Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Polonja

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Skont il-liġi Pollakka, il-proprjetà wara l-mewt tista’ tingħata biss permezz ta’ testment. It-testmenti unica charta huma pprojbiti. Dawn il-forom ta’ testmenti li ġejjin huma aċċettati:

  • testment olografiku miktub, li jiġi ffirmat u ddatat mit-testatur;
  • testment notarili mfassal minn nutar fil-forma ta’ att notarili;
  • testment magħmul bil-fomm fil-preżenza ta’ żewġ xhieda quddiem sindku ta’ muniċipalità (“wójt”), is-sindku ta’ belt żgħira (“burmistrz”) jew il-kap tal-kunsill ta’ belt żgħira (“prezydent miasta”);
  • testment orali (meta l-mewt hija imminenti u meta jkun impossibbli jew ferm diffiċli biex isir testment bil-metodi deskritti hawn fuq) fil-preżenza ta’ tliet xhieda.

L-unika ftehim dwar is-suċċessjoni li huwa aċċettat huwa l-ftehim ta’ rinunzja tal-wirt. Dan il-ftehim jista’ jiġi konkluż mit-testatur futur u mill-werriet statutorju, u jrid ikun fil-forma ta’ att notarili sabiex ikun validu.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Sabiex testment ikun validu ma hemmx għalfejn jiġi rreġistrat. It-testmenti magħmula fil-forma tal-att notarili jew iddepożitati ma’ nutar jistgħu jiġu rreġistrati mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nutara (“Krajowa Rada Notarialna”).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

L-ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta’ testatur sabiex isemmi werriet jew werrieta ma hija imposta mil-liġi Pollakka. Id-dritt għas-sehem riżervat ukoll ma jillimitax il-libertà ta’ testatur sabiex jiddisponi liberament mill-beni tiegħu, iżda jipproteġi l-interessi tal-qraba b’konsangwinità u tal-konjuġi tiegħu, li huma intitolati għall-pagament ta’ ammont speċifiku.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Ir-regoli li ġejjin japplikaw fin-nuqqas ta’ testment:

Jekk il-mejjet ma kienx miżżewweġ u ma kellux tfal, jirtu l-ġenituri tiegħu. Jekk wieħed mill-ġenituri jkun mejjet meta tinfetaħ is-suċċessjoni, sehem dan il-ġenitur jinqasam b’mod ugwali fost l-aħwa tat-testatur. Jekk wieħed mill-aħwa tat-testatur imut qabel ma tinfetaħ is-suċċessjoni u jħalli dixxendenti, sehmu jinqasam b’mod ugwali bejn id-dixxendenti. Jekk ma jkunx hemm aħwa jew dixxendenti, il-wirt kollu jinqasam b’mod ugwali bejn in-nanniet tat-testatur. Jekk wieħed min-nanniet jkun mejjet meta tinfetaħ is-suċċessjoni, sehem dan in-nannu jew in-nanna jintiret mid-dixxendenti tiegħu jew tagħha. Jekk nannu jew nanna li jkunu mietu qabel ma tinfetaħ is-suċċessjoni ma jkollhomx dixxendenti, sehemhom jinqasam b’mod ugwali bejn in-nanniet l-oħra. Jekk ma jkunx hemm qraba intitolati biex jirċievu s-suċċessjoni skont il-liġi, il-wirt imur għand il-muniċipalità tal-aħħar residenza tat-testatur. Jekk ikun impossibbli li jiġi ddeterminat fejn it-testatur irrisjeda l-aħħar fil-Polonja jew jekk it-testatur irrisjediex barra mill-pajjiż, il-wirt imur għand it-Teżor.

Jekk il-mejjet ma kienx miżżewweġ u kellu t-tfal, dawn it-tfal biss jirtu.

Jekk il-mejjet iħalli konjuġi, dan il-konjuġi jsir l-uniku eredi jekk ma jkunx hemm dixxendenti, ġenituri, aħwa jew dixxendenti tal-aħwa.

Jekk il-mejjet iħalli l-konjuġi u t-tfal, il-wirt jinqasam b’mod ugwali bejniethom. Madankollu, il-konjuġi ma jistax jirċievi anqas minn kwart il-wirt. Jekk il-mejjet iħalli konjuġi li miegħu jew magħha kellu arranġament ta’ proprjetà konġunta statutorja, il-konjuġi superstiti jirċievi/tirċievi nofs il-propjetà konġunta għat-temma tal-propjetà konġunta, filwaqt li n-nofs l-ieħor ikun jifforma l-parti tal-wirt tal-persuna li mietet.

Jekk it-testatur ma jkollux konjuġi jew qraba konsangwini intitolati għas-suċċessjoni bil-liġi, il-wirt jinqasam indaqs bejn it-tfal tal-konjuġi tal-werriet li l-ġenituri tiegħu ma kinux għadhom ħajjin meta nfetħet is-suċċessjoni (wirt marbut ma’ rbieb).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

L-applikanti jenħtieġ li jmorru għand nutar jew il-qorti li kellha ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta’ residenza tat-testatur.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ta’ suċċessjoni jitressqu quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza tal-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni, jew quddiem nutar. Persuni li jirrisjedu barra minn pajjiżhom jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet għar-rinunzja ta’ suċċessjoni fil-forma pprovduta mil-liġi tal-post fejn tittieħed din l-azzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Hemm żewġ tipi ta’ legati skont il-liġi Pollakka: il-legat b’eżekuzzjoni u l-legat b’invokazzjoni. Il-legati b’invokazzjoni biss jistgħu jiġu aċċettati jew irrinunzjati Dan mhux possibbli għal-legati b’eżekuzzjoni.

L-awtoritajiet msemmija fil-mistoqsija preċedenti huma kompetenti biex jirċievu dawn it-tali dikjarazzjonijiet marbutin mal-legati b’invokazzjoni.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemmx riżervi fil-liġi Pollakka. Madankollu, jista’ jintalab il-pagament ta’ sehem riżervat, jiġifieri ta’ ammont ta’ flus adegwat. Dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja jew l-aċċettazzjoni ta’ sehem riżervat ma jiġux ippreżentati.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Persuna li tixtieq takkwista dokument li jikkonferma l-istatus tagħha bħala eredi tista’ tapplika għal ċertifikat ta’ wirt fil-qorti jew tapplika għal ċertifikat tas-suċċessjoni rreġistrat għand nutar. Jekk ikun hemm diversi eredi, il-patrimonju jista’ jiġi diviż fuq talba tagħhom, mill-qorti bi proċeduri għall-qsim tal-patrimonju jew minn nutar permezz ta’ ftehim għall-qsim tal-patrimonju fil-forma ta’ att notarili.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna ssir rispettivament werriet jew legatarju mal-ftuħ skont il-liġi tas-suċċessjoni (madankollu, is-suċċessjoni tista’ tiġi rrinunzjata).

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Fil-prinċipju, il-werrieta għandhom responsabilità illimitata għad-djun tal-mejjet. Il-werrieta jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom billi jaċċettaw il-wirt bil-benefiċċju tal-inventarju. F’dawn il-każijiet, il-werrieta għandhom jagħmlu dikjarazzjoni adegwata quddiem nutar jew il-qorti kompetenti fi żmien sitt xhur mid-data li fiha huma jsiru jafu bil-wirt. Il-werrieta huma konġuntement responsabbli għad-djun tal-mejjet.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Sabiex il-propjetà immobbli li tkun tagħmel parti minn wirt tiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet jew tal-mutwu ipotekarju, il-werriet irid bħala regola jippreżenta d-dokumenti li jikkonfermaw l-istatus tiegħu bħala werriet, jiġifieri ċertifikat mill-qorti tal-wirt jew ċertifikat notarili tas-suċċessjoni.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

L-ewwel nett, skont il-liġi Pollakka, amministratur tal-patrimonju jista’ jinħatar ex officio jew fuq talba meta, għal xi raġuni, ikun hemm ir-riskju li l-patrimonju mhux se jinqasam kif kien hemm l-intenzjoni. Għal dan l-għan, il-parti interessata jenħtieġ li tippreżenta applikazzjoni lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizjoni fuq il-beni tat-testatur sabiex turi li hija eredi jew legatarju, jew li hija intitolata għal sehem riżervat. Applikazzjoni tista’ tiġi wkoll ippreżentata mill-eżekutur testamentarju, mill-koproprjetarju tal-beni, minn persuna intitolata konġuntement għad-drittijiet ta’ testatur, minn kreditur bi prova bil-miktub dwar dejn mingħand it-testatur jew mill-uffiċċju tat-taxxa.

It-tieni, fil-każ ta’ wirt li ma ssirx talba għalih, il-qorti taħtar ex officio jew fuq talba, amministratur tal-patrimonju.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fil-wirt tiegħu, testatur jista’ jaħtar lill-eżekutur li jamministra l-patrimonju, wara l-mewt tat-testatur.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-eżekutur testamentarju jenħtieġ li jamministra l-patrimonju, iħallas id-djun tas-suċċessjoni, b’mod partikolari jeżegwixxi legati u istruzzjonijiet u sussegwentement iqassam lill-werrieta l-patrimonju skont il-wirt u l-leġiżlazzjoni relevanti u, f’kull każ, immedjatament wara l-qsim tal-patrimonju.

L-eżekutur jista’ jfittex u jiġi mfittex għal kwistjonijiet li jqumu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, għal parti minnu organizzata jew għal element speċifiku. Huwa jista’ jieħu passi legali fi kwistjonijiet dwar drittijiet marbutin ma’ parti mill-wirt, u jistgħu jittieħdu passi legali kontrih dwar kwistjonijiet marbutin mad-djun tas-suċċessjoni.

L-eżekutur jenħtieġ ukoll li joħroġ is-suġġett ta’ legat speċifiku lill-persuna li lilha jkun sarilha dan il-legat.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Persuna li hija l-werriet statutorju trid tippreżenta kopji tad-dokumenti xierqa tal-istatus ċivili sabiex turi r-relazzjoni tagħha mal-mejjet (pereż. iċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ). Werriet jew legatarju jenħtieġ li jippreżenta t-testment sabiex juri d-drittijiet tiegħu għall-wirt.

 

Din il-paġna web hija parti minn Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafeedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020