Fil-Litwanja, l-aktar pjattaforma importanti għall-aċċess ta’ servizzi pubbliċi online huwa l-portal “Sit Portal tal-Gvern elettroniku” (elektroniniai valdžios vartai). Dan jippermetti lill-persuni fiżiċi, lin-negozji u lis-settur pubbliku jaċċessaw is-servizzi elettroniċi pubbliċi u amministrattivi kollha. 594 servizz għall-persuni fiżiċi, 406 servizz għan-negozji, u 134 servizz għas-settur pubbliku huma disponibbli f’dan il-portal.
L-informazzjoni kollha fil-portal hija strutturata b’mod li huwa faċli għall-utent skont l-avvenimenti ewlenin tal-ħajja: “Twelid ta’ wild”, “Telf u sejba ta’ impjieg”, “Bidu ta’ negozju”, eċċ. Barra minn hekk, is-servizzi elettroniċi kollha huma maqsumin f’kategoriji differenti, bħall-“Kura tas-Saħħa”, il-“Migrazzjoni”, it-“Taxxi”, eċċ. Addizzjonalment, hemm ukoll lista tal-aktar servizzi popolari. Iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jibbenefikaw mill-verifika ta’ dokument iffirmat (ADOC) b’firma elettronika, kif ukoll il-ħolqien u l-iffirmar ta’ dokumenti elettroniċi (pereżempju, ftehimiet, awtorizzazzjonijiet eċċ).
L-identifikazzjoni hija rekwiżit obbligatorju għall-utenti biex jirċievu s-servizzi. Il-portal jippermetti l-identifikazzjoni permezz ta’ diversi sorsi: bank elettroniku jew soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni elettronika oħrajn. L-identifikazzjoni taċ-ċittadini tal-UE hija disponibbli permezz tal-eIDAS.
F’termini ta’ dokumenti pubbliċi, l-awtorità kompetenti għall-biċċa l-kbira mid-dokumenti msemmija hija ċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriżi tal-Istat. Din l-istituzzjoni tippermetti liċ-ċittadini u lir-residenti tar-Repubblika tal-Litwanja jitolbu ċertifikati tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tad-divorzju kif ukoll dokumenti dwar il-bdil tal-isem u l-paternità. Id-dokumenti pubbliċi dwar in-nazzjonalità (karti tal-identità u passaporti) u ta’ prova ta’ fedina penali nadifa huma ssorveljati mill-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija), filwaqt li d-dokumenti ta’ residenza huma amministrati mill-muniċipalitajiet.
Fir-rigward tas-servizzi pubbliċi online, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-għajnuna legali bħalissa taqa’ taħt is-sorveljanza tas-Servizz tal-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba prie Lietuvos Respublikos teisingumo ministerijos). Il-ftuħ ta’ kawża ċivili online, u n-notifika elettronika ta’ dokumenti ġudizzjarji jinsabu taħt is-sorveljanza tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali tal-Litwanja (Nacionalinė teismų administracija), u l-parteċipazzjoni f’subbasti, il-formazzjoni tal-kumpaniji u l-aċċess għal informazzjoni dwar kumpaniji huma ssorveljati miċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriżi tal-Istat (Registrų centras).
Għan u ambitu:
Fi Frar 2022, ġiet stabbilita Sistema ta’ Informazzjoni tas-Servizzi tal-Għajnuna Legali (TEISIS) ġdida bil-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn istituzzjonijiet tal-investigazzjoni preliminari u s-Servizz tal-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba). Permezz ta’ din is-sistema, il-persuni fiżiċi jistgħu jitolbu għajnuna mill-prosekutur/mir-rappreżentanti awtorizzati fuq bażi obbligatorja u biex jirċievu notifiki direttament mis-sistema dwar il-prosekutur/ir-rappreżentanti awtorizzati magħżula tagħhom. Persuna fiżika tista’ titlob għajnuna legali jew permezz ta’ laqgħat wiċċ imb wiċċ, jew konsultazzjonijiet interattivi jew bil-kitba. Persuna tista’ tagħżel wieħed mis-suġġetti disponibbli tal-għajnuna legali [1] u tiddeskrivi l-ħtieġa ta’ konsulenza legali bil-miktub. Fis-sistema, persuna fiżika tista’ tagħżel li tirċievi pariri legali bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. L-għajnuna legali hija maqsuma f’għajnuna legali primarja u sekondarja.
L-għajnuna legali primarja tikkonċerna:
- rikorsi għal divorzju b’kunsens reċiproku taż-żewġ konjuġi;
- ftehim dwar il-konsegwenzi legali ta’ divorzju;
- dikjarazzjonijiet rigward il-ħruġ ta’ digriet tal-qorti;
- oġġezzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-kreditur;
- rikors għall-ħruġ ta’ permess tal-qorti għall-bejgħ jew l-ipotekar ta’ proprjetà immobbli;
- rikorsi għal digriet tal-qorti għall-aċċettazzjoni ta’ wirt;
- talbiet għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel biex wieħed jidħol fi tranżazzjonijiet li jinvolvu assi ta’ persuna li hija inabilitata f’qasam partikolari jew li għandha kapaċità limitata f’qasam partikolari.
Meta jkun meħtieġ, il-persuni li jipprovdu għajnuna legali primarja għandhom jassistu fit-tlestija ta’:
- talbiet għal medjazzjoni obbligatorja;
- talbiet għal għajnuna legali sekondarja ggarantita mill-Istat.
L-għajnuna legali primarja tinkludi:
- parir dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim,
- passi lejn soluzzjoni bonarja ta’ tilwima u l-abbozzar ta’ ftehim bonarju,
Iżda ma tinkludix:
- il-mili tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati lill-amministratur tat-taxxa.
L-għajnuna legali sekondarja tikkonċerna:
- it-tħejjija ta’ dokumenti, id-difiża u r-rappreżentanza f’kawżi, inklużi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni;
- ir-rappreżentanza f’każijiet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, jekk proċedura bħal din tiġi stabbilita mil-liġi jew deċiżjoni ta’ qorti;
- ir-rimborż tal-kostijiet legali f’każijiet eżaminati fi proċedimenti ċivili;
- rimborż tal-kostijiet tat-tilwim f’kawżi tal-ġustizzja kostituzzjonali;
- rimborż tal-ispejjeż relatati mal-proċedimenti fil-proċedura amministrattiva;
- rimborż tal-kostijiet tal-proċedimenti tal-qorti għal imġiba ħażina amministrattiva;
- rimborż tal-kostijiet ta’ azzjoni ċivili fi kwistjonijiet kriminali.
Awtorità kompetenti: Is-Servizz tal-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba prie Lietuvos Respublikos teisingumo ministerijos)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: L-għajnuna legali primarja tingħata lil:
- Ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja;
- Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
- Persuni fiżiċi li joqogħdu legalment fir-Repubblika tal-Litwanja u fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea;
- Persuni speċifikati fi ftehimiet internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja u atti legali direttament applikabbli tal-Unjoni Ewropea.
- L-għajnuna legali sekondarja tingħata lil:
- Ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll persuni fiżiċi oħrajn li joqogħdu legalment fir-Repubblika tal-Litwanja u Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, li l-assi u l-introjtu annwali tagħhom ma jaqbżux il-livelli tal-għajnuna legali ggarantita mill-Gvern iddikjarati fil-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat [2].
- Ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja, ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll persuni fiżiċi oħrajn li joqogħdu legalment fir-Repubblika tal-Litwanja u fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea speċifikati fl-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat [2] li tipprovdi 17-il kategorija differenti ta’ persuni eliġibbli għall-għajnuna legali sekondarja irrispettivament mill-proprjetà (tal-familja) tal-persuna u mill-introjtu personali.
- Persuni oħrajn speċifikati fil-ftehimiet internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja u atti legali direttament applikabbli tal-Unjoni Ewropea, li l-assi u l-introjtu annwali tagħhom ma jaqbżux il-livelli ta’ assi u introjtu stabbiliti mill-Gvern biex wieħed jirċievi għajnuna legali jew li huma speċifikati fl-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Ggarnatita mill-Istat [2].
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni:
- Awtentikazzjoni permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: F’termini tal-għajnuna legali primarja, l-applikanti ma jintalbu jipprovdu l-ebda dokument. Fir-rigward tal-għajnuna legali sekondarja, l-applikanti huma mitluba jipprovdu:
- talba għal għajnuna legali ggarantita mill-Istat;
- dokumenti li jissostanzjaw pretensjoni personali;
- dokumenti li jagħtu prova tad-dritt ta’ persuna li tirċievi għajnuna legali ggarantita mill-Istat;
- il-kunsens tal-avukat jekk jixtiequ li l-għajnuna legali sekondarja tkun ipprovduta minn avukat li mhuwiex inkluż fil-lista ta’ avukati li jipprovdu għajnuna legali sekondarja.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva
Kost: Is-servizz huwa bla ħlas għall-għajnuna legali primarja. Is-servizz għall-għajnuna legali sekondarja jista’ jkun ikkumpensat kompletament, parzjalment jew mhux ikkumpensat mill-Istat skont il-livell ta’ introjtu tal-persuna fiżika. Aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-ispejjeż fir-rigward tal-għajnuna ġudizzjarja sekondarja hija disponibbli hawn.
Links: https://teisis.lt/external/home/main
[1] Id-dritt amministrattiv u l-proċess amministrattiv, Id-dritt ċivili u l-proċeduri ċivili, Id-dritt kriminali, Il-proċedimenti kriminali, Id-dritt tal-familja, id-dritt tax-xogħol, Id-dritt tal-proprjetà, Id-dritt tas-sigurtà soċjali, Oħrajn.
[2] Disponibbli fuq: https://e-seimas.lrs.lt/portal/legalAct/lt/TAD/TAIS.98693/asr
Fil-Litwanja mhuwiex possibbli li tippreżenta talbiet għad-danni online. Aktar informazzjoni dwar il-proċessi ta’ kumpens fil-Litwanja huma disponibbli fuq l-iskedi informattivi tal-NĠE.
Għan u ambitu: Fil-Litwanja tista’ tiftaħ kawża ċivili online permezz tal-Portal tas-Servizz Elettroniku tal-Qrati tal-Litwanja (Lietuvos teismų elektroninių paslaugų portalas). Minbarra li jiftħu kawża online, l-utenti jistgħu wkoll jisimgħu r-reġistrazzjonijiet tal-awdjo tas-seduti tal-qorti, jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-proċessi tal-qorti, mal-formoli u jwasslu d-dokumenti proċedurali lill-qorti, jimlew id-dokumenti skont il-formoli mħejjija, jirċievu notifiki dwar l-ammissjoni tad-dokumenti, l-iżbalji identifikati, is-seduti tal-kawża, u jħallsu multi imposti mill-qorti, kif ukoll spejjeż imposti tal-litigazzjoni u t-taxxa tal-boll.
Awtorità kompetenti: L-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali tal-Litwanja (Nacionalinė teismų administracija)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Is-servizz online huwa maħsub għall-persuni fiżiċi (individwi u rappreżentanti legali ta’ minorenni u adulti protetti), għall-entitajiet legali u għall-avukati.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Awtentikazzjoni permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku. Il-partijiet interessati jistgħu jaċċessaw il-portal bl-użu tal-firma elettronika, tal-ibbankjar elettroniku, tal-karti tal-identità jew ta’ data maħruġa mill-qorti.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Jista’ jkun meħtieġ li jiġu pprovduti dokumenti, skont it-tip ta’ proċediment. Il-portal għandu firxa wiesgħa ta’ formoli mħejjija li jeħtieġ li jimtlew minn persuni fiżiċi, entitajiet legali jew avukati sabiex tinfetaħ kawża.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva.
Prezz: Is-servizz huwa bla ħlas.
Links: https://e.teismas.lt/lt/public/home/
Aktar informazzjoni dwar kif tiftaħ proċedimenti tal-qorti online fil-Litwanja hija disponibbli wkoll fuq l-iskeda informattiva tal-NĠE.
Għan u ambitu: Il-persuni fiżiċi, l-entitajiet legali u l-avukati jistgħu jagħtu kunsens għat-trażmissjoni elettronika ta’ dokumenti ġudizzjarji billi jimlew formola elettronikament. Billi jagħtu l-kunsens għat-trażmissjoni elettronika, l-utenti jistgħu jikkonsultaw il-progress tal-kawża tagħhom online, jirċievu notifiki dwar l-ammissjoni tad-dokumenti, l-iżbalji identifikati, is-seduti tal-kawża u jħallsu multi imposti mill-qorti online. Il-parteċipanti fil-proċess, li jiftħu l-kawżi ċivili jew amministrattivi elettronikament, għandhom iħallsu biss 75 % tat-taxxa tal-boll.
Awtorità kompetenti: L-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali tal-Litwanja (Nacionalinė teismų administracija)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Is-servizz online huwa maħsub għall-persuni fiżiċi (individwi u rappreżentanti legali ta’ minorenni u adulti protetti), għall-entitajiet legali u għall-avukati.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: L-awtentikazzjoni hija permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku. Il-partijiet interessati jistgħu jaċċessaw il-portal bl-użu tal-firma elettronika, tal-ibbankjar elettroniku, tal-karti tal-identità jew ta’ data maħruġa mill-qorti.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Il-formola tal-kunsens mimlija, iddatata u ffirmata.
Effetti legali ta’ dokumenti elettroniċi: Ladarba jasal u jiġi approvat, il-kunsens jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji jittrażmettu elettronikament notifiki, irċevuti u taħrikiet.
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva
Kost: Is-servizz huwa bla ħlas.
Links: https://e.teismas.lt/lt/public/home/
Aktar informazzjoni dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji fil-Litwanja hija disponibbli wkoll fuq l-iskeda informattiva tal-NĠE.
Għan u ambitu: L-irkantijiet online fil-Litwanja huma organizzati permezz tas-sistema tal-Irkantijiet Elettroniċi (Varžytynės ir aukcionai). Is-sistema tal-informazzjoni tippermetti lir-residenti u lin-negozji jipparteċipaw mill-bogħod f’irkanti elettroniċi ta’ bejgħ sfurzat (subbasti) imwettqa minn uffiċjali ġudizzjarji u amministraturi tal-insolvenza u f’irkanti elettroniċi għall-bejgħ ta’ proprjetà tal-Istat u muniċipali. Il-persuni jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv f’irkanti elettroniċi u f’irkanti ta’ bejgħ sfurzat (subbasti) bl-aktar kost baxx. Is-servizzi elettroniċi huma pprovduti minn uffiċjali ġudizzjarji, amministraturi tal-insolvenza, l-Intrapriża tal-Istat, il-Bank tal-Proprjetà tal-Istat (Turto bankas), u muniċipalitajiet kif ukoll setturi oħrajn tal-Istat u privati. Permezz tas-sistema tal-Irkanti Elettroniċi, ir-residenti u n-negozji jistgħu jipparteċipaw f’irkanti online fir-rigward tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli (binjiet u/jew art), stokks, vetturi u tagħmir ieħor (eż. magni tal-manifattura).
Awtorità kompetenti: Iċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriża tal-Istat (Registrų centras)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Is-servizz online huwa maħsub għal persuni fiżiċi u negozji.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Awtentikazzjoni permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Persuna jeħtiġilha tikkonferma l-identità tagħha bl-użu ta’ metodi ta’ identifikazzjoni personali offruti fuq is-sit web, tispeċifika d-dettalji ta’ kuntatt tagħha, in-numru tal-kont tal-bank fejn it-tariffa tar-reġistrazzjoni/id-depożitu ta’ garanzija tal-parteċipant għandu jiġi rritornat fil-każ li l-persuna ma kellhiex suċċess fl-irkant, tiffamiljarizza ruħha mal-proċedura għall-parteċipazzjoni fl-irkant u tħallas it-tariffa tar-reġistrazzjoni/id-depożitu ta’ garanzija tal-parteċipanti matul ir-reġistrazzjoni.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva.
Prezz: Is-servizz huwa bla ħlas. Il-persuna li tixtieq tipparteċipa f’irkant speċifiku jeħtiġilha tħallas it-tariffa tar-reġistrazzjoni tal-parteċipanti fl-irkant (jekk applikabbli) u d-depożitu ta’ garanzija tal-parteċipanti, li l-ammonti tagħhom jiġu speċifikati fl-avviż tal-irkant.
Meta jkun possibbli jew obbligatorju, il-parteċipanti fil-proċess jistgħu jimmaniġġjaw il-medjazzjoni ġudizzjarja permezz tal-portal e.teismas.It. L-applikazzjonijiet għall-medjazzjoni, fil-Litwanja, jistgħu jintbagħtu wkoll direttament lis-Servizz tal-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba) b’ittra rreġistrata jew b’email (applikazzjonijiet bħal dawn iridu jiġu ffirmati elettronikament).
Jekk it-talbiet jintbagħtu bil-posta rreġistrata jew elettronikament, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dokument tal-identità tal-parti fit-tilwima.
Fil-każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ kopja ta’ dokument tal-identità, is-Servizz tal-Għajnuna Legali Ggarantita mill-Istat għandu d-dritt li jitlob lill-parti fit-tilwima li bagħtet kopja tad-dokument tal-identità biex tibgħat id-dokument oriġinali jew kopja ċċertifikata minn nutar jew minn persuna oħra awtorizzata biex twettaq atti notarili.
Aktar informazzjoni dwar servizzi ta’ medjazzjoni hija disponibbli hawn u fuq l-iskeda informattiva tal-NĠE.
Il-formazzjoni tal-kumpaniji
Għan u ambitu:
L-entitajiet legali li ġejjin jistgħu jiġu rreġistrati elettronikament miċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriżi tal-Istat (Registrų centras):
- intrapriża individwali,
- kumpanija b’responsabbiltà limitata,
- assoċjazzjoni,
- komunità żgħira,
- istituzzjoni pubblika,
- fond ta’ karità u appoġġ.
Fergħat ta’ kumpaniji Ewropej, kumpaniji b’ishma konġunti, kumpaniji b’ishma konġunti magħluqin jew fergħat ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u stat li jagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea wkoll jistgħu jiġu stabbiliti elettronikament.
Ir-Reġistru tal-Entitajiet Legali jirreġistra l-entitajiet legali, il-fergħat u l-uffiċċji rappreżentanti tagħhom, il-fergħat u l-uffiċċji rappreżentanti ta’ entitajiet legali barranin u organizzazzjonijiet oħrajn; jirreġistra, jirrekordja, jiġbor, iżomm, jipproċessa, jorganizza u jipprovdi data, informazzjoni u dokumenti dwarhom.
Ir-Reġistru tal-Entitajiet Legali fih informazzjoni sħiħa (u data storika) dwar il-forma legali u l-istatus tal-entitajiet legali, l-oqsma tal-attività tiegħu, id-daqs u l-istruttura tal-kapital awtorizzat, il-membri tal-korpi ta’ ġestjoni uniċi u kollettivi, eċċ. Ir-Reġistru tal-Entitajiet Legali fih ukoll data dwar l-azzjonist uniku ta’ kumpanija b’ishma konġunti u kumpanija b’ishma konġunti magħluqa. Id-data dwar il-membri, il-parteċipanti, l-azzjonisti ta’ 8 forom legali ewlenin tal-entitajiet legali hija pproċessata fis-Sistema tal-Informazzjoni tal-Parteċipanti ta’ Entitajiet Legali (JADIS). Id-data dwar sidien benefiċjali tal-forom kollha tal-entitajiet legali hija pproċessata f’Sottosistema tas-Sidien Benefiċjali tal-Entitajiet Legali (JANGIS) ta’ JADIS.
Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kummerċjali jeħtiġilhom jibagħtu dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali lir-Reġistru tal-Entitajiet Legali sa mill-2004.
Awtorità kompetenti: Iċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriża tal-Istat (Registrų centras)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jixtiequ jirreġistraw kumpanija.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Awtentikazzjoni permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Dan jiddependi fuq il-forma legali tal-entità legali.
Effetti legali ta’ dokument elettroniku: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva.
Prezz: It-tariffa tvarja skont it-tip ta’ entità legali rreġistrata. Informazzjoni sħiħa dwar il-kategoriji tal-prezz hija disponibbli hawn.
Link: https://www.registrucentras.lt/p/671
Aċċess għal informazzjoni dwar il-kumpaniji
Għan u ambitu:L-objettiv tas-servizz deskritt hawn taħt huwa li tinkiseb informazzjoni dwar il-kumpaniji.
Is-sit web taċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriża tal-Istat (Registrų centras) jinkludi bażi tad-data tal-entitajiet legali kollha rreġistrati fil-Litwanja. Kull entità legali għandha kodiċi, isem, indirizz, forma legali[1] u status legali[2] speċifiċi. Kull persuna li indikat il-kodiċi tal-entità legali jew l-isem tal-entità legali lill-maniġer tar-Reġistru tal-Entitajiet Legali għandha d-dritt li tirċievi data dwar l-isem, il-kodiċi, il-forma legali, (indirizz ta’) l-uffiċċju rreġistrat, l-istatus legali tal-entità legali, l-attivitajiet ristretti tal-entità legali, is-sanzjonijiet internazzjonali applikabbli u l-verifika tal-entità legali mid-data tar-Reġistru tal-Entitajiet Legali online bla ħlas.
Barra minn hekk, ir-Reġistru tal-Entitajiet Legali fih informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ entità legali, ir-reġistrazzjoni ta’ tibdil fid-data jew l-informazzjoni tagħha bla ħlas f’pubblikazzjoni tal-informazzjoni elettronika awtorizzata mill-maniġer tar-Reġistru tal-Entitajiet Legali.
Awtorità kompetenti: Iċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriża tal-Istat (Registrų centras)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: L-ebda
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: L-ebda
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: L-ebda
Effetti legali ta’ dokumenti elettroniċi: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Mhux applikabbli
Prezz: Dawn is-servizzi huma bla ħlas.
Links:
https://www.registrucentras.lt/jar/p/
https://www.registrucentras.lt/p/121
Huwa possibbli li jiġu ordnati elettronikament estratti mir-reġistru u kopji ta’ dokumenti, inklużi dokumenti finanzjarji, għal tariffa.
Awtorità kompetenti: Iċ-Ċentru tar-Reġistri tal-Intrapriża tal-Istat (Registrų centras)
Kundizzjonijiet ta’ aċċess:
- Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà: Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jixtiequ jirċievu estratt mir-reġistru jew kopja ta’ dokument.
- Rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni: Awtentikazzjoni permezz tal-gateway tal-gvern elettroniku.
- Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti: Talba għall-provvista ta’ data tar-Reġistru tal-Entitajiet Legali.
Effetti legali ta’ dokumenti elettroniċi: Mhux applikabbli
Possibbiltà li titlesta l-proċedura kompletament online: Iva.
Prezz: It-tariffa tvarja skont it-tip ta’ estratt mir-reġistru jew dokument. Informazzjoni sħiħa dwar il-kategoriji tal-prezz hija disponibbli hawn.
Link: https://www.registrucentras.lt/p/784
[1] Intrapriża individwali, kumpanija b’responsabbiltà limitata, assoċjazzjoni, komunità żgħira, istituzzjoni pubblika, fond ta’ karità u ta’ appoġġ.
[2] L-istatus legali jipprovdi informazzjoni dwar l-istatus kurrenti tal-kumpanija u jekk hijiex fi kwalunkwe proċess li tiġi ristrutturata, likwidata, li tfalli eċċ., jew li l-ebda azzjoni legali ma ttieħdet fil-mument (l-ebda status legali ma ġie rreġistrat).
L-ebda servizz ta’ traduzzjoni pubblika online fil-qasam tal-ġustizzja ma ġie identifikat.