Is-sit web tal-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Slovakka “Elektronické služby” jipprovdi ħarsa ġenerali lejn liema servizzi pubbliċi huma disponibbli online u kif jistgħu jiġu aċċessati. Is-sit web iservi wkoll bħala l-gateway għal Slovensko.sk, il-Portal Ċentrali tal-Amministrazzjoni Pubblika, li permezz tiegħu utent ikollu aċċess unifikat għar-riżorsi u s-servizzi ta’ informazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (minbarra li tali informazzjoni tkun disponibbli fuq is-servers individwali tad-diversi servizzi pubbliċi). Wieħed mill-aktar kompiti importanti tal-portal ċentrali huwa li l-utent jiġi dirett lejn l-użu ta’ servizz elettroniku speċifiku tal-amministrazzjoni pubblika bl-użu ta’ riżorsi ta’ informazzjoni rilevanti. Il-portal jipprovdi aċċess għal servizzi elettroniċi pubbliċi liċ-ċittadini, lin-negozji kif ukoll lill-organizzazzjonijiet. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tas-servizzi, il-portal jipprovdi l-possibbiltà li jiġi skedat appuntament mal-amministrazzjoni pubblika rilevanti biex tiġi ssodisfata t-talba, filwaqt li huma ftit is-servizzi purament elettroniċi li jistgħu jintalbu u jitlestew online.
Barra minn hekk, għaċ-ċittadini Slovakki residenti barra mill-pajjiż, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, joffri sistema ta’ prenotazzjoni online li permezz tagħha individwu jista’ jimla talba online li mbagħad tkompli tiġi pproċessata fiżikament fir-rappreżentanza rilevanti tas-Slovakkja fil-pajjiż ta’ residenza taċ-ċittadin Slovakk.
Għad hemm għadd ta’ servizzi (bħar-reġistrazzjoni tat-twelid, li persuna tkun ħajja, ir-reġistrazzjoni taż-żwieġ, l-adozzjoni, il-paternità) li jridu jiġu eżegwiti fiżikament aktar milli online permezz tal-amministrazzjoni pubblika responsabbli fil-post ta’ residenza taċ-ċittadin Slovakk.
L-għajnuna legali fis-Slovakkja hija pprovduta miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali (Centrum právnej pomoci), organizzazzjoni subordinata għall-Ministeru għall-Ġustizzja. Ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors għal għajnuna legali online iżda individwu jista’ jiskeda appuntament online f’wieħed mill-uffiċċji taċ-ċentru fil-pajjiż kollu.
Il-liġi Slovakka tirrikonoxxi d-drittijiet tal-vittmi li jirċievu kumpens għad-dannu kkawżat bħala riżultat ta’ reat. Madankollu, ma hemm l-ebda portal, għodda jew sit web iddedikat biex jitressqu talbiet għad-danni online.
Għan u ambitu: Huwa possibbli li jitressqu talbiet online biex jinbdew proċedimenti tal-qorti (kawżi) u jsiru sottomissjonijiet għal proċedimenti tal-qorti eżistenti fil-qrati distrettwali u reġjonali fi kwistjonijiet ċivili (xogħol, familja, wirt, eċċ.), kwistjonijiet kummerċjali (ħlief għar-reġistru kummerċjali) u kwistjonijiet ta’ ġustizzja amministrattiva.
Awtorità kompetenti: Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Mhux applikabbli.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Sabiex jaċċessa s-servizzi, min iressaq it-talba jrid jawtentika lilu nnifsu permezz tal-kard tal-eID tiegħu bit-tagħmir adattat li jaqra l-kards.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: L-individwu li jressaq it-talba biex jinbdew proċedimenti tal-qorti jista’ jissottometti dokumenti bil-volum kumplessiv li ma jaqbiżx il-50Mb, b’volum massimu ta’ 5Mb għal kull dokument.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli.
Possibbiltà li l-proċedura titlesta kompletament online: Iva
Kost: Is-servizz huwa mingħajr ħlas
Aktar informazzjoni dwar kif tibda kawża ċivili online fis-Slovakkja hija disponibbli hawnhekk.
Għan u ambitu: Il-fajl elettroniku tal-qorti (ESS) huwa rekord tad-dokumenti u l-azzjonijiet kollha tal-iskrivan tal-qorti, tal-imħallef u tal-uffiċjal superjuri tal-qorti (ħlief fajls li fihom informazzjoni klassifikata eżistenti f’forma stampata). Id-dokumenti kollha fil-fajl huma aċċessibbli wkoll b’mod elettroniku.
Awtorità kompetenti: Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Dawn li ġejjin jista’ jkollhom aċċess għall-ESS - parti fil-proċedimenti; ir-rappreżentant legali ta’ parti fil-proċedimenti; persuna ammessa fi proċedimenti tal-qorti (nutar, bailiff, espert, interpretu, traduttur, tutur tal-kunflitt); parti terza - il-pubbliku (primarjament għal proċedimenti amministrattivi).
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Biex jaċċessa s-servizzi, min iressaq it-talba jrid jawtentika lilu nnifsu permezz tal-kard tal-eID tiegħu bit-tagħmir adattat li jaqra l-kards.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Ma huwa meħtieġ l-ebda dokument addizzjonali.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli.
Possibbiltà li l-proċedura titlesta kompletament online: Iva
Kost: Mingħajr ħlas
Ħolqa: hawnhekk
Aktar informazzjoni dwar l-aċċess għan-notifika elettronika ta’ dokumenti ġudizzjarji fis-Slovakkja hija disponibbli hawnhekk.
Is-Slovakkja ma għandhiex servizz pubbliku online ddedikat għall-irkantijiet ġudizzjarji.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jżomm reġistru ta’ medjaturi rreġistrati li l-pubbliku jista’ jirrikorri għalih biex isolvi tilwima li tirriżulta mir-relazzjonijiet kuntrattwali jew minn relazzjonijiet legali oħra tagħhom. Huwa possibbli li tiġi ppreżentata talba biex wieħed isir medjatur irreġistrat online iżda ma hemm l-ebda portal ċentrali li permezz tiegħu l-individwi jkunu jistgħu jibdew jew jaċċessaw il-medjazzjoni.
Aktar informazzjoni dwar is-servizzi ta’ medjazzjoni fis-Slovakkja hija disponibbli hawnhekk.
Għan u ambitu: Huwa possibbli li jiġi rreġistrat kummerċ permezz tal-portal Slovensko.sk kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll għall-entitajiet legali mal-muniċipju li fih se jiġi pprovdut il-kummerċ/fejn il-kumpanija se jkollha s-sede tagħha.
Awtorità kompetenti: Il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo vnútra Slovenskej republiky)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: It-talba jeħtieġ li tiġi ppreżentata minn persuna fiżika jew ġuridika.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Sabiex jaċċessa s-servizzi, min iressaq it-talba jrid jawtentika lilu nnifsu permezz tal-kard tal-eID tiegħu bit-tagħmir adattat li jaqra l-kards.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti:
Għal persuni fiżiċi:
- prova tal-kompetenza professjonali ta’ min iressaq it-talba jew tar-rappreżentant responsabbli tiegħu (fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ kummerċ regolat jew artiġjanat),
- prova tal-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proprjetà immobbli mniżżla bħala l-post tan-negozju jekk l-indirizz tal-post tan-negozju jkun differenti mill-post tar-residenza. Fil-każ ta’ persuna barranija, l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proprjetà immobbli mniżżla bħala l-post tan-negozju tan-negozju tal-persuna barranija jew il-post tan-negozju ta’ unità organizzazzjonali tan-negozju tal-persuna barranija,
- estratt mill-fedina penali ta’ persuni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika Slovakka u li għalihom tapplika l-kundizzjoni ta’ karattru tajjeb,
- il-kunsens tar-rappreżentant responsabbli għall-ħatra,
- prokura għar-rappreżentanza, jekk id-dikjarazzjoni tal-kummerċ tiġi sottomessa minn persuna awtorizzata.
Għal persuni ġuridiċi:
- prova tal-kompetenza professjonali tar-rappreżentant responsabbli ta’ min iressaq it-talba (fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ kummerċ regolat jew artiġjanat),
- prova ta’ awtorizzazzjoni biex tiġi okkupata l-proprjetà mniżżla bħala l-uffiċċju rreġistrat (ħlief għal entità ġuridika li hija rreġistrata fir-reġistru kummerċjali),
- estratt mill-fedina penali ta’ persuni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika Slovakka u li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ karattru tajjeb,
- il-kunsens tar-rappreżentant responsabbli għall-ħatra,
- prova li l-entità ġuridika ġiet imwaqqfa jew stabbilita (għandha tiġi sottomessa biss minn entità ġuridika mwaqqfa),
- prokura biex tiġi rrappreżentata l-persuna ġuridika, jekk id-dikjarazzjoni tiġi sottomessa minn persuna awtorizzata,
- id-dokumenti meħtieġa għar-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali, jekk it-talba għar-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali tiġi sottomessa flimkien mar-reġistrazzjoni tan-negozju.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli.
Possibbiltà li l-proċedura titlesta kompletament online: Iva
Kost: Ma hemm l-ebda tariffa għall-attivitajiet kummerċjali ħielsa. L-artiġjanat u n-negozji relatati għandhom tariffa ta’ EUR 7.50 għal kull negozju ddikjarat.
Ħolqa:
Aktar informazzjoni dwar kif tirreġistra negozju bħala persuna fiżika u persuna ġuridika fis-Slovakkja.
Għan u ambitu: Ipprovdi informazzjoni dwar kumpaniji rreġistrati fir-reġistru tal-kumpaniji.
Awtorità kompetenti: Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: L-ebda
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: L-ebda
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: L-ebda
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli.
Possibbiltà li l-proċedura titlesta kompletament online: Mhux applikabbli.
Kost: Is-servizz huwa pprovdut mingħajr ħlas
Ħolqa: https://www.slovensko.sk/sk/detail-sluzby?externalCode=ks_340705
Aktar informazzjoni dwar kif taċċessa l-informazzjoni dwar il-kumpaniji fis-Slovakkja hija disponibbli hawnhekk.
Is-Slovakkja ma tipprovdix servizzi ta’ traduzzjoni pubblika online fil-qasam tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jżomm reġistru ta’ tradutturi u interpreti. Barra minn hekk, jekk individwu jappartjeni għal minoranza rikonoxxuta jista’ jitlob ċertifikat tat-twelid, ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikat tal-mewt bilingwi bis-Slovakk u bil-lingwa tal-minoranza nazzjonali (Ungeriż, Romani, Ukren, Rutenjan u Ġermaniż).