L-ispiża tal-proċedimenti - Awstrija

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fl-Awstrija.


L-ispiża tal-proċedimenti

Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali

L-avukati

Bħala regola ġenerali, il-Kodiċi tal-Avukati Awstrijak (Rechtsanwaltsordnung) jipprevedi li d-drittijiet li jitħallsu lill-avukati għas-servizzi mogħtija jistgħu jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ ftehim liberu bejn il-klijent u l-avukat.

Id-drittijiet jistgħu jkunu bbażati fuq rata fis-siegħa jew fuq dritt ta' rata fissa. Dritt ta' rata fissa ma jvarjax skont il-livell ta' xogħol u żmien involut. Jekk l-ebda dritt ma jiġi stabbilit b'mod espliċitu, livell raġonevoli ta' remunerazzjoni jiġi meqjus bħala miftiehem fuq il-bażi tal-iskali ta' drittijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Iskali tad-Drittijiet għall-Avukati (Rechtsanwaltstarifgesetz) jew il-Kriterji Ġenerali għad-Drittijiet għall-Avukati (Allgemeine Honorar-Kriterien für Rechtsanwälte).

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung — ZPO) u l-Att dwar l-Iskali tad-Drittijiet għall-Avukati jipprevedu li fi proċedimenti ċivili, il-qorti għandha tiddetermina s-sehem tal-ispejjeż li l-parti telliefa trid tħallas lura lill-parti rebbieħa. Dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq il-valur tat-talba u t-tul ta' żmien u n-natura tas-servizz ipprovdut. L-Att dwar l-Iskali tad-Drittijiet għall-Avukati japplika biss jekk dan ikun ġie miftiehem bejn l-avukat u l-klijent.

Fi proċedimenti kriminali, ir-regola ġenerali hija li kwalunkwe persuna li tkun qabbdet avukat biex jaġixxi f'isimha (konvenut, parti li tistitwixxi prosekuzzjoni privata, jew vittma li titlob li talba ċivili tingħaqad mal-proċedimenti kriminali) trid tħallas l-ispejjeż li jirriżultaw. Dan huwa l-każ ukoll meta l-avukat difensur jinħatar mill-qorti sakemm il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali ma jkunux issodisfati. L-ispejjeż normalment ivarjaw skont it-tip u l-konfigurazzjoni tal-qorti involuta (pereż. qorti distrettwali, qorti reġjonali b'imħallef wieħed jippresjedi, qorti b'assessuri mhux esperti jew qorti bil-ġuri).

Il-Bailiffs

Ir-remunerazzjoni li jirċievu l-bailiffs tal-qorti (Gerichtsvollzieher) għall-attivitajiet tagħhom hija stabbilita fl-Att dwar id-Drittijiet għal Eżekuzzjoni (Vollzugsgebührengesetz). Il-ħlas ewlieni huwa dritt għal eżekuzzjoni (Vollzugsgebühr) li l-kreditur applikant irid iħallas meta titressaq l-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni, flimkien ma’ dritt b’rata fissa (Pauschalgebühr) stabbilit fl-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti (Gerichtsgebührengesetz – GGG).

Id-dritt għal eżekuzzjoni, mitlub skont Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Artikolu 2 tal-Att dwar id-Drittijiet għal Eżekuzzjoni, jagħmel parti mill-ispejjeż tal-proċedimenti tal-eżekuzzjoni. Meta jingħataw l-ispejjeż, il-qorti tista' tordna lid-debitur biex iħallas lura dawn l-ispejjeż jekk il-kreditur jitlob hekk

Il-bailiff huwa intitolat ukoll għal remunerazzjoni talli jirċievi pagamenti. Din tista' titnaqqas mill-ammont miġbur (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Artikolu 11 tal-Att dwar id-Drittijiet għal Eżekuzzjoni).

L-ispejjeż fissi

L-ispejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

Id-drittijet tal-qorti li jitħallsu biex jintużaw is-servizzi tal-qrati jieħdu l-forma jew ta' dritt fiss (Pauschalgebühr jew Festgebühr) jew proporzjon tal-bażi ta' stima (Hundertsatzgebühr jew Tausendsatzgebühr). Il-livell jiddependi min-natura tal-kawża u mill-valur tat-talba.

L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Għall-proċedimenti ċivili fl-ewwel istanza, dritt b'rata fissa jrid jitħallas meta titressaq l-applikazzjoni tal-oriġini. Id-dritt jitħallas darba biss, irrispettivament min jekk ir-rikors jinkludix iktar minn talba waħda jew jekk ikunx relatat ma’ iktar minn persuna waħda, u jkopri l-proċedimenti kollha tal-ewwel istanza. Jekk ir-rimedju ta’ inġustizzja mixtieqa jiġi estiż matul il-proċedimenti, minn dak il-punt jistgħu jintalbu drittijiet addizzjonali. Dawn għandhom jitħallsu meta jitressqu t-trattazzjonijiet bil-miktub.

Fejn ir-rimedju mitlub jiġi estiż matul is-seduta, id-dritt huwa dovut meta t-talba estiża tiġi rreġistrata. Fil-każ ta’ proċedimenti ċivili tat-tieni jew tat-tielet istanza, id-dritt għandu jitħallas meta jitressaq l-appell (l-Artikolu 2(1) tal-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti). Bħala eċċezzjoni, fi proċedimenti mhux kontenzjużi, xi drabi jitħallas dritt ta’ deċiżjoni (Entscheidungsgebühr) minflok dritt ta’ talba (Klagegebühr).

L-ispejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

Dritt għandu jitħallas skont il-punt 13 tal-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti fil-każ ta' prosekuzzjoni privata biss.

L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż għandhom jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti.

L-Ispejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Skont l-Artikolu 17a(1) tal-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshofgesetz — VfGG), id-dritt huwa ta' EUR 220.

L-istadju tal-proċedimenti kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż għandhom jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Ġeneralment, l-avukat huwa obbligat jinforma lill-klijent tiegħu kif se jiġu kkalkulati d-drittijiet u liema spejjeż il-klijent mistenni jkollu. L-Artikolu 50(2) tal-Linji Gwida dwar l-Eżerċizzju tal-Professjoni ta' Avukat u s-Superviżjoni tal-Obbligazzjonijiet tal-Avukati (Richtlinien für die Ausübung des Rechtsanwaltsberufs und für die Überwachung der Pflichten des Rechtsanwalts — RL-BA) jirrakkomanda li meta jirċievi istruzzjonijiet fuq każ ġdid, l-avukat għandu jinforma lill-klijent bil-bażi li fuqha se jintalab il-ħlas u dwar id-dritt tal-avukat għal ħlasijiet interim.

Sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim fuq dritt b’rata fissa, il-klijent huwa intitolat, f’intervalli raġonevoli, li jitlob rendikont provviżorju jew dikjarazzjoni tas-servizzi diġà mogħtija jew, meta jkun intlaħaq ftehim dwar dritt ibbażat fuq il-ħin, dikjarazzjoni tal-ħin li diġà uża l-avukat.

Meta jibda jintuża avukat, għandu jiġi konkluż ftehim li jkopri l-bidu u l-frekwenza tal-ħlas.

Is-Sorsi tal-ispejjeż - bażijiet ġuridiċi

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Awstrija?

Ir-regoli statutorji dwar ir-responsabbiltà għall-ispejjeż fi proċedimenti ċivili kontenzjużi (inklużi l-kwistjonijiet kummerċjali) jistgħu jinstabu fl-Artikoli 40-55 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Fi kwistjonijiet familjari, b'mod partikolari divorzju b'kunsens reċiproku, jekk ikun hemm xi tilwim fuq kustodja, drittijiet ta' aċċess jew talbiet għall-manteniment, dawn jiġu ttrattati fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Il-proċedimenti mhux kontenzjużi huma suġġetti għal regoli separati rigward ir-responsabbiltà għall-ispejjeż; Ir-regoli ġenerali huma stabbiliti fl-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi Japplikaw eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli ġenerali, fost l-oħrajn, fi proċedimenti relatati ma’ tilwim dwar il-kustodja u l-aċċess u fi proċedimenti li jikkonċernaw talbiet ta' manteniment għal minorenni. L-ispejjeż fil-proċedimenti kriminali huma rregolati mill-Artikoli 380-395 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung - StPO).

Sommarju tad-drittijiet li l-avukati huma intitolati għalihom jingħata f'fuljett ta' informazzjoni onlajn fuq il-homepage tal- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAvukatura Awstrijaka (Österreichischer Rechtsanwaltskammertag). Informazzjoni ġenerali tista' tinkiseb ukoll mill-homepage tas- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaservizz HELP għaċ-ċittadini billi jiġu segwiti l-links 'Leben in Österreich'->, 'Zivilrecht' > 'Zivilverfahren' [Meta tgħix fl-Awstrija> il-Liġi Ċivili > il-Proċedura Ċivili].

Informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet għall-qorti hija disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaservizz HELP għaċ-ċittadini. It-testi tal-liġijiet (bħall-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti u r-regoli dwar l-iskali ta' drittijiet) huma disponibbli mingħajr ħlas mis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSistema ta' Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija (Rechtsinformationssystem des Bundes — RIS) fuq il-homepage tal-Uffiċċju tal-Kanċillier Federali.

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Awstrija?

Bil-Ġermaniż.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Lista ta' medjaturi (miżmuma u aġġornata mill-Ministeru tal-Ġustizzja) hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali minn Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasitapposta.

Fir-rigward tal-ġustizzja restorattiva fil-proċedimenti kriminali, l-informazzjoni dwar il-medjazzjoni bejn il-konvenut u l-vittma hija disponibbli fuq is-sit tan-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaNEUSTART (disponibbli wkoll bl-Ingliż).

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Informazzjoni onlajn dwar l-ispejjeż legali

Informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka, l-ispejjeż legali u l-Ministeru Federali tal-Ġustizzja tista' tinstab fuq is-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaĠustizzja Awstrijaka u fuq is-sit tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaservizz HELP, li jipprovdi informazzjoni ġenerali u faċli biex tinqara.

Is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSistema ta' Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija tagħti t-testi sħaħ tal-liġijiet li ġejjin:

  • l-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti (Gerichtsgebührengesetz — GGG)
  • l-Att dwar il-Jedd għad-Drittijiet (Gebührenanspruchsgesetz — GebAG)
  • il-Kodiċi tal-Avukati (Rechtsanwaltsordnung — RAO)
  • l-Att dwar id-Drittijiet għall-Avukati (Rechtsanwaltstarifgesetz — RATG)

It-test tal-Kriterji Ġenerali għall-Avukati (Allgemeine Honorar-Kriterien für Rechtsanwälte — AHK) huwa disponibbli fuq il-portal tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAvukatura Awstrijaka .

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Għal din it-tip ta’ informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak direttament.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċedura partikolari?

Id-drittijiet għall-qorti li jitħallsu għal kull tip ta' proċediment huma stabbiliti bil-quddiem (mill-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti). Dawn jistgħu jinbidlu jekk il-valur tat-talba jinżel jew jogħla.

L-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-parti telliefa lill-parti rebbieħa fil-proċedimenti ċivili (drittijiet għall-avukati, drittijiet għall-esperti, spejjeż tat-traduzzjoni) jiġu ddeterminati mill-qorti. Il-qorti tagħmel l-ordni tagħha fuq il-bażi tal-Att dwar id-Drittijiet għall-Avukati (għad-drittijiet għall-avukati) u l-Att dwar il-Jedd għad-Drittijiet (id-drittijiet għall-esperti u l-interpreti). Fil-parti l-kbira, l-ispejjeż huma bbażati fuq il-livell ta’ nefqa involuta u fuq il-ħin li ntuża. Ma tistax tingħata figura speċifika bil-quddiem.

Fil-prinċipju, id-dritt li jitħallas mill-klijent lill-avukat jista’ jkun miftiehem bil-libertà kollha bejniethom.

It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-VAT? X’inhuma r-rati applikabbli?

Is-servizzi tal-avukati huma soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud Din tammonta għal 20% fl-Awstrija L-istess bħall-ispejjeż oħrajn, din trid titħallas lill-avukat separatament, kif stipulat fl-Artikolu 16 tal-Att dwar id-Drittijiet għall-Avukati u fl-Artikolu 17 tal-Kriterji Ġenerali għad-Drittijiet. L-iskali ta' drittijiet stipulati fl-Att dwar l-Iskali tad-Drittijiet għall-Avukati u l-Att dwar il-Kriterji Ġenerali għad-Drittijiet ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud.

L-għajnuna legali

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

L-eliġibbiltà għall-għajnuna legali (Verfahrenshilfe) mhix ibbażata fuq limitu statutorju tad-dħul. Fi proċedimenti ċivili (u fi kwistjonijiet kummerċjali), l-għajnuna legali hija rregolata mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Awstrijak. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili japplikaw mutatis mutandis fil-proċedimenti mhux kontenzjużi. Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna legali jittieħdu mill-qorti li tisma’ l-kawża fl-ewwel istanza.

L-għajnuna legali trid tingħata lil parti jekk id-dħul, iċ-ċirkustanzi finanzjarji u l-obbligi ta’ manteniment tagħha jkunu tali li ma tkunx tiflaħ tħallas l-ispiża tal-proċedimenti legali mingħajr ma taffettwa b'mod ħażin il-livell ta' riżorsi (notwendiger Unterhalt) meħtieġ biex iżżomm stil ta’ ħajja modest. Barra minn hekk, il-proċedimenti ma jridux jidhru manifestament vessatorji jew nieqsa minn kull prospettiva ta’ suċċess. Il-qorti tiddeċiedi liema mill-benefiċċji elenkati iktar ’l isfel għandhom jingħataw f’kull każ individwali.

Fl-Awstrija, l-għajnuna legali tista' tinkludi:

  • eżenzjoni temporanja mill-ħlas tad-drittijiet għall-qorti, tad-drittijiet tax-xhieda, tal-esperti u tal-interpreti jew tradutturi, tal-ispiża ta’ kwalunkwe avviż pubbliku meħtieġ, tal-ispejjeż ta’ amministratur u ta’ kwalunke somma li jkun ħallas ir-rappreżentant jew l-avukat maħtur mill-qorti;
  • rappreżentanza minn avukat.

Fi żmien tliet snin wara li jkunu tlestew il-proċedimenti, partijiet li jirċievu l-għajnuna legali jistgħu jkunu meħtieġa li jħallsu lura l-għajnuna, fl-intier jew in parti, jekk il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom tinbidel u dawn issa jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu dawk il-pagamenti mingħajr ma jimpinġu fuq il-livell neċessarju ta' riżorsi tagħhom.

Limitu tad-dħul applikabbli għall-konvenuti u l-vittmi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali

Sabiex ikun iddeterminat jekk akkużat jew vittma jikkwalifikawx għall-għajnuna legali ma japplika l-ebda limitu finanzjarju fiss. Manteniment ’il fuq mill-paga minima u taħt livell ta’ manteniment xieraq huma l-kriterji gwida.

Il-paga minima għall-għajxien hija regolarment evalwata mill-ġdid u r-rata attwali hija ppubblikata fuq is-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaĠustizzja Awstrijaka

Kundizzjonijiet sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-vittmi

Meta ma jkun hemm l-ebda dritt għal assistenza ġudizzjarja (Prozessbegleitung) skont l-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Awstrijak, attur ċivili huwa intitolat għall-għajnuna legali (Verfahrenshilfe) jekk

  • hu jew hi ma jistax jaffordja li jkun rappreżentat minn avukat mingħajr ma dan jimpinġi fuq il-livell neċessarju tiegħu jew tagħha ta' riżorsi (ara l-osservazzjonijiet fuq il-livell neċessarju ta' riżorsi hawn fuq), u
  • r-rappreżentanza minn avukat tkun fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u speċjalment fl-interessi ta’ infurzar xieraq tat-talbiet sabiex ikunu evitati proċedimenti ċivili separati aktar tard.

Kundizzjonijiet sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-konvenuti

Minbarra l-kundizzjonijiet finanzjarji, l-għajnuna legali trid tkun fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u speċjalment fl-interessi ta' difiża xierqa.

Il-ħatra ta' avukat tad-difiża hija fi kwalunkwe każ meqjusa bħala fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fejn

ikun hemm każ ta' difiża imperattiva (notwendige Verteidigung) skont l-Artikolu 61(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali (ara hawn taħt),

  • jekk il-konvenut ikun għami, trux, mutu, jew b'xi diżabilità oħra jew ma jkollux biżżejjed għarfien tal-lingwa użata mill-qorti;
  • fi proċedimenti ta' appell;
  • jekk il-kawża tinvolvi ċirkustanzi fattwali u legali kumplessi.

F'każijiet ta' difiża imperattiva, konvenut irid ikun rappreżentat minn avukat tad-difiża. L-Artikolu 61(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jagħti lista eżawrjenti tal-każijiet fejn id-difiża hija imperattiva:

  • waqt li l-akkużat ikun qed jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni qabel il-kawża;
  • matul il-proċedimenti għal reklużjoni f’istituzzjoni ta' trasgressuri mentalment anormali;
  • fi proċedimenti tal-qorti għal reklużjoni f'istituzzjoni ta' trasgressuri b'xi dipendenza li jeħtieġu riabilitazzjoni jew f'istituzzjoni għal trasgressuri perikolużi reċedivi;
  • fi proċedimenti tal-qorti quddiem qorti reġjonali meta tippresjedi b'assessuri mhux esperti jew ġurija;
  • fi proċedimenti tal-qorti quddiem qorti reġjonali meta jippresjedi imħallef wieħed, jekk is-sentenza li tista' tingħata tammonta għal aktar minn tliet snin priġunerija, ħlief fil-kawżi ta' serq imsemmija fl-Artikolu 129(1)–(3) tal-Kodiċi Kriminali u każijiet ta' riċeviment ta' merkanzija misruqa msemmija fl-Artikolu 164(4) tal-Kodiċi Kriminali;
  • f'appell kontra sentenza ta' qorti li tippresjedi b'assessuri mhux esperti jew ġurija;
  • għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal ritrattazzjoni u kwalunkwe seduta pubblika dwar l-applikazzjoni.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

Sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta' vittma fi proċedimenti kriminali, l-għajnuna psikosoċjali (psychosoziale Prozessbegleitung) jew l-għajnuna ġudizzjarja (juristische Prozessbegleitung) huma disponibbli mingħajr ħlas għal vittmi ta' atti vjolenti, theddid perikoluż jew reati sesswali, u għall-konjuġi, il-partner, il-qraba fil-linja diretta, ħu jew oħt il-persuna li mewtha jista' jkun li ġiet ikkawżata minn reat kriminali, jew għal qraba oħra li kienu xhieda tar-reat kriminali. L-għajnuna psikosoċjali tkopri l-preparazzjoni tal-vittma għall-proċedimenti u l-piż emozzjonali kkawżat mill-proċedimenti. L-għajnuna psikosoċjali jew ġudizzjarja tingħata minn organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi kuntrattati mill-Ministeru tal-Ġustizzja skonl-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Fi proċedimenti mhux kontenzjużi, l-ebda drittijiet ma jitħallsu għall-ħatra ta' amministratur (Sachverwalter) jew fi proċedimenti ta' kustodja u aċċess. Lanqas m'għandhom jitħallsu drittijiet għal proċedimenti skont l-Att dwar il-Konfinament Istituzzjonali (Unterbringungsgesetz) jew l-Att dwar il-Kura Residenzjali (Heimaufenthaltsgesetz). Meta parti jkollha dħul baxx u assi limitati, l-għajnuna legali tista' tingħata fil-forma ta' eżenzjoni provviżorja mid-drittijiet L-iskala tal-eżenzjoni mogħtija tiddependi mill-applikazzjoni u hija fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Proċedimenti kontenzjużi

L-ispejjeż fil-proċedimenti ċivili (inklużi l-kawżi kummerċjali) huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Dan jistipula li għall-ewwel kull parti trid tħallas l-ispejjeż li jsiru, b’mod proporzjonali għall-involviment tagħha fil-proċedimenti. Meta l-qorti tiddeċiedi l-kawża, tagħmel ordni dwar l-ispejjeż. Il-prinċipju huwa li l-ispejjeż jingħataw lill-parti rebbieħa. Parti li titlef tilwima f'kull rispett trid tikkumpensa lill-parti l-oħra d-drittijiet u l-ispejjeż kollha li kienu meħtieġa għall-prosekuzzjoni jew id-difiża xierqa tal-kawża. Jekk il-partijiet jirbħu f'xi wħud mit-talbiet tagħhom u jitilfu parzjalment, l-ispejjeż jitpaċew jew jinqasmu b’mod proporzjonat.

It-tbegħid mill-prinċipju li l-ispejjeż jitħallsu lura lill-parti rebbieħa huwa ġġustifikat f’ċerti każijiet minħabba raġunijiet ta’ ekwità:

  • fil-każ ta’ telfa fuq punt relattivament minuri, jekk il-parti miċħuda tar-rikors ma tat lok għall-ebda spiża partikolari;
  • jekk il-livell tat-talba jiġi determinat minn esperti, jew huwa fid-diskrezzjoni tal-qorti, u fejn l-ispejjeż għandhom jitpaċew;
  • jekk il-kondotta tal-konvenut ma tatx lok biex jiġi ppreżentat ir-rikors u hu jew hi jkun irrikonoxxa t-talba mal-ewwel opportunità; u
  • jekk waħda mill-partijiet tkun tat lok għal kanċellazzjoni awtomatika tal-proċedimenti jew dikjarazzjoni ta' nullità tal-proċedimenti, dik il-parti tista' tintalab tħallas l-ispejjeż kollha.

Proċedimenti mhux kontenzjużi

Kwistjonijiet li jirrigwardaw il-liġi tal-familja (manteniment, proċedimenti ta’ drittijiet ta’ aċċess u ta’ kustodja u divorzju kunsenswali) jiġu ttrattati fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Ir-regoli ġenerali dwar l-ispejjeż fi proċedimenti mhux kontenzjużi huma pprovduti fl-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi. Iżda hemm eċċezzjonijiet għal ħafna tipi ta' proċedimenti. Hawnhekk, ukoll, japplika l-prinċipju li l-ispejjeż għandhom jitħallsu lill-parti rebbieħa, iżda jistgħu jingħataw b'mod differenti għal raġunijiet ta' ekwità. Ir-raġunijiet huma ferm iktar estensivi minn dawk skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Jekk ma jintalab l-ebda kumpens, l-ispejjeż (pereż. id-drittijiet għall-esperti) iridu jitħallsu fi proporzjon għas-sehem fil-kawża, u jekk dan ma jistax jiġi ddeterminat, iridu jitqassmu b’mod indaqs.

Dettalji dwar it-tipi differenti ta’ proċediment (manteniment, proċediment ta’ drittijiet ta’ aċċess u ta’ kustodja, u divorzju):

  • Rigward il-proċedimenti ta’ divorzju, trid issir distinzjon bejn divorzju kkontestat u divorzju kunsenswali.

Dispożizzjonijiet speċjali tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili japplikaw għal divorzji kkontestati. Jekk jinstab li l-ebda parti m’għandha tort, l-ispejjeż iridu jitpaċew. Jekk ir-raġuni għad-divorzju tkun li ż-żwieġ tkisser (Zerrüttung) u jekk is-sentenza tinkludi deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà għall-ksur, il-parti li jkollha tort trid tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra.

Id-divorzju kunsenswali huwa ttrattat fi proċedimenti mhux kontenzjużi, bħaż-żewġ tipi l-oħra ta' proċedimenti tal-liġi tal-familja Il-konjuġi jressqu żewġ applikazzjonijiet identiċi quddiem il-qorti, u peress li ma jkun hemm l-ebda proċediment ikkontestat ma jingħatawx l-ispejjeż. L-ispejjeż li jinħarġu għall-kawża jridu jbatuhom il-partijiet b’mod indaqs.

  • Il-proċedimenti ta’ kustodja u ta’ aċċess ukoll huma proċedimenti mhux kontenzjużi. Skont klawżola ta’ eżenzjoni (l-Artikolu 107(3) tal-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi), fil-proċedimenti ta’ kustodja u ta’ aċċess ma jingħatawx l-ispejjeż.
  • Klawsola ta' eżenzjoni oħra (Artikolu 101(2) tal-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi) tistipula li l-ebda spejjeż m'għandhom jingħataw fi proċedimenti li jikkonċernaw talbiet għal manteniment għal tfal li għadhom minorenni.

Proċedimenti Kriminali

Fil-prinċipju, fi proċedimenti kriminali kull persuna li hija rappreżentata minn avukat tad-difiża jew rappreżentant ieħor trid tbati l-ispejjeż hija stess anki jekk l-avukat inħatar mill-qorti (l-Artikolu 393(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Sentenza li tikkundanna lill-konvenut trid ukoll tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 389(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). L-ispejjeż li ġejjin jistgħu jkunu dovuti skont l-Artikolu 381(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali:

  • dritt b'rata fissa fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedimenti li mhumiex dettaljati iżjed hawn taħt, inklużi l-ispejjeż tal-investigazzjoni u tal-passi ordnati mill-prosekutur pubbliku jew mill-qorti, li l-Artikolu 381(3) jillimita għall-ammonti massimi li ġejjin: fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali li tippresjedi b'ġurija, minn EUR 500 sa EUR 10 000; fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali li tippresjedi b'assessuri mhux esperti, minn EUR 250 sa EUR 5 000; fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali ppreseduta minn imħallef wieħed, minn EUR 150 sa EUR 3 000; u fi proċedimenti quddiem il-qorti distrettwali, minn EUR 50 sa EUR 1 000;
  • id-drittijiet lill-esperti u inġenerali wkoll drittijiet lill-interpreti;
  • l-ispejjeż għal informazzjoni, rapporti jew opinjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi;
  • l-ispejjeż għat-trasport tal-konvenut jew tax-xhieda minn barra l-pajjiż;
  • l-ispejjeż ikkawżati minn mandat ta' sekwestru u l-ispejjeż biex tinkiseb informazzjoni dwar kontijiet bankarji, għall-qbid ta’ ittri, għal informazzjoni dwar dejta minn mezzi ta’ telekomunikazzjoni u għal interċetazzjoni ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni;
  • l-ispejjeż relatati mal-infurzar tas-sentenza, esklużi l-ispejjeż relatati mal-ħabs;
  • id-drittijiet għall-qorti relatati mal-proċedimenti;
  • l-ispejjeż tal-avukat tad-difiża jew ta’ rappreżentanti oħrajn;
  • dritt b'rata fissa rigward l-ispejjeż għall-għajnuna psikosoċjali jew ġudizzjarja mogħtija lill-vittma sa EUR 1 000.

Bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż elenkati fit-tielet, is-seba', it-tmien u d-disa' punti ta' hawn fuq, dawn l-ispejjeż jingħataw mill-awtoritajiet federali. Meta tiddeċiedi dwar id-drittijiet b'rata fissa skont id-disa' punt, Artikolu 381(1)(9), il-qorti tikkunsidra l-kapaċità ekonomika tal-persuna responsabbli. L-ispejjeż għas-servizzi ta' interpretu m'għandhomx għalfejn jitħallsu lura jekk kienu meħtieġa għaliex il-konvenut ma setax jikkomunika fil-qorti minħabba nuqqas ta' għarfien tal-lingwa jew bħala riżultat ta' diżabilità.

L-Artikolu 391(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, madankollu, jistipula li l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali għandhom jiġu rkuprati mingħand il-persuna misjuba ħatja sakemm dan ma jaffettwax b'mod ħażin lir-riżorsi meħtieġa għall-persuna misjuba ħatja biex iżżomm standard modest ta' għajxien jew lill-kapaċità tagħha li tħallas kumpens għad-dannu kkawżat. Jekk l-ispejjeż mhumiex irkuprabbli minħabba n-nuqqas ta' riżorsi tal-persuna misjuba ħatja, il-qorti tista' tiddikjara li l-ispejjeż mhumiex irkuprabbli. Jekk il-qorti tara li l-ispejjeż se jsiru irkuprabbli fil-ġejjieni, iżda għalissa mhumiex, il-kapaċità ekonomika tal-persuna kkonċernata trid tiġi eżaminata mill-ġdid wara ċertu perjodu ta’ żmien. Iż-żmien ta' preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-ispejjeż huwa ta’ ħames snin wara li tingħata d-deċiżjoni finali fil-proċedimenti. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-persuna misjuba ħatja trid tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti u iktar tard hija ma tkunx tista’ tħallas, l-awtoritajiet responsabbli mill-irkupru tal-ispejjeż jistgħu jestendu l-iskadenza għall-ħlas, jippermettu ħlas bin-nifs jew inaqqsu l-ispejjeż.

Jekk bis-sentenza tal-qorti kriminali il-persuna misjuba ħatja tkun obbligata tħallas mill-inqas kumpens parzjali lil rikorrent ċivili, hija trid ukoll tħallas lura l-ispejjeż li ġarrab ir-rikorrent ċivili fil-proċedimenti kriminali.

Skont l-Artikolu 393a tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, konvenut li huwa liberat jista' jitlob kontribuzzjoni mill-awtoritajiet federali għall-ispejjeż li ġarrab għall-avukat tad-difiża tiegħu jew tagħha. Dan ikopri n-nefqa meħtieġa fi flus kontanti li fil-fatt iġġarbet kif ukoll dritt b'rata fissa għall-ispejjeż tal-avukat tad-difiża. Id-dritt b'rata fissa huwa determinat fid-dawl tal-firxa u l-kumplessità tad-difiża u l-ambitu tas-servizzi meħtieġa u xierqa pprovduti mill-avukat, u ma jistax jaqbeż il-limiti li ġejjin: fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali li tippresjedi b'ġurija, EUR 5 000; fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali li tippresjedi b'assessuri mhux esperti, EUR 2 500; fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali ppreseduta minn imħallef wieħed, EUR 1 250; u fi proċedimenti quddiem il-qorti distrettwali, EUR 450.

Fejn il-proċedimenti kriminali jinbdew minn prosekuzzjoni privata jew fuq applikazzjoni ta’ rikorrent ċivili, skont l-Artikolu 72 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u ma jwasslux għal sentenza ta’ ħtija, il-persuna li tistitwixxi l-prosekuzzjoni privata jew ir-rikorrent ċivili huma obbligati jħallsu l-ispejjeż kollha kkawżati mit-tressiq jew mill-kontinwazzjoni tar-rikors. Jekk il-proċedimenti kriminali jintemmu b'soluzzjoni (Diverżjoni – l-Artikoli 198-209 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) ir-rikorrent ċivili ma jkollux għalfejn iħallas l-ispejjeż.

Id-drittijiet għall-esperti

Fi proċedimenti ċivili kontenzjużi (inklużi l-kawżi kummerċjali), id-drittijiet għall-espert jingħataw fi proporzjon għal kemm il-parti kellha jew ma kellhiex suċċess (l-Artikolu 43(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Fi proċedimenti ta' divorzju kkontestat fejn is-sentenza ma tagħtix deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà, l-ispejjeż iridu jitpaċew b'mod reċiproku. Jekk parti waħda tkun ħallset iktar minn nofs l-ispiża fi flus kontanti, l-oħra trid tħallas l-eċċess. Iżda jekk konjuġi jinstab li kellu tort, dik il-parti trid tħallas lura d-drittijiet għall-espert tal-parti l-oħra.

Fi proċedimenti ta' divorzju kunsenswali, fi proċedimenti ta' kustodja u aċċess u fi proċedimenti dwar talbiet għal manteniment għal tfal li jkunu għadhom minorenni, kwalunkwe dritt tal-espert li għall-ewwel tħallas minn fondi uffiċjali jrid jiġi mħallas lura lill-qorti mill-partijiet li kkawżawh jew mill-partijiet li l-azzjoni uffiċjali ttieħdet fl-interess tagħhom. Jekk diversi persuni jkunu obbligati jħallsu lura l-ispejjeż, huma jkunu responsabbli b’mod konġunt (l-Artikolu 1(5) tal-Att dwar il-Ħlasijiet għall-Qorti (Gerichtliches Einbringungsgesetz – GEG) flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-istess Att).

Il-livell tad-drittijiet għall-esperti jiġi rregolat mill-Att dwar il-Jedd għad-Drittijiet, u f’kull każ speċifiku jiddependi essenzjalment mill-kontenut u mill-ambitu tar-rapport mitlub mill-qorti.

Fi proċedimenti kriminali, id-drittijiet għall-esperti jifformaw parti mill-ispejjeż tal-qorti (l-Artikolu 381(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), li skont l-Artikolu 389(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jridu jitħallsu mill-persuna li tinstab ħajta. Id-drittijiet għall-esperti jiġu ddeterminati mill-qorti jew mill-prosekutur pubbliku u jitħallsu mill-awtoritajiet federali.

Id-drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti

L-ispjegazzjoni li ngħatat hawn fuq tapplika wkoll għad-drittjiet tat-tradutturi u tal-interpreti.

Dokumenti relatati

Studju dwar it-trasparenza tal-ispejjeż: Rapport tal-pajjiż L-AwstrijaPDF(829 Kb)en

Links Relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Artikolu 32 tal-Att dwar id-Drittijiet għall-Qorti


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 11/06/2019