Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Bejgħ fl-irkant bil-qorti - Svezja


1. L-ippubblikar u l-iffissar tal-prezzijiet għall-bejgħ tal-assi maqbuda

Il-proprjetà maqbuda tinbiegħ permezz tal-Awtorità Żvediża ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten). Il-proprjetà tinbiegħ f’subbasta pubblika u permezz ta’ ftehim privat. Il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jista’ jiġi fdat f’idejn irkantaturi esterni. Il-bejgħ tal-proprjetà immobbli jista’ jingħadda lill-aġenti tal-proprjetà.

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tista’ tawtorizza lid-debitur ibigħ il-proprjetà hu stess. F’dak il-każ, tittieħed deċiżjoni ta’ posponiment tal-bejgħ b’eżekuzzjoni. Id-debitur jista’ wkoll jilħaq ftehim mal-kreditur biex isolvi s-sitwazzjoni b’xi mezzi oħra. Imbagħad il-kreditur ikun jista’ jwaqqaf il-qbid (utmätning).

Il-proprjetà maqbuda trid dejjem tiġi vvalutata minn marixxall tal-qorti. L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni xi drabi taħtar espert biex jivvaluta l-proprjetà u jfassal deskrizzjoni komprensiva. Għall-ivvalutar ta’ proprjetà immobbli u ta’ abitazzjonijiet f’koproprjetà jintuża regolarment stimatur espert. Iżda stimatur espert jissejjaħ ta’ sikwit ukoll meta tkun involuta proprjetà ta’ valur akbar.

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tippubbliċizza (tavża dwar) il-bejgħ b’eżekuzzjoni fuq is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tagħha. Ta’ sikwit il-bejgħ jingħata promozzjoni wkoll fuq siti web oħra bil-ħsieb li jattira akkwirenti prospettivi. L-avviżi tal-bejgħ jidhru wkoll fil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaPost- och Inrikes Tidningar, li hija paġna tal-aħbarijiet ibbażata fuq il-web li fiha avviżi minn diversi awtoritajiet u muniċipalitajiet. L-iskop li jitqiegħdu avviżi fuqha huwa li jintlaħqu kredituri mhux magħrufa u oħrajn li huma milquta mill-bejgħ.

L-informazzjoni dwar il-bejgħ tingħata fuq is-sit web tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni. Din tinkludi l-valur stmat, filwaqt li miegħu jkun hemm mehmuża deskrizzjoni tal-proprjetà, stampi u dokumenti oħra. Ikunu ddikjarati t-termini tal-bejgħ, kif ukoll il-punti li l-akkwirenti għandu jkun konxju minnhom fir-rigward tal-bejgħ. Jekk l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tqabbad lil ħaddieħor biex jieħu f’idejh il-bejgħ, l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli fuq is-sit web ta’ dik il-persuna. L-informazzjoni spiss tkun tinsab ukoll fuq is-sit web tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni dejjem tagħmel l-arranġamenti sabiex wieħed ikun jista’ jmur jara l-proprjetà għall-bejgħ. Dan isir sabiex l-akkwirent ikun jista’ jaqdi dmiru li jikseb l-informazzjoni li jkollu bżonn.

Bejgħ b’eżekuzzjoni jitmexxa b’tali mod li titqies l-ogħla offerta. Jekk ikun hemm għadd ta’ offerenti, il-kwistjoni tiġi deċiża permezz ta’ proċess ta’ offerti u kontroofferti. Jekk min-naħa l-oħra, l-awtorità tirrikorri għal bejgħ bi ftehim privat billi jitressqu l-offerti, il-kwistjoni ta’ min ikun ressaq l-ogħla offerta tkun iddeterminata meta jinfetħu l-offerti.

Jekk il-bejgħ isir permezz ta’ subbasta elettronika, l-aġġudikant irid jagħmel il-pagament fi żmien 48 siegħa. Imbagħad il-pagament normalment isir permezz ta’ kard tal-ħlas jew kard tal-bank. Meta l-bejgħ isir permezz ta’ subbasta tradizzjonali fuq il-post, il-pagament irid isir direttament dak il-ħin tas-subbasta, permezz ta’ kard tal-ħlas jew kard tal-bank, money order jew b’ċekk jew bi flus kontanti.

Meta proprjetà tinbiegħ għal aktar minn SEK 10 000, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tagħti lok għal perjodu ta’ grazzja ta’ massimu ta’ xahar sabiex isir il-pagament. Irid dejjem jitħallas depożitu ta’ 10 % dak il-ħin stess.

2. Partijiet terzi intitolati li jwettqu bejgħ

Il-bejgħ ta’ proprjetà maqbuda, b’mod ġenerali jitwettaq permezz ta’ subbasta pubblika li ssir mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni. L-Awtorità tista’ tgħaddi l-bejgħ lil terzi. Fil-każ ta’ proprjetà mobbli, l-Awtorità tista’ tikkummissjona lil ħaddieħor biex jorganizza subbasta. Fir-rigward tal-proprjetà immobbli, l-Awtorità tista’ tingaġġa aġent tal-proprjetà immobbli biex iwettaq il-bejgħ.

3. Tipi ta’ subbasti li għalihom ir-regoli jistgħu ma jkunux kompletament applikabbli

Il-bejgħ jinqasam f'erba’ kategoriji differenti: proprjetà mobbli, bastimenti, inġenji tal-ajru u proprjetà immobbli. Sa ċertu punt hemm regoli differenti għal kategoriji differenti. Id-dettalji ta’ liema regoli japplikaw jiġu indikati flimkien mal-avviż tal-bejgħ. Għall-bejgħ, fuq talba ta’ kooperattiva ta’ koproprjetarji, li fih id-dritt ta’ użu jiġi ċedut, jiġifieri l-bejgħ sfurzat, japplikaw ċerti dispożizzjonijiet speċjali.

4. Informazzjoni rigward reġistri nazzjonali tal-assi

Fl-investigazzjoni dwar l-assi tagħha, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni għandha d-dritt li twettaq tiftix f’reġistri varji jew li tistaqsi xi mistoqsijiet li jirrigwardawhom, pereż.:

  • Ir-Reġistru tal-Artijiet (Fastighetsregistret); jinkludi l-proprjetà immobbli kollha fl-Iżvezja
  • Ir-Reġistru tat-Traffiku Stradali (Vägtrafikregistret); jinkludi l-vetturi ċivili rreġistrati kollha fl-Iżvezja
  • Ir-Reġistru tat-Taxxa (Skatteregistret); jinkludi informazzjoni dwar żborżi
  • L-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali (Försäkringskassan); tinkludi informazzjoni dwar żborżi
  • L-Aġenzija tal-Pensjonijiet (Pensionsmyndigheten); tinkludi informazzjoni dwar żborżi.
  • Ir-Reġistru tan-Negozji (Näringslivsregistret); fih data dwar il-kumpaniji Żvediżi kollha b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet, soċjetajiet kooperattivi, inklużi kooperattivi f’koproprjetà, u kumpaniji privati.
  • Ir-Reġistru tat-Titoli (Värdepappersregistret); ġestit minn Euroclear u jinkludi data dwar il-parteċipazzjonijiet tal-istokks kollha kkwotati
  • Ir-Reġistru Navali (Fartygsregistret); fih informazzjoni dwar il-bastimenti Żvediżi kollha
  • Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru (Luftfartygsregistret); fih informazzjoni dwar l-inġenji tal-ajru Żvediżi kollha
  • Ir-Reġistru tal-Armi (Vapenregistret); fih informazzjoni dwar l-armi tan-nar.

Ir-Reġistri jinżammu elettronikament u l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni hija f’pożizzjoni li tissottometti mistoqsijiet għal kjarifika lil ħafna minnhom f’għamla elettronika. Jekk id-data f’reġistru tkun kunfidenzjali, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni xorta waħda tista’ titlob għaliha sabiex tkun tista’ tinvestiga jekk debitur għandux jew le xi assi li jistgħu jinqabdu. Meta l-awtorità tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn, normalment ma jkun hemm l-ebda tariffa x’titħallas.

F’xi reġistri jitniżżel ukoll meta l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni taqbad il-proprjetà, pereż. ir-Reġistru tal-Artijiet, ir-Reġistru Navali u r-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li jagħti lok lill-kredituri biex jidentifikaw l-assi jew id-djun tad-debituri

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni bħalissa ma tistax toffri lil min ikun jixtieq jagħmel tiftix, xi servizz elettroniku li bih ikunu jistgħu jiġu identifikati l-assi jew id-djun tad-debituri.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti pubbliċi online

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni ilha mill-2014 twettaq subbasti elettroniċi, magħrufa bħala subbasti online. Dan jista’ jsir biss għal bejgħ ta’ proprjetà mobbli. Id-dispożizzjoni li tippermetti li jsiru subbasti elettroniċi hija stipulata fil-Kapitolu 9 tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdinanza dwar l-Eżekuzzjoni tad-Dejn li tistabbilixxi kif jitressqu l-offerti.

F’rapport ippreżentat lill-Gvern f’Novembru 2016, ġie propost li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli permezz ta’ subbasta elettronika għandu wkoll ikun possibbli. Il-proċedura f’każ ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli hija aktar ikkumplikata u tirrikjedi emendi aktar leġiżlattivi milli fil-każ ta’ proprjetà mobbli biex tkun tista’ tippermetti subbasta elettronika.

Fil-preżent ma hemm xejn li jċaħħad lil dak li jkun milli jieħu sehem f’subbasta online minn barra l-pajjiż.

L-avviż tas-subbasti online kollha huwa ppubblikat fis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.

Jekk isir bejgħ permezz ta’ rkantatur estern, l-avviż dwar is-subbasta online jingħata fuq is-sit web tiegħu. Fl-inkarigu tiegħu, l-irkantatur estern irid jingħata struzzjonijiet sabiex jimxi mar-regoli dwar il-bejgħ fil-Kapitolu 9 tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi dwar l-Eżekuzzjoni tad-Dejn u l-Kapitolu 9 tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdinanza dwar l-Eżekuzzjoni tad-Dejn. Il-kuntratti mal-irkantaturi esterni normalment jkunu frott proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Jinkludu rekwiżiti relatati mal-pożizzjoni finanzjarja u mal-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizzi.

Kull min ikun jixtieq li jieħu sehem f’subbasta online jrid jirreġistra fis-sit web biex ikun jista’ jressaq offerta. Madankollu l-offerti kollha li jitressqu huma pubbliċi u wieħed jista’ jsegwihom mingħajr ma jkollu għalfejn jirreġistra qabel. L-informazzjoni li għandha tingħata għar-reġistrazzjoni tinkludi n-numru tal-identità personali, l-indirizz tal-email, l-indirizz tal-posta, in-numru tat-telefon u psewdonimu li jintuża meta l-offerti jiġu ppubblikati. Mhuwiex rikjest li l-offerenti juru prova tal-identità tagħhom. L-offerenti li ma għandhomx numru tal-identità personali Żvediż jew li għal xi raġuni oħra ma jixtiqux jew ma jistgħux jirreġistraw online, jistgħu jirreġistraw manwalment.

Il-prezz tal-akkwist f’subbasta online jitħallas permezz ta’ kard tal-ħlas jew kard tal-bank.

Mhuwiex possibbli li wieħed jieħu sehem f’subbasta online billi jitfaċċa dak il-ħin fil-bini tal-awtorità.

Il-proċess tal-offerti jsir permezz ta’ offerta u kontroofferta sa ħin stabbilit. Jekk issir offerta meta jkun fadal anqas minn żewġ minuti, il-ħin jiżdied b’żewġ minuti oħra.

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni twieġeb għall-mistoqsijiet permezz tat-telefon jew tal-email, iżda jaf ma jkunx faċli li wieħed jirċievi tweġiba meta s-subbasta jkun fadlilha ftit ħin biss. L-Awtorità twieġeb bl-Iżvediż iżda trid tkun kapaċi wkoll tagħti informazzjoni bażika bil-lingwi minoritarji nazzjonali u tagħti informazzjoni u gwida lil ċerti gruppi ta’ minoranzi f’setturi speċjali ta’ amministrazzjoni. Spiss tkun tista’ tingħata għajnuna meta jsiru mistoqsijiet b’lingwi oħra.

L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tittraduċi dokumenti relatati mal-bejgħ f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni biss, pereż. meta jkun evidenti li hemm klijentela vasta barra mill-pajjiż.

Skont il-prinċipju tal-aċċess pubbliku, għadd kbir ta’ informazzjoni li tinżamm mill-awtoritajiet Żvediżi hija pubblika. Madankollu ma tingħatax informazzjoni dwar min ikun qed jagħmel l-offerti f’subbasta li tkun tinsab għaddejja. Jista’ wkoll ikun hemm rekwiżit ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ xi informazzjoni sensittiva, iżda l-kwistjoni titqies b’mod individwali f’kull wieħed mill-każijiet, jekk xi ħadd jitlob l-informazzjoni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/07/2018