Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Ċipru

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Fil-prinċipju, il-liġi domestika ma fiha l-ebda dispożizzjoni għal testmenti unica charta. Dak li jiġri normalment huwa li waqt it-tfassil tat-testment tagħhom, il-konjuġi jistgħu jaħtru lil xulxin bħala l-uniċi werrieta.

It-testmenti jitfasslu u jkun eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tal-Kapitolu 195.

It-testmenti jridu jkunu bil-miktub u ffirmati mit-testatur jew minn persuna oħra wara talba mit-testatur u fil-preżenza tiegħu. Huma jridu jkunu wkoll iffirmati fil-preżenza ta' tal-inqas żewġ xhieda, li jkunu kollha preżenti fl-istess ħin, biex jikkonfermaw u japprovaw it-testment fil-preżenza tat-testatur. Jekk it-testment ikun fih iktar minn paġna, il-paġni kollha jridu jkunu ffirmati jew inizjalati.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Testment jista' jew:

(a) jiġi ffajljat fir-Reġistru tal-provinċja tat-testatur, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 189;

(b) jinżamm fl-uffiċċju tal-avukat tat-testatur; jew

(c) jinżammu mit-testatur innifsu jew minn kwalunkwe persuna oħra li jagħżel għal dan l-għan.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-prinċipju tas-sehem riżervat huwa inkluż fil-liġi domestika kif irregolat mill-Artikolu 41 tal-Kapitolu 195. L-Artikolu 51 tal-Kapitolu 195 huwa rilevanti wkoll.

It-tfal għandhom id-dritt li jaqsmu sa 25% tal-valur nett tal-patrimonju. Jekk ma jkunx hemm tfal, imma jkun hemm konjuġi jew ġenitur superstiti, ikollu d-dritt li jaqsam sa 50%, filwaqt li fil-każijiet l-oħra kollha, il-wirt kollu jista' jiddevolvi.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Fin-nuqqas ta' dispożizzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà causa mortis, il-wirt jintiret skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 et seq. tal-Kapitolu 195.

Jekk ikun hemm tfal u konjuġi, il-valur nett tal-wirt jingħata lill-konjuġi u lit-tfal, f'sehem indaqs. Jekk ma jkun hemm la tfal u lanqas dixxendenti oħrajn, sehem il-konjuġi jiżdied, skont ikunx hemm qraba oħrajn sar-raba' grad tal-parentela. B'mod partikolari, jekk ikun hemm l-aħwa jew il-ġenituri tal-persuna deċeduta, is-sehem ta' konjuġi jammonta għal 50% tal-valur nett u jekk ma jkun hemm l-ebda qarib sar-raba' grad tal-parentela, il-konjuġi jkun intitolat għal ¾ mill-wirt. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-patrimonju kollu jiddevolvi għand il-konjuġi.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Fil-każijiet kollha ta' hawn fuq, l-awtorità kompetenti hija l-Qorti Distrettwali tal-aħħar domiċilju tat-testatur/persuna deċeduta.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Preżentata ta' talba

Preżentata ta' eżenzjoni temporanja approvata mir-Reġistratur tat-Taxxi

Ħruġ ta' att ta' konċessjoni

Reġistrazzjoni tal-inventarju

Ħlas ta' kull dejn tal-patrimonju, inklużi l-obbligi tat-taxxa

Distribuzzjoni tal-patrimonju

Reġistrazzjoni tal-kontijiet finali

Il-liġi domestika ma fiha l-ebda dispożizzjoni għal proċess ta' suċċessjoni mibdi ex officio mill-Qorti.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna tista' ssir werrieta jekk tkun qariba tal-persuna deċeduta sas-sitt grad tal-parentela. Dispożizzjoni rilevanti tinsab fl-Artikolu 44 et seq. tal-Kapitolu 195 u l-Ewwel u t-Tieni Anness tal-Kapitolu 195.

Persuna tista' ssir werrieta jekk patrimonju jiddevolvi fuqha mit-testatur fit-testment tiegħu.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Skont il-liġi domestika, il-werrieta ma jinżammux responsabbli għad-dejn tal-persuna deċeduta. Id-dejn jiġġarrab biss mill-patrimonju, li mbagħad jitqassam lill-werrieta/legatarji biss meta dak id-dejn (inklużi l-obbligi tat-taxxa) jitħallsu lura. Dispożizzjoni rilevanti tinsab fl-Artikolu 41(b) u 42 tal-Kapitolu 189.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Jekk it-terminu "reġistrazzjoni" tal-proprjetà jfisser it-trasferiment tal-proprjetà tal-persuna deċeduta lill-werrieta/legatarji, id-dokumenti meħtieġa huma:

l-att tal-konċessjoni;

ċertifikat tas-saldu tal-obbligi tat-taxxa maħruġ mir-Reġistratur tat-Taxxi u awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà;

ċertifikat tas-saldu tal-obbligi tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli/il-gwadanji kapitali;

irċevuta u ċertifikat ta' ħlas tal-kontijiet muniċipali u tad-drenaġġ u dikjarazzjoni solenni tad-distribuzzjoni mill-amministratur u/jew l-eżekutur;

kull dokument ieħor mitlub mir-Reġistru tal-Artijiet u/jew ir-Reġistratur tat-Taxxi.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

In-nomina ta' amministratur hija obbligatorja għall-fini tad-distribuzzjoni tal-patrimonju. In-nomina ssir b'ordni ġudizzjarja fuq talba. It-talba għall-amministrazzjoni ssir skont il-Kapitolu 189 inkluż, imma mhux limitat għal, l-Artikoli 18, 19, 20, 29, 49 u l-Kapitolu 192. It-talba trid tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ġuramentata mill-amministratur jew eżekutur intenzjonat, dikjarazzjoni ġuramentata minn garanti, meta jkun meħtieġ, u kollateral, meta jkun meħtieġ. Hija trid tkun akkumpanjata wkoll minn ċertifikat tal-mewt u tal-wirt maħruġ mill-kap tal-muniċipalità taż-żona fejn kienet tirrisjedi l-persuna deċeduta u l-kunsens tal-werrieta għan-nomina ta' amministratur. F'kull kwistjoni oħra trid tiġi segwita l-proċedura deskritta fil-mistoqsija 6 hawn fuq.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Id-dritt għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà causa mortis huwa tal-eżekutur u jekk l-eżekutur imut jew ma jkunx interessat, id-dritt jgħaddi għand kull min ikollu interess ġuridiku fil-patrimonju, eż. legatarju jew werriet.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Is-setgħat tal-amministratur huma deskritti fl-Artikolu 41 tal-Kapitolu 189.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Dawn id-dokumenti huma l-att tal-konċessjoni fejn ikun innominat l-amministratur u/jew l-eżekutur. L-ismijiet tal-benefiċjarji huma elenkati fit-talba għall-amministrazzjoni u/jew għall-validazzjoni tat-testment u ċ-ċertifikat tal-mewt u l-wirt maħruġ mill-kap tal-muniċipalità taż-żona fejn kienet tirrisjedi l-persuna deċeduta.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/07/2017