Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Titolu eżekuttiv ewropew - Rumanija


SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Rumanija

Ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta' Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali - Ordni ta' Infurzar Ewropew


1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

Jekk it-Titolu Eżekuttiv ikun sentenza mill-qorti, li tinkludi soluzzjonijiet bil-qorti jew ftehimiet ġuridiċi bejn il-partijiet, iċ-ċertifikazzjoni taqa' taħt il-kompetenza ta' qorti tal-prim'istanza (l-Artikolu 2(1) tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvat bl-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

L-applikazzjoni għar-rettifika ta' ċertifikat hija l-kompetenza tal-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet sabiex jinħarġu ċertifikati billi tieħu deċiżjoni mingħajr ma tikkonvoka l-partijiet. Deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni ma tkunx suġġetta għall-appell. Jinħareġ ċertifikat lill-kreditur u tintbagħat kopja lid-debitur. Jista' jitressaq appell kontra deċiżjoni għaċ-ċaħda ta' applikazzjoni fi żmien 15-il jum minn meta toħroġ id-deċiżjoni jekk il-kreditur kien preżenti, u fi żmien 15-il ġurnata minn meta tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni jekk il-kreditur ma kienx preżenti. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw f'każ ta' rieżami dwar punt tal-liġi (recurs) (l-Artikolu 2, l-Artikolu 3, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tal-Artikolu I1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati permezz tal-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

Applikazzjoni sabiex jiġi rtirat ċertifikat trid tiġi ppreżentata lill-qorti li ħarġitu fi żmien xahar minn meta jkun ġie nnotifikat iċ-ċertifikat. Jekk wara li jissejħu l-partijiet, il-qorti ssib li nħareġ ċertifikat mingħajr ma ntlaħqu l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 805/2004, hija terġa' teżamina mill-ġdid il-miżuri li ttieħdu u tirtira ċ-ċertifikat, kollu kemm hu jew parti minnu. Jista’ jitressaq appell kontra deċiżjoni fi żmien 15-il jum minn meta tkun ġiet notifikata. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw f'każ ta' rieżami dwar punt tal-liġi (recurs) (l-Artikolu 7 tal-Artikolu I1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati permezz tal-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

Il-proċedimenti ta' rieżami msemmijin fl-Artikolu 19(1)

Il-proċedimenti ta' rieżami skont il-leġiżlazzjoni Rumena li huma msemmijin fl-Artikolu 19(1) jikkostitwixxu forom ta' rimedju ordinarju: appell (apel); u rimedju straordinarju: ir-rieżami dwar punt tal-liġi (recurs), ir-rikors għall-annullament (contestație în anulare) u r-rieżami (revizuire).

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

Il-proċedimenti ta' rieżami msemmijin fl-Artikolu 19(1)

Il-proċedimenti ta' rieżami skont il-leġiżlazzjoni Rumena li huma msemmijin fl-Artikolu 19(1) jikkostitwixxu forom ta' rimedju ordinarju: appell (apel); u rimedju straordinarju: ir-rieżami dwar punt tal-liġi (recurs), ir-rikors għall-annullament (contestație în anulare) u r-rieżami (revizuire).

Appell huwa rregolat bl-Artikoli 466-482 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Id-deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza jistgħu jiġu appellati. Il-limitu ta' żmien biex jiġi ppreżentat appell huwa ta' 30 jum minn meta tiġi kkomunikata d-deċiżjoni. L-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni tal-ewwel istanza tiġi sospiża matul l-appell. L-appell u r-raġunijiet li fuqhom dan ikun ibbażat jiġu ppreżentati lill-qorti li qed tiġi appellata d-deċiżjoni tagħha.

Ġaladarba l-limitu ta' żmien għall-appell jiskadi, l-intmat huwa intitolat, skont il-proċediment legali li fih qed jinstema' l-appell tal-parti opposta, biex jifformula appell bil-miktub (magħruf bħala kontroappell: apel incident) permezz ta' applikazzjoni tiegħu li għandha l-għan li tibdel id-deċiżjoni tal-qorti tal-prim'istanza.

F'każ ta' koparteċipazzjoni proċedurali, u meta partijiet terzi jkunu intervjenew fil-proċedimenti tal-ewwel istanza, l-intimat huwa intitolat, ġaladarba l-perjodu tal-appell ikun skada, li jippreżenta appell bil-miktub (magħruf bħala appell ipprovokat: apel provocat) kontra l-intimat l-ieħor jew il-persuna li dehret fil-kawża li nstemgħet fl-ewwel istanza, u li mhijiex parti mill-appell ewlieni, jekk l-involviment ta' din tal-aħħar huwa fl-aħħar mill-aħħar tali li jkollu konsegwenzi għall-istatus legali tal-intimat fil-proċedimenti.

Il-kontroappell u l-appell ipprovokat jiġu ppreżentati mill-intimat hekk kif l-appell ewlieni jiġi indirizzat.

L-appell imressaq kif dovut fi żmien il-perjodu mitlub, jagħti lok għal valutazzjoni ġdida dwar il-merti tal-każ, u l-qorti tal-appell taqta' s-sentenza kemm skont il-fatti kif ukoll skont il-liġi (l-effett devoluttiv tal-appell: efectul devolutiv al apelului).

Il-qorti tal-appell terġa' tivvaluta mill-ġdid il-merti tal-każ skont il-limiti stipulati mill-appellant u b'referenza għas-soluzzjonijiet li jiddependu fuq il-parti tas-sentenza li sar l-appell kontriha. Id-devoluzzjoni sseħħ għall-każ kollu meta l-appell ma jkunx limitat għal ċerti soluzzjonijiet tad-dispożittiv taħt appell, meta s-sentenza probabbilment li se tispiċċa annullata jew meta l-oġġett tat-tilwima ma jistax jiddividi ruħu.

Il-qorti tal-appell tista' tikkonferma s-sentenza appellata, f'liema każ hija tiċħad jew tirrevoka l-appell, jew tiddikjara li l-proċedimenti skadielhom iż-żmien. Jekk l-appell jiġi aċċettat, il-qorti tista' tannulla s-sentenza appellata jew tibdilha.

Jekk jinstab li l-qorti tal-prim'istanza qatgħet il-każ ħażin, mingħajr ma eżaminat il-merti tiegħu jew jekk il-każ instema' fl-assenza tal-partijiet li ma tħarrkux legalment, il-qorti tal-appell tannulla s-sentenza appellata u tevalwa l-merti tal-każ. Il-qorti tal-appell imbagħad tannulla d-deċiżjoni appellata u tirreferi l-każ biex jerġa' jiġi eżaminat fil-qort tal-prim'istanza; ir-riferiment biex każ jerġa' jiġi eżaminat jista' jseħħ darba biss tul il-proċedimenti.

Jekk il-qorti tal-appell tikkonkludi li l-qorti tal-prim'istanza ma kellhiex il-ġuriżdizzjoni, hija tirrevoka s-sentenza kkontestata u tirreferi l-każ lill-qorti kompetenti jew, fejn ikun xieraq, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

Jekk il-qorti tal-appell tikkonkludi li għandha l-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza, hija tirrevoka s-sentenza appellata u teżamina l-merti tal-każ.

L-appellant ma jistax, b'riżultat tal-appell tiegħu stess, jispiċċa f'sitwazzjoni agħar minn dik li qiegħed fiha permezz tas-sentenza li qed tiġi appellata.

Ir-rieżami dwar punt tal-liġi huwa rregolat bl-Artikoli minn 483 sa 502 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Sentenzi li jkun hemm appell dwarhom, dawk mogħtija mingħajr dritt għall-appell u oħrajn f'każijiet previsti espressament huma suġġetti għal rieżami dwar punt tal-liġi. Sentenzi mogħtija dwar ċerti suġġetti bħal li ġejjin, ma humiex suġġetti għal dan ir-rieżami: il-kustodja legali, il-familja, l-istat ċivili, l-amministrazzjoni ta' binjiet, l-evakwazzjoni. Is-servitù, it-tibdil fil-konfini, l-immarkar ta’ konfini, l-obbligi biex jitwettqu azzjonijiet jew biex ma jitwettqux azzjonijiet li ma jistgħux jitkejlu f'termini ta' flus, id-dikjarazzjoni ġudizzjarja tal-mewt ta' persuna, id-diviżjoni legali, in-navigazzjoni ċivili, it-tilwim industrijali, is-sigurtà soċjali, l-esproprjazzjoni, il-kumpens għad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju, it-talbiet li jistgħu jingħataw li l-valur monetarju tagħhom jasal sa RON 500 000, u d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, huma suġġetti biss għall-appell.

Il-limitu ta' żmien sabiex jintalab ir-rieżami ta' punt tal-liġi huwa ta' 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni. Ir-rieżami jitlesta mill-qorti li ġerarkikament hija ogħla minn dik li tkun qatgħet is-sentenza li qed tiġi appellata. Fuq it-talba tal-appellant, il-qorti inkarigata biex twettaq ir-rieżami tista' tordna s-sospensjoni tas-sentenza suġġetta għall-appell.

Il-kontroeżami dwar punt tal-liġi u r-rieżami pprovokat dwar punt tal-liġi jistgħu jitwettqu fil-każijiet speċifikati għal kontroappell u għal appell ipprovokat.

Meta rieżami dwar punt tal-liġi jkun ġie ddikjarat fil-prinċipju bħala ammissibbli, il-qorti tista', wara li tkun ivverifikat ir-raġunijiet kollha mressqa u wara li tkun eżaminat il-punt tal-liġi, taċċettah, tiċħdu jew tirrevokah, jew tiddikjara li l-proċedimenti skadielhom iż-żmien. Jekk jintlaqa' r-rieżami dwar punt tal-liġi, is-sentenza appellata tista' tiġi annullata kollha kemm hi jew parti minnha. Is-sentenza annullata ma għandha l-ebda effett. Il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jew ta' assigurazzjoni mwettqa abbażi ta' din is-sentenza ma għandhom l-ebda setgħa legali. Il-qorti tistabbilixxi dan, ex officio, permezz tas-sentenza li tannulla l-appell.

Jekk l-appell jiġi annullat, is-sentenzi tal-qorti tal-appell li jirrigwardaw il-kwistjonijiet dwar il-liġi li ġew solvuti huma vinkolanti fuq il-qorti li eżaminat il-merti tal-każ. Meta s-sentenza tiġi annullata minħabba ksur tar-regoli proċedurali, il-proċess ta' eżami jerġa' jibda mill-ġdid mill-att irrevokat. Wara li appell ikun ġie annullat, il-qorti tal-prim'istanza terġa' tevalwa mill-ġdid il-każ fi ħdan il-limiti tal-annullament filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni r-raġunijiet kollha invokati quddiem il-qorti li s-sentenza tagħha ġiet annullata.

Meta punt tal-liġi jkun qed jiġi rieżaminat u meta jkun hemm is-smigħ mill-ġdid ta' seduta wara li sentenza tiġi annullata mill-qorti tal-appell, is-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata ma tistax tinbidel għall-agħar.

Ir-rikors għal annullament huwa rregolat bl-Artikoli minn 503 sa 508 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Is-sentenzi finali jistgħu jiġu appellati permezz ta' rikors għall-annullament meta l-attur ma jkunx ġie debitament imħarrek u ma kienx preżenti meta l-każ ġie eżaminat. Jitressaq rikors għall-annullament għand il-qorti li qed tiġi kkuntestata s-sentenza tagħha. Dan jista' jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum minn meta tkun ġiet ikkomunikata d-deċiżjoni, u mhux aktar tard minn sena mid-data ta' meta s-sentenza tkun saret finali. Il-qorti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li qed jintalab l-annullament tagħha bil-kundizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija. Jekk il-bażi tal-oġġezzjoni tkun sostanzjata, il-qorti taqta' l-każ b'sentenza waħda li permezz tagħha tannulla d-deċiżjoni li hemm l-appell kontriha. Sentenza li tingħata f'rikors għall-annullament tista' tiġi kkontestata daqslikieku kienet id-deċiżjoni li hemm l-appell kontriha.

Rieżami huwa rregolat bl-Artikoli minn 509 sa 513 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Jista' jkun hemm applikazzjoni għal rieżami ta' deċiżjoni fuq il-merti ta' każ jew rieżami li jirreferi għall-merti ta' każ, jekk il-parti kkonċernata, f'ċirkustanzi li ma kinux fil-kontroll tagħha, ġiet impeduta milli tidher fil-qorti u tkun innotifikat lill-qorti dwar dan. Il-perjodu li fih għandu jitwettaq ir-rieżami huwa ta' 15-il ġurnata, li jibda jiddekorri mid-data ta' meta ma tibqax tapplikka r-raġuni għaliex il-parti ma setgħetx tidher il-qorti. Il-qorti tista' tissospendi l-eżkuzzjoni tas-sentenza li qed jiġi applikat ir-rieżami tagħha, bil-kundizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija. Jekk il-qorti tiddikkjara rikors għal rieżami eżekutorju, hija tbiddel is-sentenza kollha li kien hemm l-appell kontriha jew parti minnha, u jekk tinqata' sentenza finali mhux favorevoli, hija tannulla tali sentenza. Sentenza li tinqata' f'rikors għal rieżami hija suġġetta għall-proċeduri tal-appell stabbiliti mil-liġi fir-rigward tas-sentenzi rieżaminati.

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

Il-lingwa Rumena.

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

Jekk it-Titolu Eżekuttiv ikun strument awtentiku, jaqa' taħt il-kompetenza tal-qorti distrettwali tad-distrett fejn jinsab l-emittent tal-att (l-Artikolu 2(2) tal-Artikolu I1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvat bl-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/02/2017