Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Svezja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fl-Iżvezja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Qafas regolatorju li jirregola l-ħlasijiet tal-professjonisti legali

Avukati

Fl-Isvezja, il-ħlasijiet tal-professjonisti legali mhumiex irregolati. Madankollu, jekk tingħata għajnuna legali, tapplika rata ta’ ħlas fis-siegħa stipulata mill-gvern. Fl-2011, din ir-rata kienet, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ta’ SEK 1 166 bil-VAT mhux inkluża (jiġifieri SEK 1 457 bil-VAT inkluża). Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukatura (advokater) jgħid li l-ħlasijiet mitluba mill-membri tal-Avukatura jridu jkunu raġonevoli.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

Għal rikors f'kawża ċivili, ir-rikorrent irid iħallas dritt għall-preżentata lill-qorti. Bħalissa, id-dritt għall-preżentata huwa ta’ SEK 450 (madwar EUR 50).

F'każijiet fejn hija permessa soluzzjoni barra l-qorti u l-valur tal-pretensjoni b'mod ċar ma jaqbiżx nofs l-ammont bażi preskritt mill-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali (l-ammont bażi għall-2012 huwa SEK 44 000; jiġifieri nofs l-ammont bażi għall-2012 huwa SEK 22 000), il-kumpens għall-ispejjeż tal-litigazzjoni ma jistgħux jinkludu nfiq ieħor, ħlief:

  1. L-ispejjeż tal-pariri legali, limitati għal siegħa kull darba fir-rigward ta’ kull kwistjoni li tkun qed tiġi trattata; id-dritt li għandu jitħallas huwa ekwivalenti għall-ħlas ta’ siegħa ta' parir legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali (1996:1619)
  2. It-tariffa għall-applikazzjoni
  3. Spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza mġarrba mill-parti jew mir-rappreżentant legali tal-parti marbuta mal-attendenza għas-smigħ fil-qorti jew, jekk ma jkunx meħtieġ li l-parti tidher quddiem il-qorti, l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mir-rappreżentant legali.
  4. Spejjeż imġarrba mix-xhieda
  5. Spejjeż tat-traduzzjoni

Jingħata kumpens biss jekk l-ispejjeż imġarrba kienu meħtieġa sabiex jitħarsu l-interessi tal-parti konċernata.

Għal kawżi ċivili oħrajn (jiġifieri fejn il-valur tal-pretensjoni jaqbeż nofs l-ammont bażi skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali) ma japplika l-ebda limitu jew spiża fissa ta’ din ix-xorta.

L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Id-dritt għall-preżentata jrid jitħallas lill-qorti meta jsir ir-rikors. Madankollu, l-Att dwar l-Għajnuna Legali jiddikjara li jekk ingħatat għajnuna legali, il-parti għandha tħallas dritt tal-għajnuna legali lir-rappreżentant legali hekk kif jinqalgħu dawn l-ispejjeż. Dan id-dritt huwa prinċipalment ibbażat fuq id-dħul tal-parti.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

Jekk il-qorti taħtar avukat tad-difiża pubbliku għall-imputat, hija applikabbli r-rata ta' dritt fis-siegħa msemmija hawn fuq fit-titolu 'Avukati'. Rigward proċedimenti li ma jiħdux wisq żmien tapplika skeda speċjali. Jekk l-imputat jinstab ħati, huwa jrid iħallas lura lill-Istat il-fondi pubbliċi li ntefqu, skont id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-avukat tad-difiża tiegħu. Madankollu, l-imputat mhux meħtieġ iħallas iktar għas-servizzi tal-avukat tad-difiża mill-ammont li kieku kien iħallas bħala dritt tal-għajnuna legali li kieku ngħata l-għajnuna legali.

F’ċerti każijiet, l-avukat għall-persuna offiża (jiġifieri l-allegata vittma ta’ reat) jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-Att dwar l-Avukat għall-persuna offiża. Il-persuna offiża mhija responsabbli għall-ebda spiża li titħallas lil dan l-avukat. Jekk l-akkużat jinstab ħati, huwa jrid iħallas lura lill-Istat il-fondi pubbliċi li ntefqu, skont id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-avukat għall-persuna offiża. Madankollu, l-imputat mhux meħtieġ iħallas iktar mill-ammont li kien ikollu jħallas li kieku ngħatat l-għajnuna legali.

L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu spejjeż fissi

Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-imputat irid iħallas lura lill-Istat il-fondi pubbliċi li ntefqu, skont id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-avukat tad-difiża tiegħu jew tal-avukat għall-persuna offiża, l-ammont jitħallas wara li jingħata l-verdett.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Fl-Isvezja, m’hemm l-ebda proċediment kostituzzjonali speċjali ta’ din ix-xorta. Madankollu, parti tista’ titlob id-danni mingħand l-Istat talli jkun kiser id-drittijiet tal-bniedem tagħha. Jekk dan iseħħ, japplika r-regolament dwar id-drittijiet tal-professjonisti legali u l-ispejjeż fissi li ssemma iktar ’il fuq.

L-istadju tal-proċediment kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu spejjeż fissi

Tapplika l-informazzjoni li ngħatat iktar 'il fuq.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn membru tal-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukatura rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u l-prospetti tagħhom li jirbħu l-kawża, il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja Svediż jillimita ruħu li jiddikjara li tali membru għandu, fil-prattika tiegħu, iwettaq b’mod onest u diliġenti l-kompiti fdati lilu, u għandu dejjem josserva l-użanzi ta’ avukat tajjeb.

Barra minn hekk, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukatura, membru għandu – mill-bidu nett ta’ xogħlu – jinforma lill-klijent tiegħu bil-politika tal-ħlasijiet u tal-ħruġ tal-fatturi. Skont dan il-Kodiċi, id-drittijiet jistgħu jiġu ddebitati permezz ta’ fattura li tinħareġ rigward parti mix-xogħol li sar, fuq kreditu jew billi tinħareġ fattura ladarba l-biċċa xogħol tkun lesta. Rigward rappreżentanti legali oħrajn li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Svediża, mhuwa stipulat l-ebda obbligu statutorju ta’ din ix-xorta.

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Isvezja?

Rigward l-għajnuna legali, tista’ ssib informazzjoni (anki bl-Ingliż) fuq is-sit elettroniku tal- Awtorità Nazzjonali tal-Għajnuna Legali (Rättshjälpsmyndigheten). Rigward id-drittijiet tal-qrati, tista’ ssib informazzjoni (anki bl-Ingliż) fuq is-sit elettroniku tal-qrati Svediżi. Tista’ wkoll issib informazzjoni (bi kważi l-ilsna uffiċjali tal-UE kollha) fuq is-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam ċivili u kummerċjali.

B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Isvezja?

Kull sit elettroniku jispeċifika x’ilsna huma disponibbli.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam ċivili u kummerċjali.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit elettroniku disponibbli dwar informazzjoni dwar l-ispejjeż

Tista’ ssib informazzjoni dwar l-ispejjeż fis-sit elettroniku tal-qrati Svediżi. Dan huwa s-sit elettroniku uffiċjali tal-gvern li huwa disponibbli bl-Ingliż u bl-Isvediż u jipprovdi deskrizzjoni tal-qrati u tal-proċeduri fil-qrati Svediżi.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

L-għan tal-qrati Svediżi huwa li jittrattaw il-kawżi ċivili fi żmien li medjament ma jiħux iktar minn seba’ xhur fil-qorti distrettwali u 5 xhur fil-qorti tal-appell rispettivament. Madankollu, fl-2011 il-parti l-kbira tal-kawżi ħadu medjament 7.9 xhur fil-qrati distrettwali u ħames xhur fil-qrati tal-appell. Din l-informazzjoni tista’ ssibha (bl-Isvediż biss) fis-sit elettroniku tal-qrati Svediżi, fejn huma disponibbli r-rapporti annwal tal-qrati Svediżi.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċedura partikolari?

Informazzjoni uffiċjali ta’ din ix-xorta mhix disponibbli.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

X’inhuma r-rati tal-VAT applikabbli?

It-tariffi għall-applikazzjonijiet fil-qrati Svediżi huma eżenti mill-VAT. Ir-rata tal-VAT għal servizzi legali privati hija 25%.

Għajnuna Legali

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Sabiex tingħata l-għajnuna legali, id-dħul tar-rikorrent ma jridx jaqbeż limitu finanzjarju, li bħalissa huwa ta’ SEK 260 000 (madwar EUR 25 000). Meta jiġi stmat id-dħul tar-rikorrent, tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ekonomika kollha tiegħu, inklużi, pereżempju, l-ispejjeż għall-manteniment tat-tfal, l-ispejjeż tal-proprjetà jew id-djun. F’kawżi transfruntieri, l-għajnuna legali tista’ tingħata anki jekk id-dħul tar-rikorrent jaqbeż is-SEK 260 000 ladarba huwa ma jkunx jista’ jħallas l-ispejjeż. L-awtorizzazzjoni tkun ibbażata fuq id-differenza bejn l-ispejejż tal-għejxien fl-Isvezja u l-Istat Membru tal-UE ta’ residenza tar-rikorrent.

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, kull imputat huwa intitolat li jiġi rrappreżentat minn avukat tad-difiża pubblika, irrispettivament mid-dħul tiegħu. Jekk l-imputat jinstab ħati, huwa jrid iħallas lura lill-Istat il-fondi pubbliċi li ntefqu, skont id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-avukat tad-difiża tiegħu. Madankollu, l-imputat mhux meħtieġ iħallas iktar għas-servizzi tal-avukat tad-difiża mill-ammont li kieku kien iħallas bħala dritt tal-għajnuna legali li kieku ngħata l-għajnuna legali.

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

Jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, kull vittma – irrispettivament mid-dħul tagħha – hija intitolata għal avukat skont l-Att dwar l-Avukat għall-persuna offiża.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-vittmi

F’ċerti każijiet, il-qorti tista’ taħtar “avukat għall-parti offiża” (advokat), sabiex jassisti lill-vittma. Il-vittma tista’ tingħata assistenza mingħand l-avukat għall-parti offiża jekk tkun il-vittma ta’ reat (parti offiża) u kienet suġġetta għal, pereżempju, offiżasesswali, attakk, deprivazzjoni illegali tal-libertà, serq jew kwalunkwe reat ieħor li jista’ jwassal biex il-persuna li wettqitu tingħata sentenza ta' priġunerija. Il-qorti taħtar lill-avukat għall-parti offiża, imma dan jista’ jsir biss ladarba tkun inbdiet investigazzjoni preliminari. L-avukat għall-parti offiża jitħallas mill-Istat u l-vittma ma tħallas xejn.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-akkużati

Jekk persuna ssuspettata taħt arrest jew persuna miżmuma titlob dan, jinħatar avukat tad-difiża pubblika biex jirrappreżentaha. L-avukat tad-difiża pubblika jinħatar ukoll fuq it-talba ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat, sakemm rigward dak ir-reat il-liġi ma tipprovdix għal sentenza inqas iebsa minn sitt xhur ħabs.

Avukat tad-difiża pubblika jinħatar ukoll fil-każijiet li ġejjin:

  1. Jekk jintalab avukat tad-difiża mill-persuna ssuspettata b'rabta mal-inkjesta tar-reat;
  2. Jekk avukat tad-difiża jkun meħtieġ minħabba dubju rigward il-kastig li se jiġi impost u jkun hemm raġuni biex ikun impost kastig li ma jkunx multa jew sentenza kondizzjonata jew dawn il-kastigi flimkien;
  3. Jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi marbuta mas-sitwazzjoni personali tal-persuna ssuspettata jew mas-suġġett tal-każ.

Jekk il-persuna suspettata tkun rappreżentata mill-avukat tad-difiża li tagħżel hija, ma jinħatar l-ebda avuvkat tad-difiża pubblika.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

Jekk tingħata l-għajnuna legali, il-kwerelant ma jħallasx dritt għall-preżentata lill-qorti. L-imputat ma jħallas l-ebda dritt lill-qorti. Madankollu, il-partijiet jistgħu jbatu l-ispejjeż tal-litigazzjoni tal-parti l-oħra, inklużi d-drittijiet għall-preżentata. Ma hemm l-ebda dritt għall-preżentata għall-appelli li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Appell u l-Qorti Suprema.

Il-parti li titlef meta għandha tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Bħala regola, il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-litigazzjoni mġarrba mill-parti li tirbaħ. Il-kumpens għall-ispejjeż tal-litigazzjoni jkopri l-ispejjeż kollha marbuta mat-tħejjija għall-proċess quddiem il-qorti u mar-rappreżentanza minn avukat fil-qorti, u l-ispejjeż marbuta mal-preżentazzjoni ta' provi (inklużi x-xhieda u l-esperti), sakemm dawn l-ispejjeż kienu meħtieġa biex jitħarsu l-interessi tal-parti. Jitħallas kumpens anki għaż-żmien iddedikat u għall-isforzi li jkunu saru mill-parti li tirbaħ minħabba li proċess quddiem il-qorti. Negozjati li jkunu twettqu bil-għan li l-kwistjoni tissolva u li jkollhom effett dirett fuq l-azzjoni tal-parti, jitqiesu li kienu miżuri meħuda bi tħejjija għall-proċess quddiem il-qorti.

Drittijiet tal-esperti

It-tweġiba preċedenti rigward l-għoti ta’/il-kumpens għall-ispejjeż hija rilevanti.

Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti

Jekk parti, xhud jew kwalunkwe persuna oħra li għandha tinstema’ mil-qorti ma tifhimx u ma titkellimx bl-Iżvediz, jitqabbad interpretu biex jassisti lill-qorti. Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista’ tipprovdi biex issir traduzzjoni tad-dokumenti ppreżentati lilha jew mibgħuta minnha. Il-qorti tħallas it-tariffi tat-traduzzjoni u tal-interpretar u l-partijiet mhuma responsabbli għall-ebda minn dawn l-ispejjeż.

Dokumenti relatati

Ir-rapport tal-Isvezja tal-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż tal-Proċedimenti Ġudizzjari Ċivili PDF (457 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 19/03/2013

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.