1 Liema awtorità għandha tiġi kkonsultata u biex jingħata kunsens minn qabel qabel it-tqegħid transfruntier ta’ minuri fit-territorju tiegħek?
F’konformità mal-Artikolu 41 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), il-Kapitolu 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) hija l-Awtorità Ċentrali nnominata responsabbli għall-fostering. Skont l-Artikolu 42(d) tal-istess Att, waħda mill-funzjonijiet tal-Awtorità Ċentrali hija li tirċievi talbiet mingħand persuni barranin li jkunu approvati bħala foster carers f’pajjiż ieħor jew mingħand aġenziji akkreditati, u li tgħaddi dawn it-talbiet lid-Direttur tal-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Skont l-Artikolu 36A tal-istess Att, id-Direttur tal-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) għandu għadd ta’ funzjonijiet u responsabbiltajiet, inklużi t-tlaqqigħ ta’ foster carers ma’ minuri li jkunu se jitqiegħdu f’foster care u l-aċċertament li kull tqegħid f’foster care jkun fl-aħjar interess tal-minuri. Il-foster care tista’ sseħħ biss wara ftehim bil-miktub bejn id-Direttur tal-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) u l-foster carer.
L-Awtorità Ċentrali fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali
Indirizz: 469, Institut Bugeia, Triq il-Kbira San Ġużepp Sta Venera, SVR 1012, MALTA
Telefown: +356 2549 4400
Indirizz tal-posta elettronika: info.scsa@gov.mt
2 ekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-kisba tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħra) għat-tqegħid transfruntier tat-tfal fit-territorju tiegħek
Sabiex issir ir-reġistrazzjoni ta’ tqegħid transfruntier f’Malta, l-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjedenti trid titlob il-kunsens tal-Awtorità Ċentrali ta’ Malta (SCSA). Trid tintalab u tiġi sottomessa talba lill-SCSA.
Il-proċedura hija kif ġej:
i. L-Awtorità Ċentrali ta’ Malta għandha tirċievi formola ta’ applikazzjoni mimlija kif xieraq flimkien mad-dokumentazzjoni mitluba (imsemmija hawn taħt). Din l-applikazzjoni għandha tintbagħat mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjedenti. Id-dokumentazzjoni mitluba kollha għandha tintbagħat bil-lingwa Maltija jew Ingliża biss.
ii. Ladarba tasal il-formola tal-applikazzjoni, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tistabbilixxi liema tip ta’ tqegħid ikun qed jiġi kkunsidrat.
iii. L-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tibgħat l-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ Malta, pereżempju, f’każijiet ta’ fostering transfruntier, dokumentazzjoni bħal din tintbagħat lid-Direttorat tal-Kura Alternattiva. Fil-każijiet kollha, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw l-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-għarfien espert tagħhom, u tingħata l-kunsiderazzjoni xierqa lill-aspetti li ġejjin ta’ tqegħid: edukattivi/pedagoġiċi, appoġġ legali, psikosoċjali/psikjatriku u sikurezza/protezzjoni tat-tfal.
iv. Imbagħad, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tkun f’pożizzjoni li tikkomunika d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti Maltin dwar it-tqegħid transfruntier tat-tfal lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjedenti. It-tqegħid ma jistax jibda qabel ma l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tkun tat il-kunsens tagħha wara konsultazzjoni mad-Direttur tal-Kura Alternattiva. Imbagħad, l-awtorità ċentrali tal-Istat rikjedenti tikkomunika d-data tal-bidu tat-tqegħid transfruntier lill-Awtorità Ċentrali ta’ Malta.
Hawn taħt hawn lista ta’ dokumenti li jridu jiġu sottomessi mal-applikazzjoni:
- kopja tal-karta tal-identità/tal-passaport tal-omm, tal-missier u tat-tfal;
- iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal;
- dikjarazzjoni ta’ ħarsien u ta’ kustodja; u
- kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meqjusa neċessarja.
3 L-Istat Membru tiegħek iddeċieda li mhuwiex meħtieġ il-kunsens għal tqegħid transfruntier ta’ tfal fit-territorju tiegħek fejn il-minuri għandu jitqiegħed ma’ ċerti kategoriji ta’ qraba stretti? Jekk iva, x’inhuma l-kategoriji ta’ qraba stretti?
Le. Kull tqegħid taħt foster care jrid jiġi rreġistrat mal-Awtorità Ċentrali u għandu jintalab il-kunsens skont il-proċedura stabbilita fit-tweġiba għall-mistoqsija 2.
4 L-Istat Membru tiegħek għandu fis-seħħ xi ftehimiet jew arranġamenti għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni biex jinkiseb il-kunsens għat-tqegħid transfruntier tat-tfal?
Le. Il-proċedura hija kif deskritta fit-tweġiba għall-mistoqsija 2. Hija proċedura effiċjenti, bl-għan li ma ttawwal l-ebda deċiżjoni, filwaqt li tiżgura l-aħjar interess tal-minuri involuti.