Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Slovenja


Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Kumpens jista’ jingħata biss lil vittmi ta’ reati intenzjonali vjolenti. Dawn huma reati li t-trasgressur ikun wettaq b’mod intenzjonali u li jikkostitwixxu attakk dirett fuq il-ħajja u fuq il-persuna, bl-użu tal-forza (reati kontra l-ħajja u l-persuna, bħal omiċidju volontarju, qtil ta’ persuna mingħajr intenzjoni, offiża fuq il-persuna) jew ksur tal-integrità sesswali (reati sesswali).

Kundizzjoni oħra hi li, skont il-Kodiċi Penali, dawn ir-reati jkunu punibbli b’sena jew aktar priġunerija. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi riċevut kumpens għal reati ta’ natura pekunarja (finanzjarja).

Għal liema tip ta’ ħsara nista’ ningħata kumpens?

Int ma tkunx intitolat(a) għal kumpens għal ħsara minuri (eż. kontużjonijiet, brix, tbenġil) jew għal każijiet oħra ta’ ħsara fuq il-persuna li jkollhom biss effett estern temporanju, jew li b’mod temporanju u sa ċertu punt anqas, jaffettwaw is-saħħa tal-vittma.

Kumpens jista’ jingħata f’każijiet li fihom ħsara fuq il-persuna titqies li tal-anqas tkun minuri (eż. ġrieħi tat-tessut artab li jeħtieġu punti, fratturi sempliċi, żlugar u liwjiet sempliċi, fqigħ sempliċi tat-tanbur tal-widnejn, konkussjonijiet b’telfien minimu mis-sensi, telf ta’ sinna sa tnejn, telf ta’ għaksa waħda).

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, kumpens għat-tbatija mentali minħabba l-mewt ta’ persuna viċina jista’ jingħata lil superstiti wkoll; jiġifieri persuni li kienu sostnuti jew li kellhom id-dritt li jkunu sostnuti mill-vittma deċeduta (b’mod partikolari wlied minorenni u ulied taħt l-età ta’ 26 sena li jkunu f’edukazzjoni full-time; konjuġj jew sieħeb/sieħba mhux miżżewġin li ma kellhom ebda mezz ta’ sussistenza u kienu qiegħda għal raġunijiet li ma kinux tort tagħhom; ġenituri, jekk ma jkollhomx u ma jkunux jistgħu jiksbu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza).

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Le.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Le. Il-kundizzjoni formali biex jingħata kumpens hi l-fatt li r-rikorrent ikun ċittadin tar-Repubblika tas-Slovenja jew inkella ta’ Stat Membru ieħor tal-UE.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan hu l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le. Biex titlob kumpens, ir-reat irid ikun twettaq fit-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja, jew fuq bastiment Sloven jew fuq inġenju tal-ajru Sloven, indipendentement minn fejn kien jinsab meta twettaq ir-reat.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva, l-att irid ikun ġie reġistrat jew rapportat mal-awtorità kompetenti (pulizija, uffiċċju tal-prosekutur) u trattat bħala reat (u mhux, pereżempju, bħala reat minuri), u jrid ikun hemm suspett raġonevoli li twettaq reat (ilment kriminali ppreżentat quddiem il-prosekuzzjoni).

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, iżda jrid ikun hemm suspett raġonevoli li twettaq ir-reat, li jfisser li, bħala regola, tal-anqas irid ikun ġie ppreżentat ilment kriminali, li l-pulizija tgħaddi lill-uffiċċju tal-prosekutur wara li tlesti l-investigazzjoni tagħha.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand min wettaq ir-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Bħala regola, il-bażi biex jingħata kumpens f’dawn il-każijiet hi l-ġudizzju finali u eżegwibbli li bih il-vittma tingħata kumpens u li jista’ jkun li diġà nħareġ matul il-proċedimenti kriminali (deċiżjoni dwar azzjoni ċivili fi ħdan il-proċedimenti kriminali) jew fi proċeduri ta’ qorti ċivili (deċiżjoni dwar azzjoni). Kundizzjoni addizzjonali hi li l-infurzar (irkupru tal-ħlas) fuq il-bażi ta’ dan il-ġudizzju ma rnexxiex jew ma jkunx possibbli affattu (it-trasgressur ma jkollu ebda proprjetà, il-proprjetà ma tkunx tista’ tiġi rkuprata).

Madankollu, hemm eċċezzjonijiet li fihom ma jkunx hemm bżonn li l-ewwel jintalab kumpens mingħand it-trasgressur:

— meta vittma ta’ reat tkun tappartjeni għal wieħed mill-gruppi protetti b’mod speċjali – tfal, vittmi ta’ vjolenza domestika, nies b’diżabilità, ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-UE (f’każijiet transfruntiera);

— meta t-trasgressur jibqa’ mhux magħruf (wara tliet xhur mir-reġistrazzjoni jew mir-rapportar tar-reat, u ma jkunx identifikat qabel id-deċiżjoni tal-Kumitat) jew jekk it-trasgressur ma jkunux jistgħu jittieħdu passi legali kontrih (eż. it-trasgressur ikun deċedut jew inkella jkollu anqas minn 14-il sena u ma jkunux kriminalment responsabbli).

Jekk it-trasgressur ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Jekk it-trasgressur jibqa’ mhux magħruf (wara tliet xhur mid-detezzjoni jew mir-rapportar tar-reat u ma jiġix identifikat qabel id-deċiżjoni tal-Kumitat), il-vittma tista’ titlob kumpens.

Bħala regola, il-kumpens hu marbut mal-kundanna tat-trasgressur meta jintalab fuq il-bażi ta’ strument eżegwibbli – sentenza (fi proċeduri kriminali jew ta’ qorti ċivili) li biha l-vittma tingħata kumpens, iżda l-vittma ma tkunx tista’ tirkuprah mingħand it-trasgressur (l-infurzar ma jirnexxix jew ikun impossibbli).

F’każijiet li fihom vittma jkollha status speċjali (tfal, persuni b’diżabilità jew vittmi ta’ vjolenza domestika u vittmi f’każijiet transfruntiera – ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-UE), il-kundanna tat-trasgressur ma tkunx kundizzjoni biex jintalab kumpens.

Hemm terminu preskrittiv li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva, hemm żewġ termini preskrittivi biex jintalab kumpens.

F’każijiet li jinvolvu trasgressur mhux magħruf jew gruppi speċjali ta’ vittmi (tfal, vittmi ta’ vjolenza domestika, nies b’diżabilità, ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-UE), l-iskadenza għall-preżentazzjoni tat-talba hi ta’ 6 xhur mid-data li fiha jitwettaq ir-reat.

F’każijiet oħra li fihom il-kumpens l-ewwel irid jitfittex mingħand it-trasgressur, it-terminu preskrittiv għall-preżentazzjoni tat-talba hu ta’ 3 xhur mid-data tar-riċevuta tad-deċiżjoni jew tan-notifika li l-infurzar ma rnexxiex; meta l-infurzar ma jkunx propost, l-iskadenza hi ta’ tliet xhur mil-wasla tal-informazzjoni li l-infurzar ma jkunx possibbli.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens se jkopri:

(a) għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-ħsara (trattament mediku — trattament fl-ambulanza u fl-isptar, irkupru) — IVA, iżda biss f’każ li l-persuna ma tkunx intitolata għal benefiċċji adegwati mill-assigurazzjoni tal-pensjoni u ta’ diżabilità; fl-ammont tal-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa koperti mill-assigurazzjoni medika obbligatorja skont ir-regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja, limitat għal EUR 20 000.
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija edukattiva fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.) — LE
  • ħsara permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila biex isir qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.) — LE
    • telf ta’ opportunità — LE
    • spejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara (bħat-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti) —LE
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara — LE
    • oħrajn

— ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittmaIVA, għat-tiġrib ta’ uġigħ fiżiku u mentali (minħabba telf ta’ kumdità, sfigurazzjoni, libertà mnaqqsa ksur tad-dinjità u ta’ drittijiet oħra tal-personalità); kumpens għall-biża’ mhuwiex rikonoxxut.

(b) għal nies jew għal qraba intitolati ta’ vittma:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral — LE, għaliex dan issa hu dritt soċjali u hu infurzat skont liġi oħra;
  • spejjeż mediċini (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament fl-ambulanza u fl-isptar, riabilitazzjoni) — IVA (għal vittmi biss), fl-ammont tal-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa koperti mill-assigurazzjoni medika obbligatorja skont ir-regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja, u biss jekk il-persuna ma jkollhiex assigurazzjoni medika obbligatorja jew volontarja.
  • telf tal-mantenimentIVA, għat-tfal tad-deċedut(a) li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal pensjoni tas-superstiti (l-età sa 15-il sena jew sa 26 sena jekk ikunu f’edukazzjoni full-time), iżda l-pensjoni ma tkunx ingħatat (għal raġunijiet min-naħa tad-deċedut(a));
  • telf ta’ opportunità — LE

— ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba jew ta’ nies intitolati / kumpens lil superstiti jekk il-vittma mietet — IVA, is-superstiti jiġu kkumpensati għal uġigħ mentali minħabba t-telf ta’ persuna viċina;

(a) għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-ħsara (trattament mediku — trattament fl-ambulanza u fl-isptar, irkupru)
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija edukattiva fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
  • ħsara permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila biex isir qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara (bħat-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • oħrajn

— ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

(b) għal nies jew għal qraba intitolati ta’ vittma:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament fl-ambulanza u fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

 

— ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati / kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

Bħala regola, il-kumpens jitħallas f’pagament uniku sakemm ma jkunx hemm bżonn li jiġu determinati l-kundizzjonijiet futuri biex jingħata kumpens għal ċerti perjodi (eż. edukazzjoni full-time ta’ minorenni).

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-ammont tal-kumpens, jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-imġiba tar-rikorrent matul u wara t-twettiq tar-reat, kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ dan għall-okkorrenza u għall-firxa tal-ħsara, u l-kumpens jista’ jitnaqqas kif xieraq jew inkella t-talba tista’ tiġi miċħuda.

Il-fedina penali tar-rikorrent ma tiġix verifikata, filwaqt li nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-proċedura ta’ kumpens jista’ jirriżulta fin-nuqqas ta’ stabbiliment ta’ wħud miċ-ċirkustanzi rilevanti għad-determinazzjoni tad-dritt ta’ kumpens u, għaldaqstant, jista’ jkun li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-ħsarat ma jkunux issodisfati. Jekk ir-rikorrent ma jweġibx għas-sejħiet tal-awtorità biex jissupplimenta t-talba għal kumpens, talba inkompluta jaf tiġi miċħuda.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-vittma ma tiġix verifikata u, għalhekk, ma taffettwax ir-rikonoxximent tad-dritt għal kumpens jew l-ammont ta’ dan.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Iva, il-kumpens jitnaqqas minħabba kumpensi oħra, rimborżi jew pagamenti oħra riċevuti mir-rikorrent fuq kwalunkwe bażi oħra għall-istess tip ta’ ħsara.

Il-kumpens kif jiġi kkalkolat?

Għal uġigħ fiżiku u mentali, jiġu kkunsidrati l-ogħla ammonti statutorji ta’ kumpens għal kull tip ta’ ħsara, u l-kumpens jiġi deteriminat skont dawn il-limiti u b’rabta mas-severità tal-ħsara jew mat-tip ta’ ħsara.

Rigward uġigħ fiżiku, regoli speċjali jidentifikaw il-kategoriji tal-ħsarat, u l-liġi tistabbilixxi l-ammonti minimi u massimi għal dawk il-kategoriji – minn EUR 50 sa 500 għal ħsarat minuri, minn EUR 100 sa 1 000 għal ħsarat medji, minn EUR 250 sa 2 500 għal ħsarat serji, minn EUR 500 sa 5 000 euro għal ħsarat serji ħafna, u minn EUR 1 000 sa 10 000 għal ħsarat estremament serji.

Għal tipi oħra ta’ ħsara, il-liġi tirreferi għal regolamenti oħra. Ir-rimborż tal-ispejjeż tat-trattament hu rikonoxxut fl-ammont tal-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa mill-assigurazzjoni medika obbligatorja, li għaliha l-persuna assigurata tkun intitolata skont ir-regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Il-kumpens ta’ fondi dovuti għat-telf tal-manteniment hu rikonoxxut lil superstiti tal-vittma deċeduta sa fejn hu determinat mir-regolamenti tas-Slovenja dwar l-assigurazzjoni tal-pensjoni u ta’ diżabilità rigward il-pensjoni tas-superstiti.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Iva, għal uġigħ fiżiku minimu ta’ EUR 50 u massimu ta’ EUR 10 000, u għal uġigħ mentali, massimu ta’ EUR 10 000.

Lill-qraba kollha ta’ persuna deċeduta jista’ jingħata kumpens sa EUR 10 000 għal uġigħ mentali kkawżat mill-mewt ta’ persuna viċina.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħra?

Le. Fil-formola tat-talba hu possibbli li tiddikjara l-ammont tal-kumpens, iżda dan mhuwiex meħtieġ mil-liġi.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva. Skont il-liġi, il-kumpens stabbilit għal kull tip ta’ ħsara jitnaqqas minħabba kumpensi oħra, rimborżi jew pagamenti oħra riċevuti mir-rikorrent fuq kwalunkwe bażi oħra għall-istess tip ta’ ħsara.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Il-liġi ma tipprevedi ebda tali tibdil fiċ-ċirkustanzi.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Skont il-liġi, it-talba trid tkun sostnuta mid-dokumenti li ġejjin:

  • prokura
  • kopja tar-rapport tal-pulizija (jew dokumentazzjoni minn korp ieħor fi proċedimenti (pre)kriminali)
  • rapporti u ċertifikati mediċi rilevanti
  • id-dikjarazzjoni tar-rikorrent dwar it-talba tal-kumpens minn sorsi oħra.

Meta rikorrent japplika għal kumpens wara li ma jkunx irnexxielu jirkuprah mingħand it-trasgressur, iridu jkunu mehmuża dawn li ġejjin ukoll:

  • kopja tas-sentenza (li biha ntlaqgħet it-talba għall-kumpens)
  • kopja tal-ordni ta’ infurzar u evidenza li l-infurzar ma rnexxiex jew ma kienx possibbli.

L-awtorità tista’ titlob evidenza ulterjuri biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kumpens.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le. Ma tintalab ebda tariffa għal talbiet, għal azzjonijiet u għal deċiżjonijiet fi proċedimenti ta’ kumpens skont dan l-Att.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-kumitat għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kumpens għal vittmi ta’ reati (Komisija Vlade Republike Slovenije za odločanje o odškodnini žrtvam kaznivih dejanj; minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”).

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Lill-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministrstvo za pravosodje), Župančičeva 3, 1000 Ljubljana.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u / jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

L-iskadenza legali għall-ħruġ ta’ deċiżjoni hi ta’ 3 xhur mir-riċevuta ta’ applikazzjoni kompluta. Bħala regola, il-proċedura attwali ddum anqas minn sitt xhur, skont iċ-ċirkustanzi individwali.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjoni tal-Kumitat tista’ tiġi kkontestata b’azzjoni fi proċediment amministrattiv quddiem il-Qorti Amministrattiva tar-Repubblika tas-Slovenja.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mp.gov.si/si/delovna_podrocja/direktorat_za_kaznovalno_pravo_in_clovekove_pravice/sektor_za_popravo_krivic_in_podporo_zrtvam_kaznivih_dejanj/odskodnine_zrtvam_kaznivih_dejanj/

Il-verżjoni bl-Ingliż tal-paġna web:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mp.gov.si/en/areas_of_work/legislation_on_the_justice_system/sektor_za_popravo_krivic_in_podporo_zrtvam_kaznivih_dejanj/crime_victims_compensation_national_cross_boarder_situations/

L-informazzjoni tista’ tinkiseb bil-miktub jew bit-telefown ukoll:

Ministrstvo za pravosodje
Direktorat za kaznovalno pravo in človekove pravice
Sektor za popravo krivic in podporo žrtvam kaznivih dejanj
Župančičeva 3, 1000 Ljubljana

T: +386 1 369 5442

E: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidagp.mp@gov.si

Skont il-liġi, il-pulizija hi meħtieġa tipprovdi informazzjoni bażika dwar kif in-nies jistgħu jeżerċitaw drittijiethom. Ġeneralment, korpi statali oħra li jieħu ħsieb il-vittmi jkunu midħla ta’ dawn id-drittijiet u jipprovdu din l-informazzjoni (ċentri tal-assistenza soċjali, NGOs ta’ assistenza għall-vittmi).

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Ara hawn fuq.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Għajnuna legali b’xejn mhijiex possibbli f’dawn il-każijiet.

Madankollu, skont ir-regoli dwar il-proċedura amministrattiva ġenerali, il-persuna uffiċjali trid tirrispetta l-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrent, u dan ifisser li l-uffiċjal irid jippermetti lir-rikorrent jeżerċita d-drittijiet tiegħu, iwissih f’dan ir-rigward, jistiednu jlesti t-talba u jipprovdi spjegazzjonijiet, filwaqt li jiżgura li n-nuqqas ta’ għarfien tar-rikorrent jew il-fatt li ma jkunx jaf xi affarijiet ma jtelliflux drittijietu.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iva, ċerti NGOs joffru assistenza fl-infurzar tad-drittijiet tal-vittmi (eż. is-Soċjetà għall-Komunikazzjoni Mhux Vjolenti (Društvo za nenasilno komunikacijo)).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2019