L-Artikolu 3(1) – Aġenziji mittenti
Fid-Danimarka, il-qrati jinħatru bħala aġenziji mittenti.
L-Artikolu 3(2) – Aġenziji riċeventi
Fid-Danimarka, il-Ministeru tal-Ġustizzja jinħatar bħala l-aġenzija riċeventi.
L-Artikolu 3(4)(c) – Mezzi biex jirċievu d-dokumenti
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, bħala l-aġenzija riċeventi, jista’ jirċievi d-dokumenti mibgħuta bil-posta elettronika lil jm@jm.dk b’kopja lil insolvensretskontoret@jm.dk, jew bil-posta fiżika.
L-Artikolu 3(4)(d) – Lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I
Il-formoli fl-Anness I jistgħu jimtlew bid-Daniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
L-Artikolu 4 – Korp ċentrali
Fid-Danimarka, il-Ministeru tal-Ġustizzja jinħatar bħala l-korp ċentrali.
L-Artikolu 7 – Assistenza f’inkjesti dwar indirizzi
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jassisti lill-aġenziji mittenti b’mistoqsijiet dwar l-indirizzi kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a).
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jwettaq tfittxija fir-Reġistru Ċentrali tal-Popolazzjoni (CPR). F’każ ta’ mistoqsijiet, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkuntattjat billi tibgħat messaġġ tal-posta elettronika lil jm@jm.dk b’kopja lil insolvensretskontoret@jm.dk.
Jekk l-indirizz indikat fit-talba għal notifika ma jkunx korrett, il-Ministeru tal-Ġustizzja jwettaq tfittxija fir-Reġistru Ċentrali tal-Popolazzjoni fuq inizjattiva proprja.
L-Artikolu 8 – Trażmissjoni tad-dokumenti
Il-Formola A fl-Anness I tista’ timtela bid-Daniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
L-Artikolu 12 – Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument
Mhux applikabbli
L-Artikolu 13 – Data tan-notifika
Id-data tan-notifika fid-Danimarka tiddependi fuq il-metodu ta’ notifka użat.
Fil-każ ta’ notifika b’ittra, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk il-kopja tad-dokument jew il-konferma tar-riċevuta tkun ġiet iffirmata personalment mill-persuna inkwistjoni. In-notifika titqies li tkun saret fid-data li fiha r-riċevitur jindika li jkun irċieva d-dokument. Fejn ma tkun indikata l-ebda data tar-riċevuta, jew fejn id-data tar-riċevuta indikata tkun aktar tard mid-data tat-timbru tal-posta fuq id-dokument mibgħut lura, in-notifika titqies li tkun saret fid-data tat-timbru tal-posta, ara l-Artikolu 156 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejelovens § 156).
Fil-każ ta’ notifika bit-telefon, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk il-persuna tirrikonoxxi li hija l-persuna li lilha għandu jiġi nnotifikat id-dokument, u titqies li tkun fehmet il-konverżazzjoni telefonika. In-notifika titqies li tkun saret fid-data li fiha d-dokument ikun ġie ppreżentat lill-persuna kkonċernata bit-telefon, ara l-Artikolu 156a tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejelovens § 156 a).
Fil-każ ta’ notfika diġitali, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk il-persuna inkwistjoni tikkonferma li tkun irċeviet id-dokument permezz ta’ messaġġ mibgħut permezz ta’ komunikazzjoni diġitali bl-użu ta’ firma diġitali, jew inkella permezz ta’ kopja tad-dokument iffirmata personalment. In-notifika titqies li tkun saret fid-data li fiha r-riċevitur jindika li jkun irċieva d-dokument. Fejn ma tkun indikata l-ebda data tar-riċevuta, jew fejn id-data tar-riċevuta indikata tkun aktar tard mid-data tar-riċevuta reġistrata għall-konferma trażmessa diġitalment jew mid-data tat-timbru tal-posta fuq id-dokument mibgħut lura, in-notifika titqies li tkun saret fid-data tad-data tar-riċevuta reġistrata jew fid-data tat-timbru tal-posta, ara l-Artikolu 156b tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejelovens § 156).
Fil-każ ta’ notfika diġitali simplifikata, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk id-dokument, il-messaġġ li miegħu jkun mehmuż id-dokument, jew anness jew dokument ieħor li jkun mehmuż mal-messaġġ jinfetaħ jew jiġi pproċessat mod ieħor. In-notifika titqies li tkun twettqet fid-data li fiha d-dokument, l-anness jew il-messaġġ li miegħu jkun mehmuż id-dokument jinfetaħ jew jiġi pproċessat mod ieħor, ara l-Artikolu 156c tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejelovens § 156 c).
L-Artikolu 14 – Ċertifikat tan-notifika u kopja tad-dokument notifikat
Tista’ tintuża kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni biex timtela l-Formola K fl-Anness I.
Id-Danimarka (bħala l-Istat Membru ta’ oriġini) timla l-Formola K fl-Anness I bid-Daniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
L-Artikolu 15 – Spejjeż tan-notifika
Ma jsirx ħlas għan-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.
L-Artikolu 17 – Notifika minn aġenti diplomatiċi jew uffiċjali konsulari
Mhux applikabbli
L-Artikolu 19 – Servizz elettroniku
Mhumiex imposti kundizzjonijiet addizzjonali.
L-Artikolu 20 – Notifika diretta
Fid-Danimarka, mhuwiex possibbli li persuna b’interess fi proċedimenti ġudizzjarji twettaq notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta’ uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra.
Fid-Danimarka, il-proċedimenti ta’ qorti ċivili jridu jinbdew permezz tal-portal MinRetssag (Il-proċedimenti ġudizzjarji tiegħi). Wara, is-sistema tfassal awtomatikament dokument li jkun jibda proċedimenti fuq il-bażi tal-informazzjoni mdaħħla. L-individwu, il-kumpanija jew l-awtorità pubblika li jinbdew il-proċedimenti kontrihom, jiġu mbagħad innotifikati permezz ta’ posta diġitali jew notifika tad-dokument li jniedi l-proċedimenti.
L-Artikolu 22 – Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti
L-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, li jirreferi għal deċiżjonijiet f’każijiet fejn il-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti, japplika fid-Danimarka, ara l-Artikolu 5(1) tal-Ordni dwar it-traspożizzjoni tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti (riformulazzjoni) (bekendtgørelse om gennemførelse af forkyndelsesforordningen (omarbejdning)) (il-link se tiġi pprovduta wara li tinħoloq).
Fid-Danimarka, talba taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti għall-eżami mill-ġdid ta’ każ fejn il-konvenut ma deherx għall-proċedimenti trid issir mhux aktar tard minn sena wara d-data tas-sentenza, ara l-Artikolu 5(2) tal-Ordni dwar it-traspożizzjoni tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti (riformulazzjoni).
L-Artikolu 29 – Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri
Il-Konvenzjoni Nordika dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet ġudizzjarji tas-26 ta’ April 1974 (Den nordiske overenskomst af 26. april 1974 om gensidig retshjælp) tapplika wkoll fil-każ ta’ talba għal notifika ta’ dokumenti bejn id-Danimarka u l-pajjiżi Nordiċi l-oħra, ara l-Artikolu 6 tal-Ordni dwar it-traspożizzjoni tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti (riformulazzjoni).
L-Artikolu 33(2) – Notifika dwar l-użu bikri tas-sistema tal-IT deċentralizzata
Mhux applikabbli