Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Divorzju - Italja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżit-Taljan diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi tistabbilixxi r-rekwiżiti ġuridiċi għad-divorzju  (ara t-Taqsima 2). Il-qorti trid  taċċerta ruħha li ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għas-sentenza ta' divorzju.

Din il-verifika trid issir anki f'każ ta' rikors kunġunt ta' divorzju; il-ftehim tal-partijiet mhux fih innifsu raġuni għad-divorzju (għalhekk ma hemmx divorzju proprjament konġunt), iżda għall-finijiet ta' sentenza favorevoli trid issir verifika ġudizzjarja tal-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba tal-partijiet.

Jekk iż-żwieġ ġie ċċelebrat skont ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Ċivili, id-divorzju jħollu, u jekk iż-żwieġ sar bil-Knisja u ġie rreġistrat fir-reġistru pubbliku tat-twelid, taż-żwieġ u l-mewt, id-divorzju jġib fi tmiemhom l-effetti ċivili. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Sorsi: l-Att Nru 898 tal-1 ta' Diċembru 1970, kif emendat mill-Att Nru 436 tal-1 ta' Awwissu 1978 u mill-Att Nru 74 tas-6 ta' Marzu 1987.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob għad-divorzju:

1) meta l-konjuġi l-ieħor, wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jiġi kkundannat, b'sentenza li għaliha ma jkunx sar appell, minħabba reati - anki qabel iż-żwieġ – partikolarment serji, jiġifieri:

għal piena ta' għomor il-ħabs jew għal piena ta' ħabs għal aktar minn 15-il sena, li tista' tkun is-somma ta' bosta sentenzi f'daqqa, għal reati volontarji, bl-eċċezzjoni ta' reati politiċi jew reati li jkunu saru minħabba raġunijiet ta' valur morali u soċjali speċjali;

minħabba kull piena ta' ħabs għal reati ta' inċest (l-Artikolu 564 tal-Kodiċi Kriminali) u għal reati ta' abbuż sesswali msemmija fl-Artikoli 609 bis (abbuż sesswali), 609(c), 609(d), 609(g) (miżjuda mill-Att Nru 66 tal-1996);

minħabba kundanna ta' ħabs għall-qtil tat-tfal jew għall-attentat qtil tal-konjuġi jew tat-tfal;

minħabba sentenza ta' piena ta' priġunerija, b'żewġ kundanni jew aktar, għal reat ta' offiża gravi fuq il-persuna, ta' ksur tal-obbligu ta' manteniment tal-familja, maltrattament fil-familja jew tal-minuri, jew influwenza żejda fuq persuni b'mard mentali, ħsara lill-konjuġi jew lit-tfal, ħlief fejn ir-rikorrent ġie kkundannat ukoll bħala kompliċi għar-reat jew fejn il-koppja reġgħet stabbilixxiet il-koabitazzjoni;

2) f’każijiet fejn:

il-konjuġi l-ieħor ġie liberat mill-akkuża ta' reati ta' inċest jew abbuż sesswali msemmija fil-punt 1(b) u (c), jekk il-qorti hija tal-fehma li l-konvenut mhux f'pożizzjoni li jkompli jew imur lura jgħix mal-familja tiegħu;

il-koppja sseparat legalment jew bil-kunsens tat-tnejn li huma jew b'talba ta' waħda mill-partijiet, għal minimu ta' tliet snin minn mindu dehru l-qorti għal proċedimenti ta' separazzjoni;

il-proċediment kriminali għal wieħed mir-reati msemmija fil-punt 1(b) u (c) twaqqaf għaliex ir-reat kien preskritt, iżda l-qorti li qed tisma' d-divorzju tistabbilixxi li r-reat fih innifsu xorta kien jagħti lok għal responsabbiltà kriminali;

il-proċediment kriminali għar-reat ta' inċest ikkonkluda li ma kienx hemm responsabbiltà kriminali għaliex ir-reat ma' ħoloqx "skandlu pubbliku";

il-konjuġi l-ieħor li huwa ċittadin barrani ġab l-annullament jew il-ħall taż-żwieġ f'pajjiż ieħor jew reġa' żżewweġ f'post barrani;

iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat;

wieħed mill-konjuġi biddel is-sess b'mod uffiċjali: f'dan il-każ it-talba għad-divorzju tista' titressaq jew mill-konjuġi li biddel is-sess jew mill-konjuġi l-ieħor;

Għalhekk fil-qosor, minbarra l-każijiet ta' liġi kriminali (li jinkludu, minbarra l-kundanni għal reati serji, każijiet fejn il-persuna tiġi liberata minħabba nuqqas ta' kapaċità ġuridika, każijiet fejn ir-reat ikun preskritt, u f'każ ta' inċest meta r-rekwiżit oġġettiv għar-responsabbiltà kriminali jkun nieqes), ir-raġunijiet li għalihom jista' jintalab id-divorzju huma; l-annullament, is-separazzjoni legali, il-ħall taż-żwieġ jew żwieġ ġdid tal-konjuġi l-ieħor iċċelebrat barra l-pajjiż; iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat; il-bdil fis-sess.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

L-għoti ta' sentenza ta' divorzju tfisser li:

l-ewwel nett, tintemm ir-relazzjoni bejn il-konjuġi, b'hekk kull parti terġa' tmur lura għall-istatus  ta' xebba/ġuvni  u għandha dritt terġa' tiżżewweġ.

Il-mara titlef kunjom żewġha jekk tkun żiditu ma' kunjomha ta' xebba; madankollu l-qorti tista' tawtorizza lill-mara, b'talba tagħha biex iżżomm kunjom żewġha flimkien ma' kunjomha ta' xebba, fejn dan ikun fl-interess tagħha jew tat-tfal għal raġunijiet li jistħoqqilhom protezzjoni.

Id-divorzju ma jħollx l-irbit bl-affinità u b'mod partikolari ma jneħħix l-impediment ta' żwieġ kostitwit miż-żwieġ fil-linja diretta (It-Taqsima 87(4) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi barranin ma jitilfux iċ-ċittadinanza li jkunu kisbu biż-żwieġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jħoll il-komunjoni tal-akkwisti stabbilita bil-liġi (li tinkludi l-akkwisti kollha li jkunu saru mill-konjuġi flimkien jew separatament matul iż-żwieġ, minbarra l-oġġetti personali mniżżla fit-Taqsima 179 tal-Kodiċi Ċivili) kif ukoll kull fond li jkun ġie mwaqqaf għall-bżonnijiet tal-familja (fondo patrimoniale); dan il-fond jibqa' jeżisti sakemm it-tfal ikunu laħħqu l-età adulta. Id-divorzju ma jaffettwax il-proprjetà konġunta regolata minn ftehim ieħor (comunione ordinaria, pereżempju, għal akkwisti li jkunu saru qabel iż-żwieġ pro rata, jew matul iż-żwieġ fi żmien meta kien ġie miftiehem li l-proprjetà tal-miżżewwġin tibqa' separata (is-separazzjoni tal-beni): ir-rabta fir-rigward tal-proprjetà konġunta ta' dan it-tip tista' tinħall b'talba ta' wieħed mill-konjuġi.

Ġenitur  li jgħix mat-tifel minuri jista' jingħata d-dritt li jibqa' jgħix fid-dar matrimonjali  jekk ikun fl-interess tal-minuri li jibqa' jgħix f'dik id-dar.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-qorti li tordna d-divorzju tagħti kustodja konġunta tat-tfal minuri; il-kustodja lil ġenitur wieħed esklussivament isseħħ f'każijiet eċċezzjonali; tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar il-ħin li t-tfal iqattgħu mal-ġenitur  li ma jkunx jgħix fid-dar matrimonjali magħhom. tagħti struzzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal u tiffissa ammont li jrid jitħallas għall-manteniment tat-tfal mill-ġenitur li ma jibqax joqgħod fid-dar matrimonjali.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tordna d-divorzju, l-qorti, b'talba ta' waħda mill-partijiet, tordna li jsir ħlas regolari ta' manteniment  lill-parti li ma jkollhiex biżżejjed mezzi ta' għajxien jew li mhix kapaċi tipprovdi għaliha nnfisha għal raġunijiet oġġettivi. L-obbligu ta' ħlas ta' manteniment jieqaf jekk il-benefiċjarju jerġa' jiżżewweġ. Jekk il-partijiet jaqblu, il-ħlas tal-manteniment jista' jsir ukoll f'darba bit-trasferiment tad-drittijiet fuq il-proprjetà lill-konjuġi benefiċjarju (għal aktar informazzjoni ara: "Talbiet għall-Manteniment – l-Italja")

Il-konjuġi li jonqos li jħallas il-manteniment f'każ ta' separazzjoni jew wara d-divorzju  jkun ħati ta' reat ta' ksur tal-obbligu tal-għajnuna lill-familja (l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali).

Hemm effetti oħra. Il-konjuġi li huwa divorzjat iżda li ma reġax iżżewweġ u li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt ukoll għal sehem minn kull ħlas minħabba t-terminazzjoni tal-impjieg li jsir lill-konjuġi l-ieħor. F'każ tal-mewt tal-eks konjuġi, il-konjuġi superstiti għandu dritt jirċievi l-pensjoni tad-decujus, jew li jaqsam din il-pensjoni ma' kull konjuġi superstiti ieħor, u li jirċievi ħlas mill-wirt tad-decujus, jekk ikun f'qagħda finanzjarja diffiċli. Il-liġi tipprovdi wkoll li konjuġi li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt għall-iskrizzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja jew li jitlob is-sekwestru tal-assi tal-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni personali tfisser li l-liġi ma teħtiġx aktar li jkun hemm il-koabitazzjoni. Is-separazzjoni de facto waħedha ma għandhiex effetti (ħlief f'sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-Att ta' Riforma Nru 151 tal- 1975).

Is-separazzjoni personali ma tħollx ir-relazzjoni matrimonjali iżda ddgħajjifha.

Is-separazzjoni personali tista' sseħħ b'ordni tal-qorti jew b'mod bonarju.

Sorsi: ir-regoli sostantivi qiegħdin fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 150 et seq dwar kwistjonijiet ta' suċċessjoni ara l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni personali jiġifieri s-separazzjoni personali bil-qorti teħtieġ il-prova li l-konjuġi ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien.

Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfata, il-qorti tordna s-separazzjoni, b'talba ta' waħda mill-partijiet, anki kontra x-xewqat tal-parti l-oħra.

F'każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista' issib ukoll li waħda mill-partijiet kienet ħatja tas-separazzjoni: dan għandu konsegwenzi għall-għoti ta' manteniment waqt is-separazzjoni u wara d-divorzju, u fir-rigward ta' drittijiet ta' suċċessjoni. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Is-separazzjoni personali bonarja hija bbażata fuq ftehim bejn il-konjuġi, iżda ssir effettiva biss wara l-approvazzjoni tal-qorti, li hija responsabbli biex tara li l-ftehim milħuq mill-konjuġi jkun fl-interessi superjuri tal-familja. B'mod partikolari, fejn il-ftehim dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal ma jkunx fl-interessi tat-tfal stess, il-qorti terġa' ssejjaħ lill-partijiet u titlobhom ibiddlu l-ftehim. Jekk il-partijiet ma jagħmlux dan, il-qorti tista' tirrifjuta li tawtorizza s-separazzjoni.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-relazzjonijiet personali: is-separazzjoni personali (kemm bil-qorti kif ukoll bonarja) tneħħi r-rekwiżit ta' kull forma ta' għajnuna assoċjata mal-koabitazzjoni. Hija tħassar ukoll il-preżunzjoni tal-paternità. Il-mara ma titlifx kunjom żewġha jekk tkun żiditu wara kunjomha ta' xebba, iżda b'talba ta' żewġha l-qorti – tista' ma tħallihiex tużah fejn l-użu ta' kunjom żewġha jista' jikkawżalu dannu serju.

Is-sjieda tal-proprjetà konġunta: is-separazzjoni tħoll il-komunjoni tal-beni stabbilita bil-liġi (comunione legale).

Is-setgħa tal-ġenitur: il-qorti li tordna s-separazzjoni tirregola l-kustodja tat-tfal minuri u tistabbilixxi l-ammont ta' manteniment għat-tfal li jrid jitħallas mill-ġenitur li ma jgħix magħhom (jew fil-każ eċċezzjonali ta' kustodja esklussiva,  il-manteniment li jrid jitħallas mill-ġenitur li lilu ma ngħatatx il-kustodja). Fl-għoti tad-dritt ta' abitazzjoni fid-dar matrimonjali, il-ġenitur li jgħix mal-minuri jingħata prijorità (għal aktar informazzjoni ara "Kustodja u aċċess għat-tfal" – l-Italja) .

L-obbligu tal-manteniment: b'talba ta' waħda mill-partijiet, il-qorti tista' tagħti lill-konjuġi mhux ħati tas-separazzjoni d-dritt għal manteniment mill-konjuġi l-ieħor, jekk huwa ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien. Konjuġi fil-bżonn xorta għandu dritt għall-manteniment, jiġifieri somma regolari meħtieġa għall-għajxien, anki jekk kien ħati tas-separazzjoni (għal aktar dettalji ara "Talbiet għall-manteniment"– l-Italja)

L-aġġustament awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment minħabba l-inflazzjoni huwa provdut espressament fil-każ ta' koppji divorzjati; il-ġurisprudenza estendiet dan il-prinċipju wkoll għall-koppji separati.

Il-miżuri stabbiliti mill-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u l-kalkolu tal-ammont ta' manteniment għall-konjuġi u għat-tfal jista' jiġu emendati aktar tard.  In-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment huwa reat skont l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali.

Is-separazzjoni bi jew mingħajr ħtija: il-konjuġi separati li mhumiex ħatja tas-separazzjoni jkompli jgawdu mill-istess drittijiet tas-suċċessjoni daqs il-konjuġi mhux separati.

Il-konjuġi ħatja tas-separazzjoni min-naħa l-oħra għandhom biss dritt għall-manteniment mill-wirt tad-decujus, u dan biss jekk fi żmien li jkunu għaddejjin il-proċedimenti tas-suċċessjoni kienu intitolati għall-manteniment mingħand id-decujus (l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).

Effetti oħra: fin-nuqqas ta' konformità is-sentenza ta' separazzjoni tagħti d-dritt ta' iskrizzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja u; b'talba tal-persuna intitolata, il-qorti tista' tordna l-qbid tal-assi tal-konjuġi ħati tas-separazzjoni jew toħroġ mandat ta' sekwestru fuq is-salarju tiegħu.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Skont l-Artikoli 117 et seq tal-Kodiċi Ċivili, żwieġ jitqies null u bla effett f'numru ta' każijiet differenti. Is-suġġett irid jitqies f'termini ta' nullità, billi wieħed iħares lejn ir-raġunijiet għan-nullità u l-liġi li tapplika għal kull każ.

Iż-żwieġ ikun null jekk ikun vizzjat minn wieħed mid-difetti stabbiliti mil-liġi, iżda d-difett irid jitqajjem il-qorti permezz ta' kawża.

Il-kawża għall-annullament taż-żwieġ ma tintiritx mill-eredi sakemm is-sentenza ma tkunx diġà pendenti. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Sorsi: ir-regoli sostantivi qiegħdin fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 177 – 129 bis).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista' jiġi ddikjarat null minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin (l-Artikoli 177 et seq tal-Kodiċi Ċivili):

  1. Wieħed mill-konjuġi kien għadu marbut bl-ewwel żwieġ; in-nullità hija assoluta u mingħajr preskrizzjoni; il-kawża tista' ssir minn kull waħda mill-partijiet, minn qraba diretta fil-linja axxendenti, mill-prosekutur pubbliku, jew minn kull min għandu interess leġittmu;
  2. impedimentum criminis; iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn żewġ persuni li waħda minnhom kienet instabet ħatja ta' qtil jew attentat qtil tal-konjuġi tal-ieħor;  in-nullità hija assoluta u ma hemmx rimedju għalija, u tista' titqajjem miż-żewġ partijiet, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu.
  3. Iż-żwieġ ma setax jiġi ċċelebrat minħabba l-mard mentali ta' waħda mill-partijiet; l-ordni li jiddikjara din l-inkapaċità jista' jinħareġ anki wara ż-żwieġ, sakemm jiġi ppruvat li l-inkapaċità kienet teżisti meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ; iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat mit-tutur, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu;
  4. Wieħed mill-konjuġi ma kellux il-fakultajiet intellettwali meħtieġa (incapacità naturale); iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat minn konjuġi li – minkejja li mhux interdett – juri li daħal għaż-żwieġ meta ma kellux il-fakultajiet intellettwali meħtieġa. Ir-rikors ma jistax isir jekk il-koppja għexet flimkien għal aktar minn sena minn meta r-rikorrent reġa' akkwista l-fakultajiet intellettwali – tiegħu.
  5. Wieħed mill-konjuġi kien taħt l-età; ir-rikors jista' jsir mill-konjuġi, mill-prosekutur pubbliku jew mill-ġenituri; id-dritt tal-minuri biex iressaq ir-rikors jaqa' sena wara li jkun laħaq l-età adulta.
  6. Kien hemm rabtiet familjali, affinità, adozzjoni jew affiljazzjoni; din ir-raġuni ta' nullità tista' titqajjem mill-konjuġi, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu, sakemm ma tkunx għaddiet sena jew aktar miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u l-każ huwa wieħed fejn l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ setgħet tintalab minkejja r-rabtiet.
  7. Vjolenza, biża' u żball: il-kunsens inkiseb bi vjolenza, jew minħabba biża' eċċezzjonalment serja ta' avvenimenti mhux fil-kontroll tal-konjuġi, minħabba żball fl-identità tal-persuna jew żball essenjali dwar kwalità personali tal-persuna l-oħra, skont l-Artikolu 122 tal-Kodiċi Ċivili); ir-rikors jista' jitressaq mill-konjuġi bil-kunsens vizjat minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet, sakemm il-konjuġi ma jkunux għexu flimkien għal sena wara li jkun intemm it-theddid ta' vjolenza jew is-sors tal-biża', jew wara li jkun inkixef l-iżball.
  8. Is-simulazzjoni: iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat minn kull wieħed mill-konjuġi fejn huma żżewwġu bil-qbil li ma jidħlux għall-obbligi tiegħu jew li ma jeżerċitawx id-drittijiet ġejjin minnu.  Ir-rikors għall-annullament jrid jitressaq fi żmien sena mit-tieġ; ma jistax jitressaq jekk il-konjuġi għexu flimkien bħala raġel u mara wara t-tieġ, anki jekk għal żmien qasir.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk il-konjuġi kienu in bona fide (jiġifieri ma kenux jafu bl-impediment meta żżewwġu), iż-żwieġ jiġi ddikjarat validu sakemm jiġi annullat, u l-annullament ikun effettiv biss minn meta tingħata s-sentenza (il-prinċipju taż-"żwieġ putattiv"). It-tfal li jitwieldu jew konċepiti matul iż-żwieġ dikjarat null jitqiesu leġittmi u għalhekk huma koperti mir-regoli dwar is-separazzjoni tal-koppji bit-tfal.

Il-qorti tista' wkoll tordna li wieħed mill-konjuġi jibgħat ħlas regolari lill-konjuġi l-ieħor, għal mhux aktar minn tliet snin, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunx reġa' żżewweġ.

Jekk wieħed mil-konjuġi biss kien in bona fide, l-effetti ta' żwieġ validu jitiqiesu li dejjem kienu jeżistu favur dak il-konjuġi u t-tfal.  Il-konjuġi in mala fede jkollu jħallas kumpens ġust ekwivalenti għal manteniment ta' tliet snin u jħallas ukoll manteniment addizzjonali jekk ma jkun hemm ħadd aktar obbligat iħallas il-manteniment.

Jekk iż-żewġ konjuġi kienu in mala fede, l-effetti ta' żwieġ validu jitqiesu li dejjem kienu jeżistu favur it-tfal imwielda jew konċepiti matul iż-żwieġ, sakemm ir-raġuni għall-annullament mhux il-bigamija jew l-inċest;  it-tfal imwielda matul żwieġ iddikjarat null minħabba l-bigamija jistgħu jingħataw l-istatus ta' tfal naturali ta' paternità rikonoxxuta.

Il-bona fide hija preżunta, u hija meħtieġa biss dakinhar tat-tieġ.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Ma hemmx dispożizzjonijiet għal metodi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marbuta mad-divorzju (jew separazzjoni). Il-partijiet ikollhom aċċess liberu għas-servizzi ta' medjazzjoni tal-familja li jgħinuhom jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti rigward il-kustodja tat-tfal.

Il-partijiet jistgħu ukoll jiftehmu dwar arranġamenti finanzjarji għall-manteniment tat-tfal u għal kull konjuġi.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-regoli dwar proċedimenti ta' divorzju japplikaw ukoll għall-proċedimenti ta' separazzjoni, mutatis mutandis; u fuq skala iżgħar, japplikaw ukoll l-Artikoli  706 et seq tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Il-proċedimenti għandhom l-għamla ta' proċedura speċjali ta' tiftix tal-fatti, iggvernata minn regoli differenti minn dawk li japplikaw għall-proċedimenti ordinarji, partikolarment fl-istadju preliminari (bażikament dan huwa proċess b'żewġ fażijiet: il-fażi ta' konċiljazzjoni u l-fażi struttorja, sewwa sew kontenzjuża).

Ġuriżdizzjoni: il-qorti kompetenti hija l-qorti ġenerali (tribunale), iffurmata minn kulleġġ ta' imħallfin, tal-post tal- aħħar residenza konġunta tal-konjuġi, jew ta' kull post ieħor indikat mil-liġi (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) , jew fejn ma jistax isir kuntatt mal-konvenut jew għaliex jgħix barra l-Italja, tal-post ta' residenza jew domiċilju tar-rikorrent; u fejn iż-żewġ partijiet jgħixu barra l-Italja, kull qorti fil-pajjiż tista' tisma' l-kawża. Jekk id-divorzju jkun kunsenswali, il-konjuġi jistgħu jagħżlu bejn il-post ta' residenza jew domiċilju ta' kull wieħed minnhom.

Il-proċedimenti: It-talba għad-divorzju jew separazzjoni ssir permezz ta' rikors li jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti kompetenti; mar-rikors jiġu mehmuża d-dokumenti ta' sostenn iżda dawn jistgħu jiġu ppreżentati wkoll waqt is-seduta. Ir-rikorrent għandu jassigura li l-konvenut jiġi nnotifikat bir-rikors u bl-ordni tal-imħallef presjedenti fejn tkun ġiet iffissata d-data għas-smigħ tal-partijiet. Jekk it-tentattiv ta' rikonċilazzjoni tal-partijiet waqt l-ewwel seduta ma jirnexxix, l-imħallef presjedenti jagħti ordnijiet provviżorji fl-interess tal-partijiet u tat-tfal tagħhom, u jiffissa data għas-smigħ quddiem il-qorti struttorja, li teżamina l-każ skont ir-regoli ordinarji dwar il-provi.

Id-divorzju kunsenswali: rikors konġunt jeħtieġ ftehim bejn il-konjuġi għad-divorzju u għall-kundizzjonijiet  dwar it-tfal tagħhom u l-kwistjonijiet finanzjarji. Il-proċediment huwa sempliċi.

Sorsi: l-Att Nru 88 tal-1970 kif emendat; f'każ ta' separazzjoni personali japplikaw l-Artikoli 706-711 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-benefiċċju tal-għajnuna legali huwa possibbli (patrocinio a spese dello Stato) jiġifieri l-possibiltà ta' avukat mingħajr ħlas tad-drittijiet tiegħu u l-ispejjeż l-oħra tal-qorti. L-għajnuna legali hija disponibbli wkoll għaċ-ċittadini barranin li għandhom residenza fl-Italja. Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jinsabu fl-Att Nru 1990/217 u fl-iskeda dwar l-għajnuna legali. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali jridu jiġu ppreżentati lill-Kamra tal-Avukati rilevanti (consiglio dell'ordine degli avvocati); ara s-siti elettroniċi rilevanti (għall-Kamra tal-Avukati ta' Ruma) u s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Sorsi: l-Att Nru 217 tal-1990, kif emendat mill-Att Nru 134 tal-2001.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista' jsir appell mis-sentenzi ta' separazzjoni personali, divorzju jew annullament. Is-sentenzi mhux finali fi proċedimenti ta' divorzju, (jiġifieri deċiżjonijiet dwar l-istatus tal-konjuġi)  jew fi proċedimenti ta' separazzjoni (pereżempju deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà jew il-ħlas tal-manteniment) ma jistgħux jiġu appellati fi stadju ulterjuri, jiġifieri flimkien ma' appell mis-sentenza finali: iridu jiġu appellati fil-limiti taż-żmien ordinarji.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Hawnhekk japplika r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003. Huwa jipprovdi għal proċedura standard fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Ir-rikonoxximent huwa awtomatiku. Għalhekk ma hemmx bżonn ta' xi proċedura speċjali sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru taż-żwieġ, twelid u mwiet tal-Istat Membru wara sentenza finali ta' divorzju, separazzjoni personali jew annullament.

Madankollu, kull parti interessata tista' tapplika għal dikjarazzjoni li tgħid li sentenza barranija għandha jew ma għandhiex tiġi rikonoxxuta. Ir-raġunijiet speċifiċi biex ma jsirx ir-rikonoxximent huma mniżżla fir-Regolament. L-azzjoni, f'forma ta' rikors lill-qorti, trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-appell b'ġuriżdizzjoni territorjali fil-post ta' implimentazzjoni tas-sentenza kif previst mid-dritt intern tal-Italja. Il-qorti għandha tagħti deċiżjoni mingħajr dewmien, bi jew mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, u s-sentenza għandha tiġi nnotifikat lir-rikorrent.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull parti tista' tappella minn deċiżjoni ta' rikonoxximent quddiem il-qorti tal-appell li tat id-deċiżjoni, fi żmien xahar min-notifika tagħha (jew xahrejn jekk il-parti l-oħra tgħix f'pajjiż ieħor). F'dan it-tieni stadju, il-partijiet iridu jinstemgħu skont il-prinċipju tal-kontradittorju, u japplikaw ir-regoli ordinarji tal-litigazzjoni.

Is-sentenza mogħtija dwar din l-oġġezzjoni ta' rikonoxximent tista' mbagħad tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (ara l-Annessi tar-Regolament).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Is-separazzjoni personali u d-divorzju huma regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali komuni għaż-żewġ partijiet fi żmien li jsir ir-rikors għas-separazzjoni personali jew id-divorzju. F'każ ta' konjuġi b'ċittadinanzi differenti, il-qorti trid tidentifika l-liġi li tapplika skont il-pajjiż fejn il-koppja qattgħet il-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħha; il-qorti għandha dritt ta' diskrezzjoni f'dan ir-rigward.

Jekk il-liġi barranija li għandha tapplika ma jkollhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, tapplika l-liġi Taljana (l-Artikolu 31 tal-Att Nru 218 tal-1995) jiġifieri tapplika l- lex fori. Għandu jiġi nnutat li l-liġi Taljana tapplika indipendentement jekk ir-rikorrent huwiex ċittadin Taljan, u l-liġi Taljana tista' titqajjem ukoll minn persuna mingħajr ċittadinanza Taljana fi żwieġ imħallat jew bejn persuni mhux b'ċittadinanza Taljana.

Il-konjuġi Taljani li jiftħu kawżi għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju fl-Italja huma soġġetti għal-liġi Taljana anki jekk mhumiex residenti l-Italja. Il-konjuġi b'ċittadinanzi differenti huma soġġetti għal-liġi tal-pajjiż fejn huma jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħhom; madankollu, fejn il-liġi tal-pajjiż ikkonċernat ma għandhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, il-qorti Taljana tapplika l-liġi Taljana.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 15/10/2018