Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-medjazzjoni fl-Istati Membri - Lussemburgu

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.

Minflok ma toqgħod tmur il-qorti, għaliex ma ssolvix it-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f’tilwima biex jilħqu ftehim. Il-gvern u l-prattikanti tal-ġustizzja tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma konxji mill-vantaġġi tal-medjazzjoni.


Lil min għandek tikkuntattja?

M’hemm l-ebda entità ċentrali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-medjaturi.

Minbarra l-medjazzjoni f'setturi speċifiċi (banek, assigurazzjoni, eċċ.) u minbarra l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOmbudsman li jieħu ħsieb il-medjazzjoni fil-qasam amministrattiv, u l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOmbudskommittee fir t’Rechter vun de Kanner (Kumitat għad-difiża tad-drittijiet tat-tfal), l-assoċjazzjonijiet ġudizzjarji li ġejjin joffru servizzi ta' medjazzjoni:

F’liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

L-użu tal-medjazzjoni huwa ammissibbli prinċipalment:

  • fit-tilwim amministrattivi;
  • fit-tilwim kriminali,
  • fit-tilwim tal-familja,
  • fit-tilwim kummerċjali;
  • fit-tilwim bejn il-ġirien.

Il-karatteristiċi prinċipali tal-medjazzjoni fl-oqsma ċivili u kummerċjali huma n-natura konsenswali, il-kunfidenzjalità tal-proċess kif ukoll l-indipendenza, l-imparzjalità u l-ħila tal-medjatur. Il-medjazzjoni tista' sseħħ għal parti mit-tilwima jew għat-tilwima kollha. Kemm il-medjazzjoni konsenswali kif ukoll il-medjazzjoni ġudizzjarja huma disponibbli, b'post speċjali riservat għall-medjazzjoni f'kawżi tal-familja.

Fil-medjazzjoni konsenswali, kull parti tista' tipproponi lill-parti(jiet) l-oħra, indipendentement minn kull proċediment ġudizzjarju jew arbitraġġ ieħor, li jagħżlu l-medjazzjoni f'kull stadju tal-proċedura ġudizzjarja sakemm ma jkunx intemm l-istadju tat-trattazzjoni.

Fil-medjazzjoni ordnata bil-qorti, imsejħa "l-medjazzjoni ġudizzjarja", l-imħallef ikollu diġà quddiemu kawża ta' natura ċivili, kummerċjali jew tal-familja u jista' jiddeċiedi f'kull mument li jordna l-medjazzjoni ġudizzjarja, sakemm ma jkunx intemm l-istadju tat-trattazzjoni, ħlief quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni u fi proċeduri sommarji (matière de référé). L-imħallef jista' jistieden lill-partijiet fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba konġunta tal-partijiet biex imorru għall-medjazzjoni, iżda f'kull każ il-partijiet iridu jaqblu. F'għadd limitat ta' kawżi fejn l-imħallef ikollu quddiemu kawża li tqajjem punt fil-qasam tal-liġi tal-familja, huwa jista' jipproponi lill-partijiet miżura ta' medjazzjoni u jordna laqgħa ta' informazzjoni mingħajr ħlas li matulha jiġu spjegati l-prinċipji, il-proċedura u l-effetti tal-medjazzjoni lill-partijiet.

Fil-qasam kriminali il-prosekutur tal-Istat jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, u qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-azzjoni pubblika, jiddeċiedi li juża l-medjazzjoni jekk :

  • din il-miżura tista' tassigura l-kumpens għall-ħsara li sofriet il-vittma; jew
  • iġġib fi tmiem il-problema li wasslet għall-ksur tal-liġi; jew
  • tikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tal-akkużat.

L-għażla tal-medjazzjoni mhix ta' ostaklu għad-deċiżjoni sussegwenti li jitmexxew proċeduri bil-qorti, speċjalment jekk ma jiġux imħarsa t-termini tal-medjazzjoni.

Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?

L-użu tal-medjazzjoni huwa għal kollox volontarju.

Il-medjazzjoni fil-qasam amministrattiv u l-medjazzjoni fil-qasam kriminali, kif ukoll il-medjazzjonijiet imsejħa "tas-settur" huma regolati minn liġijiet speċifiċi.

Informazzjoni u taħriġ

Il-medjatur fil-qasam kriminali

Il-liġi tas-6 ta' Mejju 1999 u r-regolament tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-31 ta' Mejju 1999 waqqfu r-reġim tal-medjazzjoni fil-qasam kriminali. Il-Prosekutur Pubbliku, qabel id-deċiżjoni tiegħu dwar l-azzjoni pubblika jista' jiddeċiedu li jmur għall-medjazzjoni jekk jidhirlu li tali miżura tista' tassigura kumpens għall-ħsara li sofriet il-vittma, jew li ġġib fi tmiem il-problema li wasslet għall-ksur tal-liġi jew tikkontribiwxxi għar-riabilitazzjoni tal-akkużat. Meta l-Prosekutur Pubbliku jiddeċiedi li jmur għall-medjazzjoni kriminali, huwa jista' jaħtar kwalunkwe persuna awtorizzata biex isservi ta' medjatur.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni:

Il-persuna li tixtieq tikseb l-awtorizzazzjoni biex tkun medjatur fil-qasam kriminali trid tagħmel talba lill-Ministeru tal-Ġustizzja li jiddeċiedi dwar din it-talba, wara li jkun talab il-parir tal-Prosekutur ġenerali tal-Istat.

Il-medjatur f'materji ċivili u kummerċjali

Il-liġi tal-24 ta' Frar 2012 ħolqot qafas leġiżlattiv nazzjonali għall-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali permezz ta' intestatura ġdida fil-Kodiċi l-Ġdid tal-proċedura ċivili. Permezz ta' din il-liġi, il-Lussemburgu ttraspona d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ibbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva għat-tilwim transfruntier kif ukoll għat-tilwim nazzjonali.

Il-liġi hija kkumplimentata mir-regolament tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-25 ta' Ġunju 2012 li jiffissa l-proċedura ta' ammissjoni għall-medjatur ġudizzjarju u tal-familja, it-taħriġ speċifiku meħtieġ fil-medjazzjoni u l-organizzazzjoni ta' laqgħa ta' informazzjoni mingħajr ħlas.

Il-medjatur huwa terza persuna li l-missjoni tagħha hija li tisma' lill-partijiet flimkien, jekk ikun hemm bżonn separatament, sabiex il-partijiet jaslu sabiex jirrisolvu d-differenzi ta' bejniethom. Il-medjatur ma jimponix soluzzjoni fuq il-partijiet iżda jistedinhom sabiex jiftiehmu u jsibu soluzzjoni bonarja u li lkoll jaqblu fuqha.

Il-medjazzjoni ġudizzjarja u l-medjazzjoni tal-familja tista' ssir minn medjatur awtorizzat jew le. B'medjatur awtorizzat wieħed jifhem persuna naturali awtorizzata għal dan l-għan mill-Ministru tal-Ġustizzja.

F'każ ta' medjazzjoni konsenswali u f'każ ta' tilwima transfruntiera, il-partijiet jistgħu jirrikorru għal medjatur mhux awtorizzat.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni :

Il-Ministru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni tal-medjaturi. F'materji ċivili u kummerċjali l-medjaturi m'għandhomx bżonn awtorizzazjoni għall-medjazzjoni konsenswali.

Kull persuna naturali tista' titlob li tiġi awtorizzata jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-24 ta' Frar 2012 li tintroduċi l-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali fil-Kodiċi l-Ġdid tal-proċedura ċivili kif ukoll dawk li jinsabu fir-regolament tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-25 ta' Ġunju 2012 li jiffissa l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tad-dmirjiet tal-medjatur ġudizzjarju u tal-familja, il-programm ta' taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni u l-organizzazzjoni ta' laqgħa ta' informazzjoni mingħajr ħlas.

Skont id-Direttiva 2008/52/KE msemmija hawn qabel u l-Artikolu 1251-3 (1)(3) tal-liġi tal-24 ta' Frar 2012 dwar il-medjazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-medjazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ekwivalenti jew essezjalment kumparabbli fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea m'għandhomx għalfejn iġibu l-awtorizzazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

L-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu indeterminat.

L-Artikoli 1251-3. (2) tal-Kodiċi l-Ġdida tal-proċedura ċivili u r-regolament tal-Gran Dukat tal-25 ta' Ġunju 2012 imsemmija hawn qabel, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfatti mill-persuni naturali li jixtiequ jġibu l-awtorizzazjoni:

  1. L-applikant irid jippreżenta garanzija ta' kondotta nadifa, ta' kompetenza, taħriġ, indipendenza u imparzjalità ;
  2. L-applikant irid jippreżenta estratt tal-kondotta mir-rekords tal-Lussemburgu jew dokument simili maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' residenza fejn kien joqgħod l-applikant fl-aħħar ħames snin:
  3. Il-persuna trid tgawdi mid-drittijiet ċivili tagħha u mill-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi;
  4. Il-persuna trid tkun ħadet taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni permezz ta':
  • lawrja Masters fil-medjazzjoni mogħti mill-Università tal-Lussemburgu jew minn università, stabbiliment tat-tagħlim superjuri jew stabbiliment ieħor tal-istess livell ta' taħriġ, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji jew amministrattivi ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  • sew permezz ta' esperjenza professjonali ta' tliet snin ikkumplimentata minn "taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni" kif stipulatf mill-Artikolu 2 tar-regolament tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-25 ta' Ġunju msemmi hawn qabel;
  • sew permezz ta' taħriġ rikonoxxut fil-medjazzjoni ġewwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-Università tal-Lussemburgu toffri Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaprogramm speċifiku ta' taħriġ (Master) fil-medjazzjoni .

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni ta' spiss hija proċedura mingħajr ħlas. Jekk ikun hemm ħlas dan jiġi indikat b'mod ċar.

Fi ħdan il-medjazzjoni konsenswali, id-drittijiet tal-medjaturi jiġu ffissati b'mod liberu. L-ispejjeż u d-drittijiet f'dan il-każ huma mġarrba mill-partijiet f'sehem indaqs, ħlief jekk huma jiddeċiedu mod ieħor.

Fil-każ tal-medjazzjoni ġudizzjarja u l-medjazzjoni tal-familja, id-drittijiet huma stipulati mir-regolament tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni?

Għandu jiġi nnutat illi l-ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni ċivili u kummerċjali għandu l-istess effett eżekuttiv daqs deċiżjoni ġudizzjarja. Dan il-ftehim tal-medjazzjoni, kemm jekk jiġi konkluż fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fuq livell nazzjonali, huwa eżegwibbli fl-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva 2008/52/KE msemmija hawn qabel. L-approvazzjoni tal-ftehim kollu jew parti minnu mill-imħallef kompetenti tagħtih il-forza eżekuttiva.

Il-liġi tal-24 ta' Frar 2012 tittrasponi d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Hija tpoġġi l-medjazzjoni fuq livell indaqs mal-proċeduri ġudizzjarju eżistenti.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Assoċjazzjoni Lussemburgiża tal-medjazzjoni u tal-medjaturi awtorizzati (ALMA asbl);

Iċ-Ċentru tal-medjazzjoni tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu (CMBL asbl);

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaĊentru tal-Medjazzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIċ-Ċentru tal-medjazzjoni Soċjo-Familjari


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/12/2018