Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet
Fil-proċedimenti għal Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, il-qrati kompetenti huma l-qorti distrettwali (sąd rejonowy) jew il-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jkollha ġuriżdizzjoni biex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Jekk il-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti li fid-distrett tagħha l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet għandha tiġi eżegwita jew, meta l-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita fuq dik il-bażi jew meta l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet trid tiġi eżegwita fid-distretti ta’ qrati differenti, il-qorti kompetenti tkun il-qorti distrettwali f’Varsavja.
L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-wybrany-sad-powszechny
Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet
l-awtorità kompetenti hija:
Il-Ministeru tal-Ġustizzja
Dipartiment għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem (Departament Współpracy Międzynarodowej i Praw Człowieka)
Al. Ujazdowskie 11
PL-00-950 Warszawa
tel: +48 22 23 90 870
posta elettronika: sekretariat.dwmpc@ms.gov.pl
Nota: Talba għall-kisba ta’ informazzjoni dwar il-kont trid issir bil-miktub u tintbagħat bil-posta fl-indirizz ta’ hawn fuq. Il-prova tal-ħlas tat-tariffa trid tkun mehmuża mat-talba għall-kisba ta’ informazzjoni dwar il-kont. Talba biex tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet mibgħuta lill-Ministru għall-Ġustizzja skont l-Artikolu 14 tar-Regolament trid tispeċifika l-informazzjoni li ġejja dwar id-debitur:
a) meta d-debitur ikun persuna fiżika:
– isem/ismijiet u kunjom (obbligatorji).
L-elementi fakultattivi li għandhom jiġu pprovduti jinkludu:
– in-numru ta’ identifikazzjoni personali nazzjonali (PESEL) jew, fin-nuqqas ta’ numru tal-PESEL, numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità
u/jew
– id-data tat-twelid u l-indirizz,
skont liema mill-punti ta’ informazzjoni fakultattiva ta’ hawn fuq ikun disponibbli.
b) meta d-debitur ikun persuna ġuridika jew entità organizzazzjonali oħra (mhux persuna ġuridika iżda b’kapaċità ġuridika): l-isem sħiħ (obbligatorju), in-numru tar-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali (KRS) jew in-Numru ta’ Identifikazzjoni tat-Taxxa (NIP) jew in-numru tar-Reġistru Ekonomiku Nazzjonali (REGON) jew, fin-nuqqas ta’ dan, numru minn reġistru rilevanti ieħor li fih huwa inkluż il-korp u l-uffiċċju rreġistrat tiegħu.
Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet
Il-Ministru għall-Ġustizzja, bħala l-awtorità kompetenti, jikseb informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji minn reġistru ċentrali tal-kontijiet li, fuq talba tal-Ministru, jiġbor tali informazzjoni mill-banek kollha li joperaw fil-Polonja u jaggregaha għall-Ministru.
Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet
Il-qrati Reġjonali (sądy okręgowe) (permezz tal-qrati distrettwali (sądy rejonowe)) – f’każijiet ta’ ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet maħruġa minn qrati distrettwali, u l-qrati tal-appell (permezz tal-qrati reġjonali) – f’każijiet ta’ Ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet maħruġa minn qrati reġjonali.
L-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-wybrany-sad-powszechny
Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra
uffiċjali ġudizzjarji (Komornicy sądowi)1.
Lista u dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjali ġudizzjarji: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-komornika-sadowego
N.B.:
Fil-prinċipju, Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tiġi eżegwita mill-uffiċjal ġudizzjarju (komornik sądowy) b’ġuriżdizzjoni ġenerali fuq id-debitur, li ġeneralment ikun l-uffiċjal ġudizzjarju li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu tinsab ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur.
Madankollu, il-kredituri għandhom id-dritt li jagħżlu uffiċjal ġudizzjarju huma stess (il-kredituri li jagħżlu li jagħmlu dan iridu jinkludu mar-rikors tagħhom dikjarazzjoni bil-miktub li qed jagħmlu użu minn dan id-dritt); f’ċerti każijiet speċifikament previsti fir-regoli, uffiċjal ġudizzjarju magħżul minn kreditur b’dan il-mod jista’ jirrifjuta li jaċċetta t-talba.
Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet
Uffiċjali ġudizzjarji (Komornicy sądowi)[1].
Lista u dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjali ġudizzjarji: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-komornika-sadowego
[1] Fil-prinċipju, Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tiġi eżegwita mill-uffiċjal ġudizzjarju (komornik sądowy) b’ġuriżdizzjoni ġenerali fuq id-debitur, li ġeneralment ikun l-uffiċjal ġudizzjarju li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu tinsab ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur.
Madankollu, il-kredituri għandhom id-dritt li jagħżlu uffiċjal ġudizzjarju huma stess (il-kredituri li jagħżlu li jagħmlu dan mar-rikors tagħhom iridu jinkludu dikjarazzjoni bil-miktub li qed jagħmlu użu minn dan id-dritt); f’ċerti każijiet speċifikament previsti fir-regoli, uffiċjal ġudizzjarju magħżul minn kreditur b’dan il-mod jista’ jirrifjuta li jaċċetta t-talba.
Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati
a) kontijiet konġunti
Id-dejn jista’ jiġi ssekwestrat minn kont konġunt miżmum għad-debitur u għal partijiet terzi abbażi ta’ ordni ta’ preservazzjoni maħruġa kontra d-debitur. Bħala regola, l-ambitu ta’ tali sekwestru jiġi ddeterminat mill-ftehim li jirregola l-operat tal-kont konkluż mid-detenturi tal-kont (inkluż id-debitur) mal-bank. Jekk il-ftehim ma jispeċifikax is-sehem ta’ kull detentur ta’ kont konġunt jew meta d-debitur ma jissottomettix il-ftehim lill-uffiċjal ġudizzjarju fi żmien ġimgħa, ikun preżunt li l-ishma tad-detenturi tal-kont ikunu ndaqs. Wara li jiġi ddeterminat is-sehem tad-debitur f’kont konġunt, is-sehem li jifdal ikun eżentat mis-sekwestru.
b) kontijiet ta’ mandatarju
Fondi f’kont ta’ mandatarju (li fih jistgħu jinżammu biss fondi fdati lid-detentur ta’ kont minn parti terza – abbażi ta’ ftehim separat) ma jistgħux jiġu ssekwestrati abbażi ta’ ordni maħruġa kontra debitur li jkun id-detentur tal-kont tal-mandatarju (bħala fiduċjarju). Madankollu, is-sekwestru ta’ kont ta’ mandatarju ma huwiex prekluż jekk id-debitur ikun il-persuna li tkun fdat dawk il-fondi lill-mandatarju (bħala fiduċjarju).
Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid
– il-fondi tad-debitur miżmuma f’kont bankarju sa 75 % tal-paga minima f’kull xahar kalendarju li fih is-sekwestru jkun effettiv huma eżenti mis-sekwestru, irrispettivament mis-sors ta’ dawk il-fondi[1]
– l-ammonti kollha miżmuma fil-kont bankarju tad-debitur li jkunu ġejjin minn: manteniment; benefiċċji fi flus imħallsa fil-każ ta’ eżekuzzjoni mhux effettiva ta’ ordnijiet ta’ manteniment; benefiċċji tal-familja; allowances tal-familja, allowances għall-kura, allowances tal-maternità, allowances għat-tfal li jkunu tilfu ż-żewġ ġenituri tagħhom; allowance tal-persuni li jindukraw; benefiċċji tal-assistenza soċjali; benefiċċji ta’ riabilitazzjoni; benefiċċji edukattivi; benefiċċji, allowances, fondi għall-manutenzjoni tal-bini u ammonti oħra mogħtija skont il-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ lill-familji u s-sistema tal-foster care [2].
[1] Il-paga minima tiġi ddeterminata kull sena għas-sena sussegwenti permezz ta’ regolament tal-Kunsill tal-Ministri. Il-paga medja fix-xahar ta’ Ġunju 2023 kienet ta’ PLN 7 333.73.
[2] L-Att tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-appoġġ għall-familja u s-sistema tal-foster care(Ustawa z dnia 9 czerwca 2011 r. o wspieraniu rodziny i systemie pieczy zastępczej)
Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi
Bank jista’ jitlob tariffi għat-tħejjija, it-tfassil u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni koperta mis-segretezza bankarja awtorizzata bil-liġi lil persuni, korpi u istituzzjonijiet, u għat-twettiq ta’ operazzjonijiet oħra (mhux imsemmija b’mod espliċitu fl-Att).
Dawn it-tariffi jistgħu għalhekk jikkostitwixxu parti mill-ispejjeż tal-proċedura ta’ preservazzjoni mwettqa abbażi tal-ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali (l-ispejjeż tal-proċedura huma l-ispejjeż kollha li jinħolqu b’rabta ma’ dik il-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-kollettur tad-dejn involut fl-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ preservazzjoni).
Għaldaqstant, uffiċjal ġudizzjarju jista’ jitlob ħlas bil-quddiem fuq it-tariffa msemmija hawn fuq mill-parti li talbet l-eżekuzzjoni – f’dan il-każ, il-kreditur, li jagħmel l-eżekuzzjoni kondizzjonali fuq il-ħlas tiegħu.
L-uffiċjal ġudizzjarju joħroġ ordni biss fir-rigward tal-ammont tal-ispejjeż tal-proċedura ta’ preservazzjoni u jissottomettiha lill-qorti.
Fuq inizjattiva proprja, il-qorti tiddeċiedi liema parti fl-aħħar mill-aħħar għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċedura ta’ preservazzjoni fid-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, l-ispejjeż tal-proċedura ta’ preservazzjoni li jinħolqu aktar tard jiġu deċiżi, fuq talba tal-parti, mill-qorti li tkun tat l-ordni ta’ preservazzjoni. Jekk id-deċiżjoni li tagħti l-ordni ta’ preservazzjoni tkun inħarġet qabel il-bidu tal-proċedimenti fil-kawża prinċipali, u l-kreditur ma jkunx ikkonforma mat-terminu stabbilit għall-bidu tagħhom, id-debitur jista’, fi żmien ġimagħtejn mill-iskadenza ta’ dak it-terminu, japplika għall-ispejjeż. F’dak il-perjodu, il-kreditur jista’ jippreżenta rikors bħal dan jekk ma jkunx kompla l-kawża minħabba li d-debitur ikun issodisfa l-pretensjoni tiegħu.
Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni
a) tariffa ta’ PLN 50 għat-talba għall-kisba ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet mibgħuta lill-Ministru għall-Ġustizzja skont l-Artikolu 14 tar-Regolament.
Nota: It-tariffa tista’ titħallas bi trasferiment fil-kont kurrenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Nru tal-kont (NRB): Narodowy Bank Polski O/O Varsavja 77 1010 1010 0400 1922 3100 0000.
Dettalji tal-kont ta’ hawn fuq meħtieġa għal trasferimenti minn barra l-pajjiż:
IBAN: PL 77 1010 1010 0400 1922 3100 0000.
BIC: NBPL PLPW.
Il-prova tal-ħlas tat-tariffa trid tkun mehmuża mat-talba għall-kisba ta’ informazzjoni dwar il-kont. Wara li tkun tħallset din it-tariffa, il-Ministru għall-Ġustizzja se jieħu azzjoni biex jikseb informazzjoni.
b) Skont l-Artikolu 31 tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji tat-28 ta’ Frar 2018:
1. It-tariffa fissa għal rikors għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni monetarja jew Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet hija ta’ PLN 300.
2. Jekk tiġi eżegwita pretensjoni monetarja jew Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, l-uffiċjal ġudizzjarju jimponi tariffa proporzjonali ekwivalenti għal 10 % tal-valur tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni. It-tariffa titnaqqas bl-ammont tat-tariffa miġbura skont il-paragrafu 1. Jekk ikun meħtieġ li espert jivvaluta l-valur tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jitlob lill-kreditur jagħmel ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż konnessi biex tinkiseb opinjoni ta’ espert. Jekk ma jsirx il-ħlas bil-quddiem, il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 824(1)(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tas-17 ta’ Novembru 1964 jitwaqqfu wara xahar.
2a. Jekk il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni monetarja jew Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet jitwaqqfu fuq talba tal-kreditur jew skont l-Artikolu 824(1)(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tas-17 ta’ Novembru 1964, il-kreditur jintalab iħallas tariffa proporzjonali ekwivalenti għal 5% tal-valur tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni. Madankollu, jekk il-kreditur juri li r-raġuni għall-waqfien tal-proċedimenti hija marbuta mal-eżekuzzjoni tal-obbligu mid-debitur, tiġi imposta tariffa proporzjonali fuq il-kreditur ekwivalenti għal 2% tal-valur tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni.
Nota:
Meta jippreżenta rikors lill-uffiċjal ġudizzjarju għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni monetarja, il-kreditur huwa meħtieġ iħallas tariffa ta’ PLN 300. Huwa biss wara li tkun tħallset it-tariffa fissa li l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jieħu passi biex jeżegwixxi t-talba tal-kreditur. Jekk il-kreditur jonqos milli jħallas it-tariffa wara li jkun l-ewwel intalab jagħmel dan mill-uffiċjal ġudizzjarju fit-terminu preskritt, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tirritorna r-rikors.
Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti
Is-sekwestru ta’ kont bankarju abbażi ta’ ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali ma jipprekludix sekwestru ieħor tal-istess kont abbażi ta’ ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali sussegwenti. L-ordni ta’ sekwestru abbażi ta’ ordnijiet ta’ preservazzjoni nazzjonali ma għandha l-ebda effett fuq eżekuzzjonijiet futuri.
Lanqas is-sekwestru ta’ kont bankarju abbażi ta’ ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali ma jipprekludi s-sekwestru sussegwenti tal-istess kont abbażi ta’ titolu eżekuttiv jew eżekuzzjoni minn dak il-kont abbażi ta’ dak it-titolu. F’każ li din l-eżekuzzjoni tibda u l-ammont miżmum fil-kont ma jissodisfax bis-sħiħ il-pretensjonijiet koperti mit-titolu eżekuttiv u mill-ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali, il-kreditur li jkollu l-ordni ta’ preservazzjoni nazzjonali jista’ jipparteċipa fid-distribuzzjoni tal-ammont miksub mill-eżekuzzjoni. L-ammont attribwibbli lil tali kreditur mid-distribuzzjoni jitqiegħed f’kont ta’ depożitu speċjali, li minnu jista’ jitħallas mal-preżentazzjoni tat-titolu eżekuttiv rilevanti.
Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju
Il-qorti distrettwali (sąd rejonowy) jew il-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tisma’ l-każ fil-prim’istanza, għandha tali ġuriżdizzjoni. Jekk il-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti li fid-distrett tagħha l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet għandha tiġi eżegwita jew, meta l-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita fuq dik il-bażi jew meta l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet trid tiġi eżegwita fid-distretti ta’ qrati differenti, il-qorti kompetenti tkun il-qorti distrettwali f’Varsavja.
L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-wybrany-sad-powszechny
Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell
Il-qrati reġjonali (sądy okręgowe) (permezz tal-qrati distrettwali (sądy rejonowe) li kontra d-deċiżjoni tagħhom ikun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 34 u li għandhom ġuriżdizzjoni biex joħorġu ordni ta’ preservazzjoni). Il-qrati tal-appell (permezz ta’ qrati reġjonali li kontra d-deċiżjoni tagħhom ikun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 34 u li jkunu kompetenti biex joħorġu ordni ta’ preservazzjoni).
L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati: https://www.gov.pl/web/sprawiedliwosc/znajdz-wybrany-sad-powszechny
Appell (zażalenie) jista’ jitressaq fi żmien sebat ijiem min-notifika ta’ ordni maħruġa bħala riżultat tal-eżami ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 33, l-Artikolu 34 jew l-Artikolu 35 tar-Regolament [1].
[1] Jekk – għalkemm dan rarament iseħħ – tkun inħarġet ordni f’seduta u parti tkun naqset milli titlob notifika tad-digriet fit-terminu preskritt (sebat ijiem wara li tinħareġ l-ordni), it-terminu ta’ sebat ijiem għall-preżentata ta’ appell jingħadd mill-jum li fih tinħareġ l-ordni.
Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti
Għas-sottomissjoni, għall-emendar jew għall-irtirar ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, titħallas tariffa tal-qorti ta’ PLN 100.
Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti
Ma hija prevista l-ebda lingwa oħra għajr il-Pollakk.