzjoni (Rahvastikuregister) jew fir-Reġistru Kummerċjali (Äriregister).

Il-qrati jipproċessaw talbiet internazzjonali għan-notifika tal-atti fuq petizzjoni, jiġifieri l-qrati għandhom l-obbligu li jagħmlu kull sforz sabiex jistabbilixxu l-indirizz tal-persuna kkonċernata.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-indirizzi ta’ persuni ġuridiċi, fergħat ta’ kumpaniji barranin u sjieda uniċi huma disponibbli fir-Reġistru Kummerċjali. Din l-informazzjoni hija disponibbli b’xejn. Sabiex jiġi stabbilit l-indirizz ta’ persuna privata, tista’ ssir domanda uffiċjali sabiex tinkiseb data mdaħħla fir-Reġistru tal-Popolazzjoni. It-talba għandha tissostanzja l-interess leġittimu sabiex il-kontrollur tad-data jiddeċiedi jekk il-ħruġ tal-informazzjoni rilevanti huwiex ġustifikat. Jekk hemm interess leġittimu, l-eżami tal-applikazzjoni għall-ħrug tad-data mir-Reġistru tal-Popolazzjoni jirrikjedi tariffa tal-istat ta’ €15 għal kull sett ta’ data personali.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-Estonja għażlet il-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament, jiġifieri li tipprovdi informazzjoni dettaljata permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika dwar kif jinstabu l-indirizzi tal-persuni li għandhom jiġu nnotifikati.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

Id-deċiżjoni dwar kif att jiġi nnotifikat ġeneralment issir mill-korp li jmexxi l-proċedimenti. Madankollu, il-qrati għandhom primarjament jinnotifikaw l-atti b’mod elettroniku permezz tas-sistema pubblika ta’ informazzjoni tal-e-File, fejn parti fi proċedimenti jkollha aċċess għall-atti proċedurali kollha tal-każ tiegħu jew tagħha, jew permezz tal-posta elettronika. L-użu ta’ kanali elettroniċi jgħin lill-qorti biex tnaqqas l-ispejjeż postali u l-użu tan-notifika elettronika qed jiżdied b’mod kostanti. Wara li tqis in-notifika elettronika, il-qorti tqis alternattivi oħra, bħal notifika permezz tal-posta, notifika minn messaġġier tal-qorti u diversi għażliet oħra stabbiliti mil-liġi.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika hija permessa fil-proċedimenti kollha u lid-destinatarji kollha.

Skont l-Artikolu 3111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-atti proċedurali huma nnotifikati b’mod elettroniku permezz tas-sistema ta’ informazzjoni deżinjata, billi jintbagħat avviż lill-partijiet fil-proċedimenti sabiex tinfurmahom li l-att huwa disponibbli fis-sistema. Il-qorti tirrendi l-atti proċedurali kollha, inkluż id-deċiżjonijiet tal-qorti, disponibbli minnufih lill-partijiet fil-proċedimenti permezz tas-sistema ta’ informazzjoni, irrispettivament minn kif l-atti ġew innotifikati lill-partijiet matul il-proċedimenti. Wieħed jista’ jidħol fis-sistema ta’ informazzjoni biss bl-użu tal-karta tal-identità għall-awtentikazzjoni. Att proċedurali huwa meqjus li jkun ġie nnotifikat meta r-riċevitur jiftħu fis-sistema ta’ informazzjoni jew jikkonferma riċevuta fis-sistema ta’ informazzjoni mingħajr ma jiftaħ l-att. L-istess japplika jekk dan isir minn persuna oħra li r-riċevitur ikun taha aċċess sabiex tara l-atti fis-sistema ta’ informazzjoni. Is-sistema ta’ informazzjoni tirreġistra n-notifika tal-atti b’mod awtomatiku.

Jekk riċevitur ma jistax jiġi mistenni li juża s-sistema ta’ informazzjoni użata sabiex jinnotifika l-atti proċedurali, jew jekk in-notifika ta’ atti permezz tas-sistema ta’ informazzjoni hija teknikament impossibbli, il-qorti tista’ wkoll tinnotifika l-atti proċedurali elettronikament b’mod ieħor. F’dan il-każ, l-att jitqies li jkun ġie nnotifikat meta r-riċevitur jikkonferma r-riċevuta tal-att proċedurali bil-miktub, bil-faks jew elettronikament. Din il-konferma trid tipprovdi d-data tar-riċevuta tal-att u tkun iffirmata mir-riċevitur jew mir-rappreżentant tiegħu. Il-konferma f’forma elettronika jrid ikollha fuqha l-firma diġitali tal-mittent jew tintbagħat b’mod sigur ieħor li jippermetti li jiġi identifikat il-mittent u li jiġi stabbilit il-ħin li fih intbagħat l-att, ħlief jekk il-qorti ma jkollha ebda raġuni għaliex tiddubita li l-konferma mingħajr firma diġitali tkun intbagħtet mir-riċevitur jew mir-rappreżentant tiegħu. Il-konferma f’forma elettronika tista’ tintbagħat lill-qorti bil-posta elettronika jekk l-indirizz tal-posta elettronika tar-riċevitur ikun magħruf mill-qorti u jkun jista’ jiġi preżunt li persuni mhux awtorizzati ma jkollhomx aċċess għalih u wkoll jekk il-qorti tkun diġà bagħtet atti fuq dan l-indirizz tal-posta elettronika matul l-istess kawża jew jekk il-parti fil-proċedimenti tkun ipprovdiet l-indirizz tal-posta elettronika tagħha lill-qorti b’mod indipendenti. Il-konferma trid tintbagħat lill-qorti mingħajr dewmien. Qorti tista’ timmulta lil parti fil-proċedimenti jew lir-rappreżentant tagħha għall-ksur ta’ dan l-obbligu.

L-atti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati biss lil avukati, nutara, uffiċjali ġudizzjarji, trustees f’falliment u aġenziji tal-gvern statali jew lokali b’mod ieħor li mhuwiex metodu elettroniku permezz tas-sistema ta’ informazzjoni deżinjata biss jekk ikun hemm raġuni valida għal dan.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika tal-Atti, il-qorti tista’ tinnotifika l-atti pro1edurali elettronikament lil riċevitur permezz tal-posta elettronika.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Skont il-liġi tal-Estonja, att proċedurali jitqies li ġie nnotifikat lir-riċevitur bil-posta elettronika jekk ir-riċevitur jikkonferma r-riċevuta tiegħu. Din il-konferma trid tipprovdi d-data tar-riċevuta tal-atti u tkun iffirmata mir-riċevitur jew mir-rappreżentant tiegħu. Il-konferma f’forma elettronika jrid ikollha fuqha l-firma diġitali tal-mittent jew tintbagħat b’mod sigur ieħor li jippermetti li jiġi identifikat il-mittent u li jiġi stabbilit il-ħin li fih intbagħat l-att, ħlief jekk il-qorti ma jkollha ebda raġuni għaliex tiddubita li l-konferma mingħajr firma diġitali tkun intbagħtet mir-riċevitur jew mir-rappreżentant tiegħu. Il-konferma f’forma elettronika tista’ tintbagħat lill-qorti bil-posta elettronika jekk l-indirizz tal-posta elettronika tar-riċevitur ikun magħruf mill-qorti u jkun jista’ jiġi preżunt li persuni mhux awtorizzati ma jkollhomx aċċess għalih u wkoll jekk il-qorti tkun diġà bagħtet atti fuq dan l-indirizz tal-posta elettronika matul l-istess kawża jew jekk il-parti fil-proċedimenti tkun ipprovdiet l-indirizz tal-posta elettronika tagħha lill-qorti b’mod indipendenti. Ir-riċevitur għandu jibgħat konferma lill-qorti mingħajr dewmien. Qorti tista’ timmulta lil parti fil-proċedimenti jew lir-rappreżentant tagħha għall-ksur ta’ dan l-obbligu.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Skont l-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ir-riċevitur ta’ att proċedurali ma jkunx jista tal-gvern jinsab f’daru jew darha, l-att jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ikun ġie kkonsenjat lil persuna li jkollha mill-inqas 14-il sena li tgħix mar-riċevitur jew li sservi lill-familja tar-riċevitur. Is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu jistipula li, minflok ma att proċedurali jiġi nnotifikat lir-riċevitur, dan jista’ jiġi nnotifikat lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartament fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab in-negozju tar-riċevitur, lill-amministratur ta’ proprjetà konġunta jew lil sid id-dar tar-riċevitur. Bl-istess mod, dan jista’ jiġi nnotifikat lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li r-riċevitur jipprovdilha servizzi abbażi ta’ kuntratt. Skont is-subartikolu 3, att proċedurali jitqies li jkun ġie nnotifikat lir-riċevitur anki jekk dan ikun ġie nnotifikat lir-rappreżentant tar-riċevitur b’wieħed mill-modi speċifikati fis-subartikoli 1 u 2 tal-istess Artikolu. Skont l-Artikolu 322(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att jitqies ukoll li jkun ġie nnotifikat lil persuna li sservi fil-forzi tad-difiża, li tkun qed tiskonta piena l-ħabs jew li tkun qed toqgħod f’istituzzjoni tal-kura tas-saħħa jew post simili għal perjodu ta’ żmien imtawwal, jekk l-att jiġi kkonsenjat lill-kap tal-istituzzjoni jew lil xi ħadd maħtur minnu, sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mil-liġi.

L-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li, jekk att ikun qed jiġi nnotifikat lil persuna fiżika li twettaq attività ekonomika jew professjonali, iżda din il-persuna ma tkunx preżenti fil-post tan-negozju fil-ħinijiet tax-xogħol regolari jew ma tkunx tista’ tirċievi l-att, f’dan il-każ l-att ikun jista’ jiġi kkonsenjat lil impjegat li ġeneralment ikun fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew lil persuna li ġeneralment tipprovdi servizzi lir-riċevitur fuq bażi kuntrattwali simili. L-istess japplika wkoll, skont is-subartikolu 2, għal notifika ta’ atti lil persuni ġuridiċi, aġenziji amministrattivi, nutara u uffiċjali ġudizzjarji, kif ukoll fil-każ ta’ notifika ta’ att lir-rappreżentant tar-riċevitur jew lil kwalunkwe persuna oħra li tista’ tiġi nnotifikata bl-att minflok ir-riċevitur.

Fil-każijiet speċifikati fl-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att ma jitqiesx li ġie nnotifikat jekk, minflok lir-riċevitur, l-att jiġi nnotifikat lil persuna li tipparteċipa fil-proċedimenti ġudizzjarji bħala l-parti opposta tar-riċevitur.

Skont l-Artikolu 326(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att proċedurali li ma jistax jiġi nnotifikat għax ma jistax jiġi kkonsenjat fid-dar jew fil-post tan-negozju tar-riċevitur jew tar-rappreżentant tiegħu jista’ jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat jekk jitħalla fil-kaxxa postali li tappartjeni lid-dar jew lill-post tan-negozju, jew f’post simili li r-riċevitur jew ir-rappreżentant tiegħu juża biex jirċievi l-ittri u li jipproteġi l-att kontra l-elementi f’ċirkustanzi normali. Att proċedurali jista’ jiġi nnotifikat b’dan il-mod lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartamenti fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab il-post tan-negozju tar-riċevitur, lill-amministratur ta’ proprjetà li tappartjeni għal iktar minn persuna waħda jew lil sid id-dar tar-riċevitur, kif ukoll lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta’ kuntratt biss jekk ikun impossibbli li l-att jiġi nnotifikat lir-riċevitur jew lir-rappreżentant tiegħu personalment. Il-fatt li l-att jiġi nnotifikat bil-mod deskritt fis-subartikolu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa, skont is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu, permess biss jekk ikunu saru sforzi sabiex jiġi kkonsenjat l-att proċedurali lir-riċevitur personalment f’għall-inqas okkażjoni waħda, u jekk ikun impossibbli wkoll li l-att proċedurali jiġi nnotifikat lil persuna oħra li tkun preżenti fid-dar jew fil-post tan-negozju f’konformità mal-Artikolu 322(1) jew l-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti wkoll li l-att proċedurali jiġi nnotifikat billi jitħalla f’post speċifiku. Skont l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dwar il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi, att jista’ wkoll jiġi ddepożitat fl-uffiċċju postali, mal-gvern muniċipali jew mal-gvern tal-belt fil-post għan-notifika tal-att, jew fl-uffiċċju tal-qorti tal-kontea fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali fejn jinsab il-post għan-notifika tal-att.

Skont l-Artikolu 317(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, parti fi proċedimenti tista’ tkun innotifikata b’att proċedurali b’dikjarazzjoni pubblika jekk:

  1. l-indirizz tal-parti fil-proċedimenti ma huwiex imdaħħal fir-reġistru jew il-persuna ma tgħixx fl-indirizz imdaħħal fir-reġistru u l-qorti ma għandha ebda mod ieħor kif tkun taf l-indirizz tal-persuna jew fejn din qiegħda toqgħod, u l-att ma jistax jiġi kkonsenjat lil rappreżentant tal-persuna jew lil persuna awtorizzata sabiex tirċievi l-att jew b’kwalunkwe mod ieħor previst f’dan l-Artikolu;
  2. in-notifika tal-att fi stat barrani f’konformità mar-rekwiżiti hija meqjusa bħala impossibbli;
  3. l-att ma jistax jiġi nnotifikat minħabba li l-post tan-notifika huwa d-dar ta’ persuna ekstraterritorjali.

Att proċedurali jista’ jiġi nnotifikat b’avviż pubbliku lil parti fi proċediment li hija persuna ġuridika abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti jekk notifika elettronika u notifika permezz ta’ ittra rreġistrata fl-indirizz postali mdaħħal fir-reġistru għall-persuni ġuridiċi ma jkunu taw l-ebda riżultat. Jekk persuna ġuridika tkun ippreżentat lir-reġistratur l-indirizz Estonjan tal-persuna prevista fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Kummerċjali, għandu jsir tentattiv ukoll sabiex l-att jiġi kkonsenjat f’dan l-indirizz qabel in-notifika pubblika tal-att proċedurali.

Skont l-Artikolu 317(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, estratt minn att suġġett għal notifika pubblika jiġi ppubblikat fil-pubblikazzjoni Ametlikud Teadaanded. Il-qorti li tisma’ l-kawża tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ pubblikazzjoni tal-estratt f’pubblikazzjonijiet oħra wkoll.

Qorti tista’ tirrifjuta li tinnotifika att proċedurali permezz ta’ avviż pubbliku jekk l-intenzjoni preżunta tkun li d-deċiżjoni li għandha tittieħed fi proċedimenti tiġi rikonoxxuta jew infurzata fi Stat barrani u tali notifika pubblika tagħmilha probabbli li d-deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta jew eżegwita.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Jekk att jiġi nnotifikat skont l-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat ladarba jkun ġie kkonsenjat lill-persuna li lilha l-att għandu jiġi kkonsenjat f’konformità ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet.

Jekk att jiġi nnotifikat billi jiġi impostat f’kaxxa tal-ittri skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat ladarba jkun ġie impostat fil-kaxxa tal-ittri.

Jekk att jiġi nnotifikat billi jiġi ddepożitat, skont l-Artikolu 327(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat ladarba jkunu għaddew 3 ijiem minn meta jkun tħalla jew intbagħat l-avviż bil-miktub speċifikat fis-subartikolu 2 tal-istess Artikolu. Id-data tan-notifika titniżżel fuq l-envelop tal-att.

Fil-każ ta’ notifika pubblika, att proċedurali jkun meqjus li jkun ġie nnotifikat ladarba jkunu għaddew 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-estratt fl-Ametlikud Teadaanded (Artikolu 317(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti li tisma’ l-kawża tista tistabbilixxi terminu itwal sabiex att ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat. F’dan il-każ, it-terminu jiġi ppubblikat flimkien man-notifika pubblika tal-att.

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Jekk att proċedurali jiġi nnotifikat billi jiġi ddepożitat, skont l-Artikolu 327(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandu jitħalla jew jintbagħat avviż bil-miktub dwar dan fl-indirizz tar-riċevitur. Jekk dan ikun impossibbli, l-avviż jitħalla mal-bieb tad-dar, tal-post tan-negozju jew fejn ikun qed joqgħod ir-riċevitur jew jinħareġ lil persuna li toqgħod fil-viċinat tiegħu sabiex tagħtih lir-riċevitur. L-avviż irid jipprovdi ċarament li l-att li ġie ddepożitat intbagħat mill-qorti u li l-att huwa meqjus li jkun ġie nnotifikat minn meta dan ikun ġie ddepożitat, u t-termini fil-proċedimenti jistgħu jibdew jiskattaw mill-bidu ta’ dak iż-żmien.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Skont l-Artikolu 325 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk persuna tirrifjuta li taċċetta att mingħajr raġuni valida, l-att huwa meqjus li jkun ġie nnotifikat lill-persuna minn meta din tirrifjuta li taċċetta l-att. F’dan il-każ, l-att jitħalla fid-dar jew fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew jiġi impostat fil-kaxxa tal-ittri. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe post jew kaxxa tal-ittri, l-att jiġi rritornat lill-qorti.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Skont l-Artikolu 3161(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jkopri l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u abbażi ta’ dan ir-Regolament, l-atti huma nnotifikati fl-Estonja f’konformità mal-proċedura stabbilita għan-notifikar ta’ atti proċedurali fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-atti ma jistgħux jiġu nnotifikati permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika.

Skont l-Artikolu 313(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att proċedurali li jiġi nnotifikat jista’ jingħata lil persuna li ma hijiex ir-riċevitur biss fil-każijiet previsti fil-Parti VI tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Din il-persuna trid tagħti l-att lir-riċevitur mal-ewwel ċans li jkollha. Hija tista’ tirrifjuta li taċċetta l-att għall-konsenja lir-riċevitur biss jekk hija tipprova li ma tistax tikkonsenja l-att lir-riċevitur. L-obbligu li tikkonsenja l-att irid jiġi spjegat lill-persuna. L-att huwa meqjus li jkun ġie nnotifikat irrispettivament minn jekk din l-ispjegazzjoni tkunx ingħatat jew le.

B’hekk, skont ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa possibbli wkoll li jiġu applikati l-modi ta’ notifika deskritti fil-punt 7 iktar ’il fuq u previsti fl-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

Skont l-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ir-riċevitur ta’ att proċedurali ma jkunx jista tal-gvern jinsab f’daru jew darha, l-att jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ikun ġie kkonsenjat lil persuna li jkollha mill-inqas 14-il sena li tgħix mar-riċevitur jew li sservi lill-familja tar-riċevitur. Is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu jistipula li, minflok ma att proċedurali jiġi nnotifikat lir-riċevitur, dan jista’ jiġi nnotifikat lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartament fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab in-negozju tar-riċevitur, lill-amministratur ta’ proprjetà konġunta jew lil sid id-dar tar-riċevitur. Bl-istess mod, dan jista’ jiġi nnotifikat lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li r-riċevitur jipprovdilha servizzi abbażi ta’ kuntratt. Skont is-subartikolu 3, att proċedurali jitqies li jkun ġie nnotifikat lir-riċevitur anki jekk dan ikun ġie nnotifikat lir-rappreżentant tar-riċevitur b’wieħed mill-modi speċifikati fis-subartikoli 1 u 2 tal-istess Artikolu. Skont l-Artikolu 322(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att jitqies ukoll li jkun ġie nnotifikat lil persuna li sservi fil-forzi tad-difiża, li tkun qed tiskonta piena l-ħabs jew li tkun qed toqgħod f’istituzzjoni tal-kura tas-saħħa jew post simili għal perjodu ta’ żmien imtawwal, jekk l-att jiġi kkonsenjat lill-kap tal-istituzzjoni jew lil xi ħadd maħtur minnu, sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mil-liġi.

L-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li, jekk att ikun qed jiġi nnotifikat lil persuna fiżika li twettaq attività ekonomika jew professjonali, iżda din il-persuna ma tkunx preżenti fil-post tan-negozju fil-ħinijiet tax-xogħol regolari jew ma tkunx tista’ tirċievi l-att, f’dan il-każ l-att ikun jista’ jiġi kkonsenjat lil impjegat li ġeneralment ikun fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew lil persuna li ġeneralment tipprovdi servizzi lir-riċevitur fuq bażi kuntrattwali simili. L-istess japplika wkoll, skont is-subartikolu 2, għal notifika ta’ atti lil persuni ġuridiċi, aġenziji amministrattivi, nutara u uffiċjali ġudizzjarji, kif ukoll fil-każ ta’ notifika ta’ att lir-rappreżentant tar-riċevitur jew lil kwalunkwe persuna oħra li tista’ tiġi nnotifikata bl-att minflok ir-riċevitur.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

F’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 3161(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ma tista’ tintuża ebda dikjarazzjoni pubblika meta jiġi nnotifikat att proċedurali skont ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Huwa possibbli li att proċedurali jiġi nnotifikat billi jiġi impostat f’kaxxa tal-ittri, skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew, f’konformità mal-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, billi jiġi ddepożitat l-att proċedurali.

Skont l-Artikolu 326(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att proċedurali li ma jistax jiġi nnotifikat għax ma jistax jiġi kkonsenjat fid-dar jew fil-post tan-negozju tar-riċevitur jew tar-rappreżentant tiegħu jista’ jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat jekk jitħalla fil-kaxxa postali li tappartjeni lid-dar jew lill-post tan-negozju, jew f’post simili li r-riċevitur jew ir-rappreżentant tiegħu juża biex jirċievi l-ittri u li jipproteġi l-att kontra l-elementi f’ċirkustanzi normali. Att proċedurali jista’ jiġi nnotifikat b’dan il-mod lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartamenti fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab il-post tan-negozju tar-riċevitur, lill-amministratur ta’ proprjetà li tappartjeni għal iktar minn persuna waħda jew lil sid id-dar tar-riċevitur, kif ukoll lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta’ kuntratt biss jekk ikun impossibbli li l-att jiġi nnotifikat lir-riċevitur jew lir-rappreżentant tiegħu personalment. Il-fatt li l-att jiġi nnotifikat bil-mod deskritt fis-subartikolu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa, skont is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu, permess biss jekk ikunu saru sforzi sabiex jiġi kkonsenjat l-att proċedurali lir-riċevitur personalment f’għall-inqas okkażjoni waħda, u jekk ikun impossibbli wkoll li l-att proċedurali jiġi nnotifikat lil persuna oħra li tkun preżenti fid-dar jew fil-post tan-negozju f’konformità mal-Artikolu 322(1) jew l-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti wkoll li l-att proċedurali jiġi nnotifikat billi jitħalla f’post speċifiku. Skont l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dwar il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi, att jista’ wkoll jiġi ddepożitat fl-uffiċċju postali, mal-gvern muniċipali jew mal-gvern tal-belt fil-post għan-notifika tal-att, jew fl-uffiċċju tal-qorti tal-kontea fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali fejn jinsab il-post għan-notifika tal-att.

Sa fejn l-atti proċedurali huma nnotifikati bil-konferma ta’ riċevuta skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa dubjuż jekk notifika applikata fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 326 u 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili hijiex ammissibbli.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Skont l-Artikolu 6(1) tar-“Rekwiżiti għat-trażmissjoni ta’ ittri reġistrati u oġġetti assigurati fil-qafas tas-servizz postali universali” approvat bir-Regolament Nru 57 tal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Komunikazzjonijiet tat-22 ta’ Ġunju 2006, jekk ir-riċevitur ta’ oġġett ta’ korrispondenza ma jkunx fil-post tar-residenza jew lokazzjoni tiegħu jew tagħha fil-ħin tan-notifika, jitħalla għar-riċevitur avviż mill-uffiċċju postali l-aktar viċin għar-residenza jew il-post inkwistjoni , fejn jiġi spjegat li l-konsenja ġiet imwettqa.

Jekk ma jkunx possibbli li l-att proċedurali jiġi nnotifikat minħabba illi r-riċevitur ma huwiex preżenti jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jiġu osservati l-istruzzjonijiet pprovduti mill-mittent fuq l-avviż tan-notifika, u l-att proċedurali jista’ jiġi ddepożitat fl-uffiċju postali għal 15 jew 30 jum kalendarju skont il-perjodu magħżul mill-mittent (jekk il-mittent ma jkunx għażel il-perjodu għall-ħżin, l-oġġett jinżamm għal 15-il jum). Il-mittent jista’ jestendi l-perjodu li għalih jinżamm l-att proċedurali. Jekk ir-riċevitur ma jiġborx l-att proċedurali matul il-perjodu tal-ħżin, l-att jiġi rritornat lill-mittent fl-aħħar tal-perjodu. Jintbagħat avviż tad-depożitu lir-riċevitur permezz ta’ messaġġ testwali, lil indirizz tal-posta elettronika jew lil kaxxa postali (cf. it-termini u kundizzjonijiet ta’ AS Eesti Post għan-notifika tal-atti proċedurali).

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Skont l-Artikolu 306(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta att proċedurali jiġi nnotifikat, l-att tal-konsenja jrid jilħaq ir-rekwiżiti formali previsti mil-liġi u jiġi ddokumentat fil-format preskritt għal dan il-għan. Skont l-Artikolu 307(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dispaċċ ta’ att proċedurali intiż għan-notifika jrid jiddaħħal fil-fajl tal-qorti. Skont l-Artikolu 3111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-sistema ta’ informazzjoni deżinjata tirreġistra n-notifika ta’ att proċedurali permezz ta’ dik is-sistema b’mod awtomatiku (ara d-deskrizzjoni tan-notifika permezz tas-sistema ta’ informazzjoni fil-punt 6 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 313 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, in-notifika ta’ att b’ittra reġistrata hija ċertifikata permezz tal-avviż tal-konsenja. Meta att jintbagħat b’ittra li ma tkunx reġistrata jew b’faks, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ir-riċevitur jibgħat lill-qorti konferma dwar ir-riċevuta tal-att b’ittra jew faks jew elettronikament, kif magħżul mir-riċevitur. Il-konferma trid tistabbilixxi d-data tar-riċevuta tal-att u jkollha l-firma tar-riċevitur tal-att jew tar-rappreżentant tiegħu. Skont l-Artikolu 315(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, avviż tal-konsenja jiġi stabbilit fir-rigward ta’ notifika ta’ att proċedurali minn uffiċjal ġudizzjarju, uffiċjal tal-qorti, jew persuna jew istituzzjoni oħra. Wara n-notifika, l-avviż ta’ notifika jiġi rritornat lill-qorti mingħajr dewmien.

Meta att proċedurali jiġi nnotifikat abbażi tal-Artikolu 3141 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili billi jintbagħat, issir nota fil-fajl, li tistabbilixxi fejn u meta l-att jew informazzjoni dwar kif dan isir disponibbli tkun intbagħtet, sakemm l-ispedizzjoni ma tiġix irreġistrata b’mod awtomatiku fis-sistema ta’ informazzjoni maħluqa għal dan il-għan.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Skont l-Artikolu 307(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk att jasal għand parti fil-proċedimenti li kellha tiġi nnotifikata jew li tista’ tiġi nnotifikat bl-att skont il-liġi, iżda ma kienx possibbli li n-notifika tiġi ċċertifikata, jew jekk kien hemm ksur tal-proċedura ta’ notifika prevista mil-liġi, l-att huwa meqjus bħala li jkun ġie nnotifikat lill-parti fil-proċedimenti biss minn meta l-att ikun wasal għand ir-riċevitur.

Fil-każ ta’ notifika b’ittra reġistrata skont l-Artikolu 313 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’ tqis avviż ta’ notifika li ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti fis-subartikoli 3 u 4 tal-istess Artikolu bħala li huwa adegwat għall-iskop ta’ notifika jekk in-notifika xorta waħda tkun iddokumentata b’mod affiddabbli fl-avviż ta’ konsenja. Jekk il-qorti ma tistax tqis att proċedurali bħala li jkun ġie nnotifikat minħabba li l-fornitur tas-servizzi postali jkun naqas milli jinnotifika l-att korrettament, il-qorti tista’ tagħti l-att proċedurali lill-fornitur tas-servizzi postali sabiex jiġi nnotifikat mill-ġdid b’ebda spiża addizzjonali għall-qorti. Eżempji ta’ nuqqas tan-notifika korretta tal-att jinkludu li ma jintużawx l-għażliet kollha msemmija f’dan il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili meta l-att proċedurali jiġi nnotifikat b’ittra reġistrata, li l-att proċedurali jiġi kkonsenjat lil persuna li ma kellux jiġi kkonsenjat lilha skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għan-notifika ta’ att proċedurali meta dan jiġi impostat f’kaxxa tal-ittri jew fl-Artikolu 327 ta’ dan il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għan-notifika ta’ att proċedurali permezz ta’ trażmissjoni, jew meta n-notifika ma tiġix iddokumentata korrettament, b’tali mod li jwassal sabiex in-notifika ma tkunx tista’ titqies li ġiet imwettqa.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

L-ebda rimedju legali ta’ dan it-tip ma huwa previst fil-liġi Estonjana.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

L-ispiża tas-servizzi postali mħallsa nazzjonalment fl-Estonja ma tikkostitwixxix spiża relatata mal-eżami tal-każ, jiġifieri n-notifika ta’ atti proċedurali fi proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali ġeneralment hija mingħajr ħlas, ħlief jekk in-notifika tintalab permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju.

Jekk l-atti proċedurali jiġu nnotifikati permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju, il-ħlas pagabbli lill-uffiċjal ġudizzjarju għan-notifika tal-atti proċedurali huwa, skont l-Artikolu 48(2) tal-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji, ta’ €40 jekk l-atti setgħu jiġu nnotifikati lid-destinatarju jew lir-rappreżentant legali tiegħu:

  1. permezz tad-data dwar l-indirizz jew it-telekomunikazzjoni mniżżla fir-reġistru tal-popolazzjoni jew permezz tal-indirizz tal-posta elettronika isikukood@eesti.ee (isikukood = il-kodiċi personali tal-ID);
  2. f’indirizz imdaħħal fir-reġistru tal-persuni li jaħdmu għal rashom u tal-persuni ġuridiċi miżmum fl-Estonja jew permezz tad-data tat-telekomunikazzjoni rreġistrata fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ dak ir-reġistru.

Skont is-subartikolu 3, jekk att proċedurali ma setax jiġi nnotifikat anki jekk l-uffiċjal ġudizzjarju għamel dak kollu li kien meħtieġ u raġonevolment possibbli għan-notifika tal-att skont il-proċedura stabbilita fil-liġi, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu d-dritt li jitlob tariffa ta’ €40 billi jagħti deċiżjoni dwar it-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju u l-istrument tan-notifika dwar liema passi jkun ħa l-uffiċjal ġudizzjarju sabiex jinnotifika l-att. F’każijiet oħra barra minn dawk speċifikati fis-subartikoli 2 u 3, it-tariffa pagabbli lil uffiċjal ġudizzjarju għan-notifika ta’ atti proċedurali hija ta’ €70.

Jekk il-persuna li għandha tiġi nnotifikata bl-atti tkun legalment obbligata li tirreġistra l-indirizz jew l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha fir-reġistru tal-popolazzjoni jew fir-reġistru Estonjan għall-persuni li jaħdmu għal rashom u tal-persuni ġuridiċi u dik il-persuna ma kkonformatx kif xieraq mal-obbligu msemmi (inkluż jekk id-data mdaħħla fir-reġistru tkun skaduta jew skorretta għal kwalunkwe raġuni oħra) u għalhekk l-atti proċedurali ma setgħux jiġu nnotifikati bl-użu ta’ tali data, iridu jitħallsu €35 mit-tariffa ta’ €70, abbażi ta’ deċiżjoni dwar it-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju, mill-persuna li tkun qed titlob għal att professjonali u €35 mill-persuna li kellha tiġi nnotifikata bl-atti.

Uffiċjal ġudizzjarju ma għandux id-dritt li jitlob tariffa u kwalunkwe ħlas bil-quddiem li jsir għandu jiġi rritornat jekk l-uffiċjal ġudizzjarju ma jkunx għamel dak kollu meħtieġ u raġonevolment possibbli biex jinnotifika l-atti skont il-proċedura prevista mil-liġi sal-iskadenza stabbilita mill-qorti u jekk l-atti proċedurali ma setgħux jiġu nnotifikati.

L-ammont tal-imposti postali pagabbli mill-qorti huwa bbażat fuq il-lista tal-prezzijiet tal-fornitur tas-servizz; ebda tariffa fissa ma ġiet irregolata fuq livell leġiżlattiv. Il-prezz jiddependi mill-piż tal-ittra, il-post tan-notifika, eċċ.

Parti fi proċedimenti jrid iħallas għan-notifika ta’ att proċedurali barra l-pajjiż skont it-tariffi tal-fornitur tas-servizz postali. L-ispejjeż għan-notifika u t-trażmissjoni ta’ atti proċedurali f’pajjiż barrani u n-notifika u trażmissjoni ta’ tali atti lil ċittadin ekstraterritorjali tar-Repubblika tal-Estonja jagħmlu parti mill-ispejjeż speċifiċi tal-konsiderazzjoni tal-kawża fis-sens tal-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Sa fejn huwa ddeterminat mill-qorti, l-ispejjeż speċifiċi tal-konsiderazzjoni ta’ kawża huma mħallsa minn qabel mill-parti fi proċedimenti li għamlet it-talba li tat lok għall-ispejjeż, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Ir-responsabbiltà aħħarija għall-ħlas tal-ispejjeż proċedurali hija ta’ min irid iħallas l-ispejjeż proċedurali abbażi ta’ sentenza tal-qorti. L-ispejjeż ta’ azzjoni jitħallsu mill-parti li titlef. Meta talba hija pproċessata għan-notifika tal-atti ġudizzjarji fuq petizzjoni, għandha titħallas tariffa tal-istat ta’ €50. It-tariffa tal-istat tista’ titħallas permezz ta’ trasferiment bankarju fi kwalunkwe wieħed mill-kontijiet bankarji tal-Ministeru tal-Finanzi: SEB Pank — numru tal-kont bankarju EE571010220229377229 (SWIFT: EEUHEE2X) Swedbank — numru tal-kont bankarju EE062200221059223099 (SWIFT: EEUHEE2X) Bank Luminor — numru tal-kont bankarju EE221700017003510302 (SWIFT: RIKOEE22); LHV Pank — numru tal-kont bankarju EE567700771003819792 (BIC/SWIFT: LHVBEE22).

Aktar informazzjoni tista’ tinsab fil- Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna