Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Il-Qrati Nazzjonali

Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

L­Ombudsman

Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

Oħrajn

Il-Qrati Nazzjonali

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-qrati u t-tribunali kriminali, ċivili u tal-familja fl-Ingilterra u Wales u tribunali mhux devoluti fl-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq. Dan jipprovdi sistema ġudizzjarja ġusta, effiċenti u effikaċi permezz ta' ġudikatura indipendenti.

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha għandu l-għan li jiżgura li ċ-ċittadini kollha jirċievu aċċess f'waqtu skont il-bżonnijiet differenti tagħhom, ikunux vittmi jew xhieda ta' delitti, akkużati ta' delitti, konsumaturi midjunin, tfal fir-riskju li jsirilhom xi deni, negozji involuti f'tilwim kummerċjali jew individwi li jasserixxu d-drittijiet tal-impjiegi tagħhom jew jisfidaw id-deċiżjonijiet tal-entitajiet governattivi.

Għal informazzjoni dwar kif tikkuntattja lill-qrati żur Kuntatti tal-qrati

Għal informazzjoni dwar kif tikkuntattja lit-tribunali żur Kuntatti tat-tribunali

Tagħrif Addizzjonali

Proċedimenti ċivili

  1. Fl-Ingilterra u Wales il-proċedimenti ċivili jinbdew mill-persuna aggravata, li tissejjaħ il-"claimant" (l-attur). Ma hemm bżonn tal-ebda inkjesta preliminari dwar l-awtentiċità tal-aggravju. Il-mod kif normalment jinbdew il-proċedimenti ċivili, kemm fil-Qorti Superjuri u kemm fil-Qorti tal-Kontea, huwa bil-ħruġ ta' dokument magħruf bħala "claim form" (formola għat-talba). L-istadji bikrin tal-proċedimenti ċivili huma ddominati mill-iskambju tal-istqarrijiet formali tal-każ mill-partijiet rispettivi.
  2. Il-proċedimenti ċivili normalment ikunu jistgħu jiġu abbandunati jew jintemmu permezz ta' kompromess fi kwalunkwe ħin. Azzjonijiet imtella' quddiem il-qorti normalment jiġu ġġudikati minn imħallef mingħajr ġurija. Madankollu, bil-kundizzjoni tal-qbil tal-qorti hemm id-dritt ta' smigħ tal-kawża b'ġurija f'azzjonijiet li jinvolvu kawżi ta' qerq, libell, malafama, prosekuzzjoni malizjuża u pruġunerija fuq akkużi foloz. Il-ġurija tiddeċiedi l-kwistjonijiet ta' fatt u ta' danni mogħtija lill-parti offiża. Il-verdetti għandhom normalment ikunu unanimi, imma jekk ġurija ma tkunx tista' taqbel jiġi aċettat verdett tal-maġġoranza.
  3. Jekk parti tirrifjuta li tikkonforma ma' sentenza jew ordni tal-qorti, jeżistu għadd ta' proċeduri ta' eżekuzzjoni disponibbli. Meta s-sentenzi jkunu jirrigwardaw somma flus, l-iktar metodu komuni ta' eżekuzzjoni huwa jew il-qbid tal-oġġetti tad-debitur jew ordni ta' sekwestru fuq il-qligħ. Jekk is-sentenza tieħu l-forma ta' inibizzjoni, rifjut li wieħed jobdi l-inibizzjoni jista' jirriżulta fi priġunerija għal disprezz tal-qorti. Normalment il-qorti tordna li l-ispejjeż tal-azzjoni jitħallsu mill-parti telliefa, imma f'kawżi ta' talbiet żgħar il-partijiet normalment ikunu mistennija jħallsu l-ispejjeż tagħhom stess, għalkemm ikunu jistgħu jirkupraw il-ħlasijiet tal-qorti mingħand il-parti telliefa. Dan jirrifletti l-fatt li l-proċeduri tat-talbiet iż-żgħar huma maħsuba biex il-partijiet ikunu jistgħu jmexxu l-kwistjoni mingħajr ma jdaħħlu avukati.

Għajnuna Legali

  1. Fit-tliet ġuriżdizzjonijiet tar-Renju Unit hemm sistema komprensiva fejn persuna li tkun tinħtieġ parir legali jew rappreżentanza fil-qorti tista' tirċievi għajnuna finanzjarja mill-fondi pubbliċi. Dawn l-iskemi jissejħu "Għajnuna Legali" u huma fundamentali għar-realizzazzjoni tad-drittijiet legali ta' kull individwu. L-għajnuna legali hija mmirata lejn min għandu dħul baxx jew modest u jista' jingħata bis-sħiħ, jew bil-kundizzjoni ta' kontribut finanzjarju mill-individwu. Jekk tingħata l-għajnuna legali, il-kawża tinstema' b'mod normali, ħlief li ma jingħaddew l-ebda flejjes mill-individwu għall-avukat tiegħu: il-ħlasijiet kollha jsiru permezz tal-fond ta' għajnuna legali. Ir-responsabilità finanzjarja għall-għajnuna legali fl-Ingilterra u Wales hija tal-Lord Chancellor.
  2. Fl-Ingilterra u Wales, l-Aġenzija għall-Għajnuna Legali (LAA) tamministra l-għajnuna legali kemm għall-kawżi kriminali u kemm għall-kawżi ċivili.
  3. Netwerk ta' għaqdiet ikkuntrattati jipprovdi servizzi ġuridiċi ċivili. Ir-regoli relatati mal-għoti ta' għajnuna legali ċivili huma stabbiliti prinċipalment fl-Att dwar l-Għajnuna Legali, l-Issentenzjar u l-Pieni tat-Trasgressuri 2012 u l-leġiżlazzjoni sekondarja u l-gwida maħluqa skont dak l-Att. Individwu jingħata biss għajnuna finanzjarja jekk il-każ tiegħu ikun jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema u jgħaddi l-eżami tal-mezzi u l-merti. Barra minn għajnuna legali wiċċ imb wiċċ, l-LAA topera linja tat-telefown ta' għajnuna li tipprovdi parir legali kunfidenzjali u indipendenti b'xejn. Minn April 2013, bil-kundizzjoni ta' eċċezzjonijiet limitati, klijenti li jfittxu l-għajnuna għal problemi ta' Dejn, Bżonnijiet Edukattivi Speċjali u Diskriminazzjoni jridu jagħmlu kwalunkwe talba għal għajnuna legali permezz ta' linja ta' pariri bit-telefown ċentrali. Kull għajnuna tkun ipprovduta permezz tat-telefown sakemm il-klijent ma jkunx meqjus bħala mhux adatt għal parir bit-telefown.
  4. L-Għajnuna Legali għal kawżi kriminali hija disponibbli biex jiġu megħjuna individwi li jkunu qed jiġu investigati jew ikunu qed jiffaċċaw akkużi kriminali. L-eliġibilità għall-għajnuna legali f'kawżi kriminali tkun iddeterminata mil-LAA. Fil-Qorti tal-Maġistrati, konvenut jikkwalifika biss jekk jgħaddi minn eżami tal-mezzi finanzjarji u jissodisfa l-eżami tal-"interessi tal-ġustizzja". Fil-Qorti tal-Kuruna, il-konvenuti li jkunu qed jistennew is-smigħ tal-kawża jissodisfaw awtomatikament l-eżami tal-"interessi tal-ġustizzja". Filwaqt li l-konvenuti kollha jikkwalifikaw għall-għajnuna legali, huma suġġetti għal test tal-mezzi u jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu lejn l-ispejjez tal-kawża tagħhom mid-dħul u/jew il-kapital tagħhom. Konvenuti li jkunu ħallsu kontributi u mbagħad jiġu lliberati, jitħallsu lura dawk il-kontributi bl-imgħax.
  5. Jekk persuna tħoss li jkunu nkisrulha d-drittijiet tagħha mogħtija mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tkun beħsiebha ttella' l-kawża tagħha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hemm għadd ta' skemi disponibbli biex jiġu pprovduti b'parir u għajnuna legali. Fl-iskema tal-għajnuna legali, persuna tkun tista' tiġi megħjuna minn avukat ta' esperjenza jew konsulent legali fl-istadji preliminari tar-rikors tagħhom. Jekk il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu tiddikjara rikors bħala ammissibbli, ir-rikorrent ikun jista' jieħu għajnuna finanzjarja direttament minn Strasburgu. L-eliġibilità hija ddeterminata fuq il-bażi ta' jekk ir-rikorrent jistax jew le jkun eliġibbli għall-għajnuna legali domestika.
  6. F'għadd ta' żoni urbani, ċentri legali jipprovdu pariri legali u rappreżentanza li tista' tkun b'xejn skont il-mezzi. Ċentri legali, li jkunu ffinanzjati minn bosta sorsi, spiss jinkludu lill-awtoritajiet governattivi lokali, li normalment jimpjegaw avukati b'salarji full-time; imma ħafna għandhom ukoll ħaddiema soċjali. Ħafna minn ħinhom ikun iddedikat għal problemi tad-djar, l-impjiegi, is-sigurtà soċjali u l-immigrazzjoni. Pariri b'xejn jingħataw ukoll mill-Uffiċċju tal-Pariri liċ-Ċittadini, miċ-ċentri tal-pariri dwar id-djar u tal-konsumaturi u miċ-ċentri ta' pariri speċjalisti mmexxija minn bosta għaqdiet volontarji. Iċ-Ċentru Legali għar-Refuġjati u s-Servizz tal-Pariri dwar l-Immigrazzjoni, li t-tnejn li huma jirċievu fondi mill-gvern, jipprovdu parir b'xejn u għajnuna lil min ifittex l-ażil, u s-Servizz tal-Pariri dwar l-Immigrazzjoni jipprovdi wkoll pariri b'xejn u għajnuna lil nies li jkollhom id-dritt tal-appell dwar l-immigrazzjoni.

Il-vittmi tal-kriminalità

  1. Il-Kodiċi ta' Prattika għall-Vittmi tal-Kriminalità (il-"Kodiċi tal-Vittmi") jistabbilixxi l-informazzjoni, l-appoġġ u s-servizzi li l-vittmi jistgħu jistennew li jirċievu minn aġenziji tal-ġustizzja kriminali fl-Ingilterra u Wales f'kull stadju tal-proċess. Il-Kodiċi tal-Vittmi huwa miktub f'Ingliż sempliċi u l-udjenza li huwa mmirat lejha hija l-vittmi tal-kriminalità. Il-kodiċi jgħid lill-vittmi wkoll kif jilmentaw jekk ma jirċevux dak li ħaqqhom skont il-Kodiċi tal-Vittmi. L-introduzzjoni tal-Karta għax-Xhieda tat lix-xhieda sett ta' standards tas-servizz simili imma mhux statutorju. Fl-Irlanda ta' Fuq ġie ppubblikat Kodiċi ta' Prassi separat għall-vittmi tal-kriminalità, li jistabbilixxi l-istandards tas-servizz li għandhom jirċievu l-vittmi matul il-kuntatt tagħhom mas-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Irlanda ta' Fuq u dwar kif tista' tressaq ilment. Dan se jiġi sostitwit b'Karta tal-Vittmi statutorja ġdida. Il-vittmi kollha tad-delitti rrappurtati għandhom aċċess għal fuljett imsejjaħ "Victims of crime" (Vittmi tal-kriminalità) li jagħti pariri prattiċi dwar x'tagħmel wara delitt. Huwa jispjega sempliċement il-proċessi tal-pulizija u tal-qorti, kif tapplika għal kumpens u x'aktar għajnuna hemm disponibbli.
  2. Fl-Ingilterra u Wales, il-vittmi huma intitolati wkoll li jirċievu appoġġ biex jgħinhom, sakemm ikun possibbli, biex iġestixxu l-impatt tad-delitt u jirkupraw minnu. Il-vittmi jiġu riferiti għal dawn is-servizzi mill-pulizija jew jistgħu jmorru minn jeddhom. Il-parti l-kbira tas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi huma kkummissjonati mill-Pulizija u mill-Kummissarji tal-Kriminalità u huma ffinanzjati mill-Gvern.
  3. Meta s-Servizz ta' Prosekuzzjoni tal-Kuruna jonqos milli jipproċedi, il-vittmi jistgħu jipproċedu huma privatament fl-Ingilterra u Wales, imma fil-prattika din l-għażla rarament tittieħed. Il-vittmi jistgħu wkoll ifittxu lill-akkużat għad-danni fil-qrati ċivili. Il-proċedura tal-qorti ġiet issemplifikata biex nies li ma jkollhomx għarfien legali jkunu jistgħu jressqu talbiet żgħar ta' telf jew danni.
  4. Il-qrati jistgħu jordnaw lit-trasgressur, wara li jkun instab ħati, iħallas kumpens lill-vittma għall-feriment, telf jew dannu personali li jirriżulta mir-reat. Fl-Ingilterra u f'Wales, il-qrati huma obbligati jikkunsidraw kumpens f'kull kawża xierqa u li jagħtu r-raġunijiet fejn ma jingħata l-ebda kumpens. Meta l-qorti tqis li jkun xieraq li timponi multa u ordni ta' kumpens imma t-trażgressur ma jkollux biżżejjed mezzi biex iħallas it-tnejn li huma, il-kumpens għandu jingħata prijorità. Il-kumpens jieħu prijorità wkoll fuq il-ħlas addizzjonali lill-vittma meta l-mezzi tat-trażgressur ikunu problema.
  5. Vittmi li jkorru b'riżultat ta' delitt vjolenti fl-Ingilterra, Wales jew l-Iskozja u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' residenza, ċittadinanza jew rekwiżiti oħrajn jistgħu japplikaw għall-kumpens mill-fondi pubbliċi taħt l-Iskema ta' Kumpens għal Korrimenti Kriminali. Il-kumpens huwa bbażat fuq tariffa ta' għotjjiet, u l-ħlasijiet ivarjaw minn £1 000 għal £500 000 għall-iktar vittma li tkun korriet serjament.
  6. Fl-Irlanda ta' Fuq jeżistu arranġamenti separati fejn il-kumpens jista' f'ċerti ċirkostanzi jitħallas mill-fondi pubbliċi għall-korrimenti kriminali, u għal dannu malizjuż lill-proprjetà, inkluż it-telf mill-profitti li jirriżulta.

Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem

Din l-għaqda, li għandha uffiċċji f'Londra, Manchester, Glasgow u Cardiff għandha l-għan statutorju li tippromwovi u timmonitorizza d-drittijiet tal-bniedem; u li tħares, tinforza u tippromwovi l-ugwaljanza fuq disa' raġunijiet "protetti" - l-età, id-diżabilità, is-sess, ir-razza, ir-reliġjon u t-twemmin, it-tqala u l-maternità, iż-żwieġ u l-unjoni ċivili, l-orjentazzjoni sesswali u r-riassenjazzjoni tas-sess.

Normalment ma tiħux kawżi legali individwali sakemm ma jkunux ta' sinifikat strateġiku, pereżempju biex jiċċaraw il-liġi, għalkemm tkun tista' tipprovdi gwida dwar l-iktar post xieraq biex jgħinek fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek.

Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem (EHRC) ġiet stabbilita fl-1 ta’ Ottubru 2007. L-għan tagħha huwa li tiddefendi l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, taħdem biex telimina d-diskriminazzjoni, tnaqqas l-inugwaljanza, tħares id-drittijiet tal-bniedem, u tibni relazzjonijiet tajbin bejn il-komunitajiet, li tiżgura li kulħadd ikollu opportunità ġusta biex jipparteċipa fis-soċjetà. Ir-responsabbiltà tagħha testendi għall-Ingilterra u Wales u l-Iskozja. Madankollu, f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, l-Iskozja għandha l-kummissjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħha - il-Kummissjoni Skoċċiża għad-Drittijiet tal-Bniedem. L-EHRC tiġbor flimkien xogħol it-tliet kummissjonijiet tal-ugwaljanza preċedenti tal-Gran Brittanja (għall-ugwaljanza razzjali, għall-ugwaljanza bejn is-sessi, u għad-drittijiet tan-nies b'diżabilità) u jieħu wkoll ir-responsabilità għal tipi ġodda tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni (l-età, l-orjentazzjoni sesswali u r-reliġjon jew it-twemmin), kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem. Hija għandha s-setgħat li tinforza l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza, u għandha mandat li tinkoraġġixxi l-konformità mal-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Ugwaljanza u Drittijiet tal-Bniedem

Għajnuna u Pariri

Konsulenza dwar l-Ugwaljanza u Servizz ta' Appoġġ (EASS - Equality Advisory and Support Service)

Telefown bla ħlas +44 808 800 0082

Telefown għall-messaġġi +44 808 800 0084

Indirizz tal-posta bla ħlas: FREEPOST EASS HELPLINE FPN6521

L­Ombudsman

L-Ombudsman Parlamentari u tas-Servizz tas-Saħħa

L-ombudsman jeżisti biex jipprovdi servizz għall-pubbliku billi jagħmel investigazzjonijiet indipendenti fl-ilmenti li jsostnu li d-dipartimenti governattivi, firxa ta' entitajiet pubbliċi oħrajn fir-Renju Unit, u l-NHS (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa) fl-Ingilterra ma jkunux aġixxew sew u ġustament jew ikunu pprovdew servizz ħażin.

L-Ombudsman Parlamentari u tas-Servizz tas-Saħħa

Linja tat-Telefown ta' Għajnuna għall-Klijenti +44 345 015 4033 miftuħa mit-8.30am (GMT) sal-17.30pm (GMT) mit-Tnejn sal-Ġimgħa

Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-Ombudsman għad-drittijiet tat-tfal

1. Il-Kummissarju għat-Tfal għall-Ingilterra

Anne Longfield OBE hija l-Kummissarju għat-Tfal għall-Ingilterra. Il-Kummissarju u t-tim tagħha jiżguraw li l-adulti inkarigati jisimgħu lit-tfal u liż-żgħażagħ.

Ir-rwol tal-Kummissarju għat-Tfal inħoloq permezz tal-Att dwar it-Tfal tal-2004 u qiegħed hemm biex jippromwovi l-fehmiet tat-tfal u taż-żgħażagħ mit-twelid sa ma jagħlqu 18 (sa ma jagħlqu 21 f'każ ta' żgħażagħ fil-kura jew b'diffikultajiet ta' tagħlim).

Il-Kummissarju għat-Tfal għall-Ingilterra

Dettalji ta’ kuntatt

Children's Commissioner for England
Sanctuary Buildings
20 Great Smith Street
London
SW1P 3BT

Telefown +44 20 7783 8330

2. Il-Kummissarju għat-Tfal għal Wales

Sally Holland hija l-Kummissarju għat-Tfal għal Wales. Ir-rwol tagħha huwa li taqbeż għat-tfal u ż-żgħażagħ u titkellem fl-interessi tagħhom. Hija taħdem biex tiżgura li t-tfal u ż-żgħażagħ jinżammu sikuri u li jkunu jafu bi drittijiethom u li jkunu jistgħu jgawduhom. Hija għandha tqis id-drittijiet tat-tfal u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal fix-xogħol kollu li tagħmel.

Il-Kummissarju għat-Tfal għal Wales

Dettalji ta’ Kuntatt

Children's Commissioner for Wales
Oystermouth House
Phoenix Way
Llansamlet
Swansea
SA7 9FS
Tel: +44 1792 765600
Faks: +44 1792 765601

Għanijiet korporattivi:

  • Il-promozzjoni ta' fehim aħjar tad-drittijiet tat-tfal
  • Reviżjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-liġi, il-prassi u s-servizzi relatati mat-tfal u ż-żgħażagħ
  • Konsulenza lill-gvern u lill-awtoritajiet rilevanti dwar id-drittijiet u l-aqwa interessi tat-tfal u ż-żgħażagħ
  • Komunikazzjoni tal-funzjonijiet tal-Kummissarju fost it-tfal, il-ġenituri jew il-kuraturi tagħhom u l-partijiet interessati tagħna
  • Ġbir tal-fehmiet tat-tfal u ż-żgħażagħ fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaffettwaw ħajjithom
  • Żamma u żvilupp ulterjuri tal-arranġamenti għal governanza effikaċi b'konformità mal-aqwa prassi għall-massimizzazzjoni tal-użu effiċenti, effikaċi u ekonomiku tar-riżorsi tagħna

Il-Korp tal-Protezzjoni tad-Dejta

1. Il-Kummissarju għall-Informazzjoni

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Informazzjoni huwa l-awtorità indipendenti tar-Renju Unit stabbilit biex iħares id-drittijiet tal-informazzjoni fl-interess pubbliku, jippromwovi t-trasparenza fl-entitajiet pubbliċi u l-privatezza tad-dejta għall-individwi

Dettalji ta’ Kuntatt

Information Commissioner's Office
Wycliffe House
Water Lane
Wilmslow
Cheshire SK9 5AF

Tel: 0303 123 1113 (jew 01625 545745 jekk tippreferi ma ċċempilx numru biż-"03", jew +44 1625 545745 jekk qed iċċempel minn barra)

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni

2. Il-Kummissarju għall-Informazzjoni - l-Uffiċċju Reġjonali

Wales

Information Commissioner's Office – Wales
Cambrian Buildings
Mount Stuart Square
Cardiff CF10 5FL
Tel: 029 2044 8044
Faks: 2044 8045
Posta elettronika: wales@ico.gsi.gov.uk

Oħrajn

1. SIT ELETTRONIKU - GOV.UK

Il-websajt Uffiċjali tal-Gvern tar-Renju Unit għaċ-ċittadini tar-Renju Unit.

Sit elettroniku: GOV.UK

2. Servizz ta' Pariri liċ-Ċittadini

Is-servizz ta' Pariri liċ-Ċittadini jgħin lin-nies isolvu l-problemi legali, finanzjarji u oħrajn billi jipprovdi pariri indipendenti, kunfidenzjali u b'xejn, u billi jinfluwenza lil min ifassal il-politika.

Servizz ta' Pariri liċ-Ċittadini

Dettalji ta' kuntatt tas-Servizz ta' Pariri liċ-Ċittadini

3. Pariri Legali Ċivili

Pariri Legali Ċivili (CLA) huwa servizz b'xejn ta' pariri kunfidenzjali fl-Ingilterra u Wales, jekk tkun eliġibbli, imħallas mill-għajnuna legali. Tista' tieħu għajnuna permezz tal-għajnuna legali għal:

  • appelli dwar benefiċċji
  • dejn, jekk qiegħed f'riskju li titlef darek
  • ħtiġijiet edukattivi speċjali
  • abitazzjoni
  • kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni
  • għajnuna u pariri jekk tkun vittma ta' vjolenza domestika
  • • kwistjonijiet dwar tfal li jittieħdu mill-kustodja tal-ġenituri

Tiġi mistoqsi mistoqsijiet dwar il-problema legali tiegħek u l-qagħda finanzjarja tiegħek biex jiġi ddeterminat tkunx eliġibbli għall-għajnuna legali. Minn April 2013, bil-kundizzjoni ta' eċċezzjonijiet limitati, klijenti li jfittxu l-għajnuna għal problemi ta' Dejn, Bżonnijiet Edukattivi Speċjali u Diskriminazzjoni jridu jagħmlu kwalunkwe applikazzjoni għal għajnuna legali permezz ta' linja ta' pariri bit-telefown ċentrali. Kull għajnuna tkun ipprovduta permezz tat-telefown sakemm il-klijent ma jkunx meqjus bħala mhux adatt għal parir bit-telefown.

Dettalji ta’ kuntatt

Telefown: 0845 345 4345
Minicom: 0845 609 6677
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9am sat-8pm
Is-Sibt, mid-9am san-12:30pm
Pariri Legali Ċivili

4. Il-Kummissarju għall-Vittmi

Il-Kummissarju għall-Vittmi

Ir-rwol tal-Kummissarju għall-Vittmi huwa li jippromwovi l-interessi tal-vittmi u x-xhieda, iħeġġeġ l-użu tal-aqwa prassi fit-trattament tagħhom, u jirrevedi regolarment il-Kodiċi ta' Prassi għall-Vittmi li jistabbilixxi s-servizzi li l-vittmi jistgħu jistennew li jirċievu.

Bil-liġi, il-Kummissarju mhux permess jintervjeni f'każijiet speċifiċi imma jista' jipprovdi direzzjoni dwar minn fejn tista' tikseb l-aqwa pariri u appoġġ.

5. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Servizzi tal-Immigrazzjoni

Dettalji ta’ Kuntatt:

5th Floor
Counting House
53 Tooley Street
London
SE1 2QN
Telefown: 0845 000 0046

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Servizzi tal-Immigrazzjoni (OISC) huwa korp pubbliku indipendenti u mhux dipartimentali stabbilit mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-1999.

Ir-responsabilitajiet ewlenin tal-OISC huma:

  • ir-regolamentazzjoni tal-konsulenti dwar l-immigrazzjoni
  • il-promozzjoni ta' prassi tajba billi jiġu stabbiliti standards
  • l-ilqugħ u l-indirizzar tal-ilmenti dwar kull persuna li tagħti pariri dwar l-immigrazzjoni
  • il-prosekuzzjoni ta' dawk li ma jkunux operaw skont il-liġi
  • sorveljanza tar-regolament ta' dawk li jagħtu pariri dwar l-immigrazzjoni u li jkunu regolati minn waħda mill-Entitajiet Professjonali Nominati

L-OISC la tipprovdi pariri dwar l-immigrazzjoni u lanqas ma tirrakkomanda jew tendorsja konsulent speċifiku.

L-OISC taħdem ma' firxa wiesgħa ta' għaqdiet, inklużi assoċjazzjonijiet professjonali, tribunali, l-Aġenzija tal-Fruntieri tar-Renju Unit u entitajiet volontarji.

Għal aktar informazzjoni ara L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Servizzi tal-Immigrazzjoni

L-aħħar aġġornament: 14/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.