Sib informazzjoni għal kull reġjun
Professjonijiet legali – introduzzjoni
Il-professjonijiet legali fl-Irlanda ta’ Fuq jinkludu:
- Il-ġudikatura
- Il-prosekuturi
- Il-barristers (l-avukati li jipprattikaw il-qorti)
- Is-solicitors (l-avukati li ma jidhrux il-qorti)
L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-imħallfin
Il-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq għandha dawn il-pożizzjonijiet ġudizzjarji li ġejjin:
- Lord Chief Justice – kap tal-ġudikatura
- Lord Justices of Appeal
- Imħallfin tal-Qorti l-Għolja (High Court Judges)
- Masters of the Supreme Court
- Imħallfin tal-Qorti tal-Kontea (County Court)
- Imħallfin Distrettwali (qorti tal-kontea)
- Imħallfin Distrettwali (qorti tal-maġistrati)
- Maġistrati popolari
- Coroners
L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: Il-prosekuturi
Organizzazzjoni
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Irlanda ta’ Fuq (PPS) huwa l-awtorità ta' prosekuzzjoni ewlenija fl-Irlanda ta' Fuq. Minbarra li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-prosekuzzjoni f'kawżi investigati mill-pulizija fl-Irlanda ta' Fuq, huwa jittratta wkoll kawżi investigati minn awtoritajiet statutorji oħrajn, bħall-HM Revenue and Customs (Amministrazzjoni Fiskali u tad-Dwana tal-Maestà tagħha r-Reġina).
Il-PPS huwa mmexxi mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi tal-Irlanda ta' Fuq. Hemm ukoll Deputat Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi. Id-Deputat Direttur għandu s-setgħat kollha tad-Direttur iżda għandu jeżerċitahom taħt id-direzzjoni u l-kontroll tiegħu. Iż-żewġ pożizzjonijiet huma ħatriet pubbliċi magħmula mill-Avukat Ġenerali tal-Irlanda ta' Fuq.
Il-PPS huwa nnominat bħala dipartiment governattiv mhux ministerjali. F'konformità mal-Att dwar il-Ġustizzja (tal-Irlanda ta' Fuq) tal-2002, id-dmirijiet tad-Direttur jiġu eżerċitati indipendentement minn kwalunkwe persuna oħra. L-Att tal-2002 jipprevedi li d-Direttur u l-Avukat Ġenerali jikkonsultaw lil xulxin kultant żmien fuq kwalunkwe kwistjoni li l-Avukat Ġenerali jkun responsabbli għaliha quddiem l-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq. Attwalment għadd ta' kwistjonijiet fil-qasam tal-prosekuzzjoni huma riżervati għall-Parlament f'Westminster. Id-doveri marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet jitwettqu mill-Avukat Ġenerali tal-Irlanda ta' Fuq.
Rwol u dmirijiet
Ir-rwol ewlieni tal-PPS huwa li jiddeċiedi jekk persuni għandhomx jiġu mressqa l-qorti għat-twettiq ta’ atti kriminali jew le u x'għandhom ikunu l-akkużi korretti.
Dan l-Uffiċċju huwa responsabbli wkoll mill-prosekuzzjoni ta’ kawżi fil-qorti. Il-prosekutur jippreżenta l-provi lill-qorti f’isem il-Kuruna. Il-prosekuturi jsejħu u jeżaminaw lix-xhieda tal-Kuruna u jagħmlu kontroeżami tax-xhieda tad-difiża. Hekk kif tiġi konkluża kawża, huma jipprovdu taqsira tal-provi għall-qorti f’isem il-Kuruna.
L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-Avukati
Il-Barristers (l-avukati li jipprattikaw il-qorti)
Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-barristers huma mqassma f’konsulenti anzjani (magħrufa bħala Konsulenti tar-Reġina) u assistenti konsulenti. Il-Kamra tal-Avukati hija korp ta’ avukati speċjalisti b’esperjenza fil-litigazzjoni, li għandu aċċess għalih il-pubbliku permezz tas-solicitors u, f’ċirkostanzi limitati, permezz ta’ aċċess professjonali dirett.
Il-Kamra tal-Avukati tal-Irlanda ta' Fuq hija assoċjazzjoni ta’ barristers indipendenti bbażata fil-Librerija tal-Avukatura f’Belfast. Fl-1 ta’ Settembru 2012, kien hemm kważi 600 barrister jipprattikaw privatament.
Is-Solicitors (avukati li ma jidhrux il-qorti)
Fl-Irlanda ta’ Fuq, l-Assoċjazzjoni tal-Liġi hija l-awtorità regolatorja li tirregola l-edukazzjoni, il-kontabbiltà, id-dixxiplina u l-kondotta professjonali tas-solicitors. Ir-rwol tagħha huwa li żżomm l-indipendenza, l-istandards etiċi, il-kompetenza professjonali u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-pubbliku. Is-solicitors jistgħu jispeċjalizzaw f’qasam partikolari jew jistgħu jkunu prattikanti ġenerali.
In-Nutara
Fl-Irlanda ta’ Fuq, is-solicitors kollha huma kummissarji tal-ġuramenti. Dan ifisser li jistgħu jawtentikaw id-dokumenti uffiċjali (minbarra dawk ippreparati minnhom stess jew mill-avversarji tagħhom f’kawża).
Barra minn dan, ċerti solicitors huma nutara pubbliċi, li jfisser li jistgħu jawtentikaw id-dokumenti għall-użu barra mill-pajjiż. L-informazzjoni dwar dawn hija disponibbli fuq il-websajt tal-Assoċjazzjoni tal-Liġi, L-Irlanda ta' Fuq.
L-Avukati fil-qasam tal-Privattivi u l-Marki Kummerċjali
L-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali huma konsulenti speċjalisti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Huma jagħtu pariri legali lill-klijenti tagħhom f'dan il-qasam, partikolarment b'rabta mal-privattivi, il-marki kummerċjali, id-disinji u d-drittijiet tal-awtur. Huma jirrappreżentaw ukoll lill-klijenti tagħhom fil-qrati speċjalizzati tal-proprjetà intellettwali (uħud jiksbu drittijiet oħrajn wara li jiksbu kwalifika addizzjonali biex jipprattikaw fil-litigazzjoni).
Ħafna mill-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali jaħdmu f’uffiċċji legali privati (ditti privati tal-avukati). Ħafna jaħdmu fi prattika (ditta) speċjalizzata, iżda wħud jaħdmu wkoll flimkien ma' solicitors. Barra minn hekk, proporzjon mhux ħażin ta' dawk involuti f'din il-professjoni jaħdmu fil-qasam tal-industrija.
L-avukati li jaċċettaw litigazzjoni fil-qasam tal-privattivi u tal-marki kummerċjali jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fil-qorti, bl-istess mod li jagħmlu s-solicitors, f’kawżi dwar proprjetà intellettwali, u jistgħu jagħtu istruzzjonijiet biex il-kawża titmexxa minn barrister.
Iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (CIPA - Istitut tal-Avukati Kwalifikati fil-qasam tal-Privattivi) jirrappreżenta lill-avukati fil-qasam tal-privattivi mar-Renju Unit kollu. Ir-rwol tiegħu jinkludi diskussjonijiet mal-Gvern dwar il-leġiżlazzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ għall-avukati u l-apprentisti fil-qasam tal-privattivi u diskussjonijiet mar-regolaturi tal-professjoni. Iċ-CIPA jara li jippromwovi l-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-professjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.
L-Institute of Trade Mark Attorneys (ITMA - Istitut tal-Avukati fil-qasam tal-Marki Kummerċjali) jirrappreżenta lill-avukati fil-qasam tal-marki kummerċjali u lill-professjoni mar-Renju Unit kollu. Fost id-dmirijiet tiegħu hemm in-negozjati mal-gvern u l-ħidma biex jinfluwenza l-gvern, il-fergħa regolatorja indipendenti tiegħu (IPReg) u organizzazzjonijiet oħrajn rilevanti. Huwa jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u pariri rilevanti għall-professjoni ta’ Avukat fil-qasam tal-Marki Kummerċjali u huwa responsabbli biex jippromwovi l-professjoni u l-proprjetà intellettwali.
L-Intellectual Property Regulation Board (IPReg - Bord għar-Regolamentazzjoni tal-Proprjetà Intellettwali) jieħu ħsieb il-kwistjonijiet regolatorji u ta' dixxiplina u jistabbilixxi, jimmonitorja u jeżegwixxi l-istandards għall-avukati kkwalifikati fil-qasam tal-marki kummerċjali mar-Renju Unit kollu. Huwa jaġixxi fl-interess pubbliku u jżomm Reġistri statutorji tal-avukati fil-qasam tal-privattivi u fil-qasam tal-marki kummerċjali, kemm fuq bażi individwali u kif ukoll bħala entitajiet.
Professjonijiet legali oħra
Skrivani tal-Qorti
L-iskrivani tal-Qorti u persunal ieħor fil-qrati tal-Irlanda ta’ Fuq huma impjegati tal-gvern li ma għandhomx taħriġ legali u li jieħdu ħsieb kwistjonijiet amministrattivi.
L-iskrivani tal-Qorti jiżguraw li l-imħallfin ikollhom il-karti li jeħtieġu biex jippresjiedu fuq il-kawżi mressqa quddiem il-qorti; huma jirreġistraw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin fil-kawżi u jipprovdu kwalunkwe appoġġ amministrattiv ieħor li jistgħu jeħtieġu l-imħallfin. Filwaqt li l-membri tal-persunal tal-qorti jistgħu jagħtuk parir dwar il-proċeduri tal-qorti, huma ma jistgħux jagħtu pariri legali, u lanqas ma jistgħu jirrakkomandaw x'azzjoni għandhom jieħdu l-partijiet. Il-membri kollha tal-persunal tal-qorti huma ħaddiema tal-gvern impjegati mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq, aġenzija li tagħmel parti mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Irlanda ta' Fuq.
L-Uffiċjali tal-Eżekuzzjoni
L-uffiċjali tal-eżekuzzjoni ħaddiema tal-gvern impjegati mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq. Huma jieħdu ħsieb l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili permezz tal-Uffiċċju tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi. Dan l-uffiċċju jeżegwixxi s-sentenzi ċivili tal-qrati tal-maġistrati u tal-qrati tal-kontej (inklużi l-qrati tat-talbiet żgħar) kif ukoll dawk tal-Qorti l-Għolja (High Court). Il-liġi li tirregola l-eżekuzzjoni hija stabbilita fl-Ordni dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (l-Irlanda ta’ Fuq) tal-1981 u fir-Regoli dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (l-Irlanda ta’ Fuq) tal-1981, kif emendati.
Ħoloq relatati
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.