1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?
Il-Belġju għandu forma waħda biss ta’ sħubija rreġistrata, jiġifieri “wettelijke samenwoning” (koabitazzjoni legali). Fil-koabitazzjoni legali, kull wieħed mis-sħab iżomm l-assi li għalihom jista’ jagħti prova ta’ proprjetà. Hemm ukoll koproprjetà, jiġifieri assi li għalihom l-ebda wieħed mis-sħab ma jista’ jagħti prova tal-proprjetà (l-Artikolu 1478, l-ewwel u t-tieni paragrafi, tal-Kodiċi Ċivili l-antik).
2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?
Meta żewġ persuni li jgħixu flimkien jagħmlu dikjarazzjoni ta’ koabitazzjoni legali quddiem ir-reġistratur ċivili tal-muniċipalità tagħhom, isiru sħab rreġistrati. Dikjarazzjoni ta’ koabitazzjoni legali ssir bil-miktub lir-reġistratur ċivili tal-post komuni ta’ residenza tagħhom, li jikkonferma li rċieviha. Sabiex jagħmlu din id-dikjarazzjoni, is-sħab iridu jkunu maġġorenni u jkollhom kapaċità legali. Ma jistgħux ikunu diġà miżżewġin u lanqas ma jistgħu jkunu diġà għamlu dikjarazzjoni ta’ koabitazzjoni legali (l-Artikolu 1475 tal-Kodiċi Ċivili l-antik).
Il-koabitazzjoni legali toħloq għadd ta’ drittijiet u obbligi li ma jistgħux jinbidlu bi ftehim reċiproku. L-ewwel nett, id-dar tal-familja u l-oġġetti tad-dar li jkun fiha huma protetti: sid id-dar tal-familja ma jistax ibigħhom jew jaggravahom b’ipoteka mingħajr il-kunsens tas-sieħeb jew sieħba l-oħra. It-tieni nett, iż-żewġt isħab huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-għajxien flimkien fi proporzjon skont id-daqs tad-dħul rispettiv tagħhom. Fl-aħħar nett, iż-żewġt isħab huma responsabbli b’mod konġunt u separatament għal kwalunkwe dejn li jkollhom waqt li jkunu jgħixu flimkien jew b’rabta mat-trobbija tat-tfal li jgħixu fid-dar tal-familja.
3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?
Il-persuni li jikkoabitaw legalment jistgħu jorganizzaw is-sħubija tagħhom permezz ta’ ftehim magħruf bħala samenlevingsovereenkomst (ftehim ta’ koabitazzjoni). Skont l-Artikolu 1478(4) tal-Kodiċi Ċivili l-antik, ftehimiet bħal dawn iridu jsiru b’att notarili.
Fil-prinċipju, kull wieħed mill-koabitanti legali jżomm l-assi tiegħu stess. Dawn l-assi jibqgħu separati minn xulxin. Għalhekk kull wieħed mis-sħab iżomm dawk l-assi li jkunu l-proprjetà tiegħu u dawk li fir-rigward tagħhom jista’ jagħti prova li huma l-proprjetà tiegħu. Barra minn hekk, kull sieħeb iżomm ukoll kwalunkwe dħul mill-assi msemmija hawn fuq u kwalunkwe dħul mix-xogħol jew minn sostituzzjoni tad-dħul.
L-assi l-oħra kollha huma kkunsidrati li jappartjenu liż-żewġt isħab, skont il-preżunzjoni legali tal-indiviżibilità. Kull sieħeb jitqies li għandu sehem ugwali ta’ dawk l-assi indiviżi, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor u dan ma jkunx intwera kif suppost.
4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?
L-imsieħba li jikkoabitaw legalment m’għandhomx libertà illimitata biex jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom. Ma jistgħux jiddevjaw mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dar tal-familja u r-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet proporzjonati għall-ispejjeż tal-għajxien flimkien. Madankollu, permezz ta’ ftehim ta’ koabitazzjoni jistgħu jestendu sa ċertu punt id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ xulxin. Ftehim bħal dan ma jistax jirrestrinġi l-libertà individwali tas-sħab, u s-sħab iridu josservaw ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Is-sħab lanqas ma jistgħu jirregolaw id-drittijiet tas-suċċessjoni permezz ta’ ftehim ta’ sħubija. Jekk iridu jagħtu lil xulxin drittijiet ta’ suċċessjoni (akbar) jistgħu, pereżempju, jagħmlu testment.
5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
Il-koabitazzjoni legali tista’ tintemm b’dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata bil-kunsens reċiproku tal-koabitanti legali jew unilateralment minn xi ħadd minnhom lir-reġistratur ċivili tal-muniċipalità fejn jgħixu ż-żewġ partijiet jew fejn tgħix waħda minnhom. Barra minn hekk, tintemm meta xi ħadd miż-żewġt isħab imut, jew meta s-sħab jiżżewġu lil xulxin.
Fil-prinċipju, kull sieħeb iżomm l-assi tiegħu stess. Kull sieħeb iżomm dawk l-assi li jkunu l-proprjetà tiegħu fil-bidu tal-koabitazzjoni u dawk li jista’ jipprova li huma l-proprjetà tiegħu. Jekk ikun hemm kredituri, fattura bħala prova tal-proprjetà tista’ tipproteġi l-beni tas-sieħeb li mhuwiex debitur minn kwalunkwe qbid. Kull sieħeb iżomm id-dħul tiegħu mix-xogħol jew dħul ta’ sostituzzjoni, u kull ħaġa oħra titqies li tappartjeni indiviżibbilment lit-tnejn. Kull sieħeb jitqies li għandu sehem ugwali ta’ dawk l-assi indiviżi, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor u dan ma jkunx intwera kif suppost.
6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
Jekk wieħed mis-sħab irreġistrati jmut, is-sieħeb superstiti jirċievi l-użufrutt tal-beni li sservi bħala d-dar ewlenija tal-familja, inklużi l-affarijiet tad-dar (l-Artikolu 4.23 tal-Kodiċi Ċivili). Dan mhux il-każ għal sħubija mhux irreġistrata.
Din il-forma ta’ dritt ta’ suċċessjoni mhijiex dritt ta’ suċċessjoni “riżervat” protett bħal fil-każ tal-koppji miżżewġin. Dan ifisser li s-sieħeb superstiti ma jistax jitlob sehem minimu jekk id-drittijiet tas-suċċessjoni tiegħu jew tagħha jkunu affettwati minn ċerti donazzjonijiet jew legati. Barra minn hekk, sieħeb jista’ jikkanċella dik is-suċċessjoni billi jtemm il-koabitazzjoni legali.
Is-sħab li jixtiequ jagħtu lil xulxin aktar mill-użufrutt tad-dar tal-familja u l-affarijiet tad-dar jistgħu jagħmlu testment. Il-koppji li jikkoabitaw li jixtru dar jistgħu jżidu wkoll klawżola ta’ akkrexximent mal-kuntratt tal-bejgħ tagħhom. Dik il-klawżola tiżgura li s-sieħeb li jgħix aktar ikun jista’ jakkwista l-proprjetà sħiħa tad-dar.
7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
Il-qorti tal-familja għandha ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-implikazzjonijiet ta’ sħubijiet irreġistrati (koabitazzjoni legali) fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà.
8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?
Is-sieħeb l-ieħor huwa wkoll responsabbli in solidum għal kwalunkwe dejn maħluq minn wieħed mis-sħab irreġistrati b’konnessjoni mal-koabitazzjoni u kwalunkwe tifel jew tifla mrobbija minnhom (l-Artikolu 1477(4) tal-Kodiċi Ċivili l-antik). Dan mhux il-każ għal sħubija mhux irreġistrata.
9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru
Fil-prinċipju, kull sieħeb iżomm l-assi tiegħu stess.
Kwalunkwe assi mhux diviż jista’ jiġi likwidat u mqassam b’kunsens komuni. Jekk il-koabitanti legali ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, in-nutar likwidatur maħtur minn qabel mill-qorti tal-familja jabbozza rapport li l-partijiet jistgħu japprovaw. Jekk ma japprovawhx, għandhom jippreżentaw oġġezzjoni formali. Il-qorti tal-familja mbagħad tista’ toħroġ sentenza li tapprova l-abbozz tar-rapport dwar id-diviżjoni tal-assi u tiċħad l-oġġezzjonijiet jew tiddeċiedi li l-oġġezzjonijiet huma fondati (kollha kemm huma jew parzjalment).
10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Dawn jeħtieġ li jiġu traskritti permezz ta’ att notarili fir-reġistru miżmum mill-uffiċċju kompetenti tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dokumentazzjoni Patrimonjali (Algemene Administratie van de Patrimoniumdocumentatie).