Proċedura dwar "l-ordni ta' pagament" - Portugall

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-proċedura tapplika kull meta parti tkun tixtieq li jiġi kkonferit status eżekutorju fuq talba għas-sodisfazzjon ta' obbligi pekunjarji li jiġu minn kuntratti li ma jkunux jammontaw għal aktar minn € 15 000.00 jew obbligi li jiġu minn tranżazzjonijiet kummerċjali, irrispettivament mill-valur tagħhom.

Għall-finijiet ta' din il-proċedura, tranżazzjoni kummerċjali titqies li hi kull negozju "bejn impriżi jew bejn impriżi u entitajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta' oġġetti jew il-provvediment ta' servizzi bi ħlas" - l-Artikolu 3(b) Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidatad-Digriet Liġi Nru 62/2013 tal-10 ta' Mejju 2013, li tittrasponi d-Direttiva Nru 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 fil-liġi Portugiża.

Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, il-proċedura ma tkoprix "kuntratti konklużi ma' konsumaturi", "imgħax fuq ħlasijiet oħrajn li ma kinux saru bħala rimunerazzjoni ta' tranżazzjonijiet kummerċjali" jew "ħlasijiet li jkunu saru għall-finijiet ta' kumpens għal responsabbiltà ċivili, inklużi ħlasijiet minn kumpaniji assigurattivi" (l-Artikolu 2(2) tal-istess Digriet Liġi).

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti, l-obbligi pekunjarji li jiġu minn kuntratti jistgħu jiġu reklamati skont ir-regoli tal-ordnijiet ta' ħlas Portugiżi sakemm il-valur tagħhom ma jkunx jaqbeż il-€ 15 000.00.

Madankollu, kif diġà ntqal, ma hemm l-ebda limitu massimu għat-tranżazzjonijiet kummerċjali.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura huwa fakultattiv, jiġifieri mhuwiex impost fuq il-kreditur.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

In-normi ġuridiċi dwar il-proċedura għal ordni ta' ħlas ma jeskludux każijiet fejn id-debitur ikun jgħix barra l-Portugall.

1.2 Il-qorti kompetenti

Rikorsi għal ordnijiet ta' ħlas jistgħu jitressqu fuq karta jew f'format elettroniku, tkun fejn tkun fil-pajjiż, fil-qrati ta' kull distrett kompetenti li jirċevihom. F'dawn il-każijiet, il-qrati jgħaddu r-rikors elettronikament lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta' Ħlas [Balcão Nacional de Injunções].

L-avukati jew il-konsulenti legali jridu jressqu r-rikorsi għal ordnijiet ta' ħlas elettronikament u jistgħu jagħmlu dan minn fejn ikunu fil-pajjiż - ma hemmx għalfejn imorru personalment fir-reġistru jew qorti biex jibagħtuhom (cf. l-Artikolu 19(1) tar-regoli annessi mad-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDigriet Liġi Nru 269/98 tal-1 ta' Settembru 1998, kif emendat mid-Digriet Liġi Nru 34/2008 tas-26 ta' Frar 2008).

Issa huwa possibbli li l-utenti jsegwu l-progress tal-proċedura elettronikament grazzi għat-twaqqif ta' Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta' Ħlas, reġistru uniku li jieħu ħsieb l-ipproċessar tal-ordnijiet ta' ħlas. L-avukati u l-konsulenti legali jistgħu jaċċessaw l-formola elettronika permezz ta' Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://citius.tribunaisnet.mj.pt/. Jista' jinħoloq titolu eżekuttiv elettronikament fir-rigward ta' rikors għal ordni ta' ħlas. Dan jista' jiġi aċċessat mir-rikorrent permezz tal-paġna fuq l-internet tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Kull titolu eżekuttiv jingħata referenza unika, li tippermetti lir-rikorrent u lil kull entità oħra li jagħtiha r-referenza biex jiċċekkjah.

Il-proċedura hija rregolata minn regoli speċifiċi stipulati fil-liġi rilevanti u, f'oqsma mhux koperti minn dawk ir-regoli, mir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni.

Biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 8(4) tal-anness mad-Digriet Liġi Nru 169/98 tal-1 ta' Settembru 1998, twaqqaf reġistru ġenerali msejjaħ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta' Ħlas permezz tal-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 220-A/2008 tal-4 ta' Marzu 2008 u ngħata kompetenza esklussiva għall-ipproċessar tal-ordnijiet ta' ħlas mat-territorju nazzjonali kollu.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Skont l-Artikolu 10 tal-anness imsemmi hawn qabel tad-Digriet Liġi Nru 269/98, fir-rikors għal ordni ta' ħlas ir-rikorrent irid:

a)      jidentifika r-reġistru tal-qorti li r-rikors huwa indirizzat lilu;

b)      jidentifika l-partijiet;

c)      jindika l-post fejn trid issir in-notifika, u jiddikjara hux il-post tar-"residenza" maqbul fil-kuntratt miktub;

d)     jistabbilixxi fil-qosor il-fatti li huma l-bażi tal-pretensjoni;

e)      jifformula t-talba u jispeċifika l-valur tad-dejn prinċipali, l-imgħax dovut u ammonti pagabbli oħrajn;

f)       jikkonferma li t-tariffi tal-qorti tħallsu;

g)      jiddikjara, fejn xieraq, li l-pretensjoni hija relatata ma' "tranżazzjoni kummerċjali" koperta mil-liġi li tistabbilixxi arranġamenti speċjali għal ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali (id-Digriet Liġi Nru 32/2003 tas-17 ta' Frar 2003);

h)      jiddikjara l-post tar-residenza tiegħu;

i)        jiddikjara l-indirizz elettroniku tiegħu, jekk jixtieq jirċievi komunikazzjonijiet jew li jkun innotifikat b'dan il-mezz;

j)        jiddikjara jixtieqx li l-kawża tipproċedi bħala azzjoni dikjaratorja, jekk in-notifika ma titħalliex issir;

k)      jispeċifika l-qorti bil-ġuriżdizzjoni li tivvaluta d-dokumenti, jekk il-kawża tkun se tipproċedi bħala azzjoni dikjaratorja;

l)        jiddikjara jekk jixtieqx li ssir notifika permezz ta' konsulent jew rappreżentant legali tal-eżekuzzjoni u, jekk ikun hekk jixtieq, jiddikjara isem il-persuna u l-indirizz tan-negozju;

m)    jiffirma r-rikors.

L-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 220-A/2008 tal-4 ta' Marzu 2008 tistipula dan li ġej fir-rigward tal-modi ta' kif wieħed għandu jibgħat jew iressaq rikorsi għal ordnijiet ta' ħlas:

"1. Fir-rigward tal-mezz:

a)      fajl tal-kompjuter f'format XML, bl-ispeċifikazzjonijiet ippubblikati fil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaPortal Citius;

b)      fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidakarta, bl-użu tal-formola approvata mill-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 808/2005 tad-9 ta' Settembru 2005;

c)      permezz ta' formola elettronika.

2. Fir-rigward tal-mod tal-konsenja:

2.1. F'fajl tal-kompjuter

a) Bl-internet għal min juża s-sistema Citius (bħalissa avukati u konsulenti legali biss);

b) Personalment fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta' Ħlas, fuq mezz fiżiku xieraq (floppy disc, CD-ROM, USB flash drive), għall-proċessi sottomessi fid-distrett ta' Porto biss, skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Liġi Nru 269/98 tal-1 ta' Settembru, u biss meta r-rikorrenti ma jkunux rappreżentati minn avukati jew konsulenti legali;

c) Personalment fir-reġistru ġudizzjarju kompetenti, b'konformità mal-Artikolu 8 tar-regoli annessi mad-Digriet Liġi Nru 269/98 tal-1 ta' Settembru 1998. Ir-rikorrenti li mhumiex rappreżentati minn avukati jew konsulenti legali biss jistgħu jressqu ordnijiet ta' ħlas f'fajl f'dawn ir-reġistri ġudizzjarji.

2.2. Fuq karta jew ikkonsenjati personalment

Fir-reġistri ġudizzjarji kompetenti, b'konformità mal-Artikolu 8 tar-regoli annessi mad-Digriet Liġi Nru 269/98 tal-1 ta' Settembru 1998.

2.3. Permezz ta' formola elettronika

Bl-internet (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://citius.tribunaisnet.mj.pt/)għal min juża s-sistema Citius (bħalissa avukati u konsulenti legali biss).

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Trid tintuża l-formola għal rikors għal ordnijiet ta' ħlas approvati mill-Ordni ta' Implimentazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-formola tista' titniżżel mill-portal Citius f'żewġ formati elettroniċi użati ħafna.

Il-formola mudell tista' tinkiseb ukoll fuq talba lir-reġistri tal-qorti kompetenti li jirċievu r-rikorsi għal ordnijiet ta' ħlas.

Avukati u konsulenti legali jistgħu jsibu l-formola fl-indirizz Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://citius.tribunaisnet.mj.pt/.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Mhux obbligatorju li tkun rappreżentat minn avukat f'din il-proċedura, imma ma hemm xejn li jipprevjeni lir-rikorrenti milli jqabbdu rappreżentant legali jekk ikunu jixtiequ.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-liġi li tistipula r-regoli għall-proċedura ta' ħlas teħtieġ biss li r-rikorrenti jistabbilixxu l-fatti li huma l-bażi tal-pretensjoni tagħhom fil-qosor.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Mhux obbligatorju li tippreżenta provi bil-miktub tal-pretensjoni.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Rikors jista' jiġi miċħud biss jekk:

a) ma jkunx indirizzat lir-reġistru tal-qorti kompetenti jew ir-rikorrent ikun naqas milli jispeċifika "il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex teżamina d-dokumenti", jekk dawn ikunu ppreżentati għad-distribuzzjoni;

b) ma tissemmiex l-identità tal-partijiet, il-post tar-residenza tar-rikorrent jew il-post fejn irid jiġi nnotifikat id-debitur;

c) ma jkunx iffirmat, f'każ biss li ma jkunx tressaq f'format elettroniku;

d) ma jkunx miktub bil-Portugiż;

e) ma jkunx isegwi l-mudell approvat mill-Ordni ta' Implimentazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja;

f) ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li t-tariffi tal-qorti jkunu tħallsu;

g) l-ammont ikkonċernat ikun jaqbeż il-EUR 15 000,00, u ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li kienet involuta tranżazzjoni kummerċjali kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.1;

h) it-talba ma tkunx taqbel mal-ammont jew mal-fini tal-proċedura.

Ma hemm l-ebda eżami preliminari tar-raġunijiet tat-talba, peress li skont din il-proċedura r-rikors ma jkun intbagħat lil ebda awtorità ġudizzjarja, jiġifieri qorti fis-sens proprju tat-terminu, imma jkun sempliċement eżaminat minn uffiċjal ġudizzjarju.

1.5 Appell

Jista' jitressaq appell kontra deċiżjoni li tiċħad rikors mal-imħallef jew, meta l-qorti jkollha iktar minn imħallef wieħed, mal-imħallef tal-għassa.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk tintlaqa' talba għal ordni ta' ħlas, l-intimat ikollu 15-il jum (minn dakinhar li ġie nnotifikat) biex jopponi t-talba.

In-nota tal-eċċezzjonijiet trid tintbagħat f'żewġ kopji.

Meta jkun hemm iktar minn rikorrent wieħed, l-intimat irid jipprovdi l-istess għadd ta' kopji tan-nota tal-eċċezzjonijiet tiegħu daqs kemm hemm rikorrenti li jgħixu f'abitazzjonijiet separati, sakemm ma jkunux rappreżentati mill-istess rappreżentant legali.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jikkontesta t-talba fil-ħin, ma jingħatax l-istatus eżekutorju, jiġifieri id-deċiżjoni ta' eżekuzzjoni ma titfassalx.

Il-kawża mbagħad tiġi ttrattata awtomatikament bħala azzjoni dikjaratorja.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk wara li jkun innotifikat, l-intimat ma jressaqx nota tal-eċċezzjonijiet, ir-reġistratur iżid il-kliem li ġej fuq ir-rikors għal ordni ta' ħlas: "Dan id-dokument għandu effett eżekutorju (l-Artikolu 14(1) tar-regoli annessi mad-Digriet Liġi Nru 269/98). Dan ifisser li d-dokument jista' jintuża bħala bażi għal irkupru ġudizzjarju tal-pretensjoni b'titolu eżekutorju.

L-unika eċċezzjoni għal dan hija jekk it-talba ma tkunx taqbel mal-ammont jew il-fini tal-proċedura, li f'dak il-każ ir-reġistratur ma jikkonferix l-istatus eżekutorju.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-konferiment ta' status eżekutorju mir-reġistratur ma jiddependix minn jekk ir-rikorrent jiħux xi inizjattiva speċifika, imma jsir awtomatikament ladarba jkun ċar li n-notifika saret u ma tressqet l-ebda nota tal-eċċezzjonijiet skont il-proċedura.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Din id-deċiżjoni (l-ordni ta' konferiment ta' status eżekutorju) ma tistax tiġi appellata.

Madankollu, ta' min iżomm f'moħħu li l-konferiment ta' status eżekutorju ma jikkostitwix att ġuriżdizzjonali, jiġifieri intervent minn qorti bil-ħsieb li tindirizza tilwima privata; hija sempliċement att li jiġġenera dokument ekstraġudizzjarju.

Aktar tagħrif


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 30/04/2018