Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Olanda

Din il-paġna tipprovdik b'informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja fin-Netherlands.

Il-Gvern tan-Netherlands jikkonsisti mill-Ministri, is-Segretarji tal-Istat tagħhom u r-Re. Sa' dak il-punt, in-Netherlands hija eċċezzjoni fost il-monarkiji Ewropej tal-Punent li, fil-parti l-kbira tagħhom, il-monarkija ma tagħmilx parti mill-gvern. Minn mindu saret reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni fl-1848, in-Netherlands kienet monarkija kostituzzjonali b'sistema parlamentari.


Sorsi tal-liġi

Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni

Il-Kostituzzjoni tipprovdi l-qafas għall-organizzazzjoni tal-Istat tal-Olanda u tifforma l-bażi għal-leġiżlazzjoni. It-trattati bejn in-Netherlands u stati oħra u huma sors prinċipali ta’ liġi. L-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni jistipula li d-dispożizzjonijiet tat-trattati u tad-deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet internazzjonali, jista’ jkollhom effett dirett fis-sistema legali tan-Netherlands, f’liema każ dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza fuq il-liġijiet Netherlandiżi. Għaldaqstant, il-miżuri statutorji li japplikaw fir-Renju tan-Netherlands ma japplikawx jekk ma jkunux kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea stipulati fit-trattati, ir-regolamenti u d-direttivi huma sors prinċipali ta’ liġi fin-Netherlands.

Il-Karta għar-Renju tan-Netherlands tirregola r-relazzjonijiet bejn it-tliet partijiet tar-Renju (in-Netherlands u ż-żewġ partijiet barranin, l-Antilli Netherlandiżi u Aruba).

Il-liġijiet isiru f’livell nazzjonali.

Permezz ta’ delegazzjoni bil-liġi, il-gvern ċentrali jista’ jistipula (aktar) regoli f’ordnijiet fil-kunsill u f’regolamenti ministerjali. Ordnijiet fil-kunsill indipendenti (li ma jirriżultawx minn liġi) huma possibbli, iżda ma jistgħux jiġu infurzati b'dispożizzjoni penali.

Il-Kostituzzjoni tagħti awtorità regolatorja lill-korpi inferjuri skont il-liġi pubblika (provinċji, muniċipalitajiet u bordijiet tal-ilma).

Il-prinċipji ġenerali tal-liġi huma ta’ rilevanza għall-gvern u għad-dispensazzjoni tal-ġustizzja. Xi drabi, dan jiġi implikat mil-liġi, bħal pereżempju fil-Kodiċi Ċivili (raġonevolezza u ġustizzja). Il-qorti tista’ tirreferi wkoll għall-prinċipji ġenerali tal-liġi meta tagħti sentenza.

Il-prattika konswetudinarja hija sors ieħor ta’ liġi. Fil-prinċipju, il-prattika konswetudinarja hija rilevanti biss jekk il-liġi tirreferi għaliha, iżda hawnhekk ukoll il-qorti tista’ tikkunsidra l-prattika konswetudinarja fis-sentenza tagħha, jekk ikun hemm xi kunflitti. Il-prattika konswetudinarja ma tistax tkun sors ta’ liġi fl-istabbiliment ta’ offiża kriminali (l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni).

Il-preċedenti legali huma sors ta’ liġi, billi d-deċiżjonijiet tal-qorti għandhom sinifikat usa’ mill-każ speċifiku li fir-rigward tiegħu tittieħed dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjonijiet ta’ qrati ogħla tal-ġustizzja jservu bħala gwida. Dawk tal-Qorti Suprema huma partikolarment awtorevoli, billi l-kompitu ta' din il-qorti tal-ġustizzja huwa li tippromwovi l-uniformità fil-liġi. Għaldaqstant, f’każijiet ġodda l-qorti inferjuri tikkunsidra deċiżjoni tal-Qorti Suprema meta tkun qed tasal biex tagħti sentenza.

Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

L-Artikolu 94 tal-Kostituzzjoni jiddikjara li ċerti regoli tal-liġi għandhom preċedenza ġerarkika: id-dispożizzjonijiet statutorji li mhumiex kompatibbli ma’ dawn ir-regoli ma japplikawx. Il-liġi Ewropea, min-natura tagħha, tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali. Din hija segwita mill-Karta, il-Kostituzzjoni u l-Atti tal-Parlament. Dawn jieħdu preċedenza fuq regolamenti oħrajn. L-Atti tal-Parlament jiġu adottati mill-gvern flimkien mal-Istati Ġenerali (ir-rappreżentanti eletti tal-poplu).

Huwa stipulat ukoll li liġi tista’, totalment jew parzjalment, titlef l-effett tagħha biss bħala riżultat ta’ liġi sussegwenti. Barra minn hekk, hemm reġola ġenerali ta’ interpretazzjoni li tistipula li l-liġijiet speċifiċi jieħdu preċedenza fuq dawk ġenerali.

Fit-tradizzjoni kontinentali, il-liġi hija kkunsidrata bħala sors ogħla ta' liġi mill-preċedenti legali.

Qafas istituzzjonali

L-awtoritajiet responsabbli għall-adozzjoni tar-regolamenti

Il-proċess leġiżlattiv

Il-Kostituzzjoni ma tipprevedix “setgħa leġiżlattiva”. Il-liġijiet huma deċiżjoni konġunta tal-gvern u tal-Istati Ġenerali. Il-proposti leġiżlattivi jistgħu jitressqu mill-gvern jew mill-Kamra Inferjuri tal-Istati Ġenerali. Il-Kunsill tal-Istat jagħti pariri dwar il-proposti leġiżlattivi, kif ukoll dwar l-ordnijiet fil-kunsill. Waqt li proposta leġiżlattiva tkun qed titħejja, ġeneralment, jiġu kkonsultati partijiet interessati oħra.

Il-Kamra Inferjuri għandha d-dritt li temenda. Ġeneralment, il-Kunsill tal-Ministri jadotta proposti leġiżlattivi u jibgħathom lill-Kunsill tal-Istat għar-rakkomandazzjoni tiegħu. Il-gvern jirrispondi għal dik ir-rakkomandazzjoni billi jħejji rapport ieħor, imbagħad il-gvern jibgħat il-proposta leġiżlattiva – b'kull emenda neċessarja – lill-Kamra Inferjuri b’Messaġġ Irjali. Il-proposta tista’ tiġi emendata waqt li jkun qed isir dibattitu dwarha fil-Kamra Inferjuri. Ladarba tiġi aċċettata mill-Kamra Inferjuri, il-Kamra Superjuri tiddibatti l-proposta. F’dan l-istadju ma jistgħux isiru aktar emendi; il-Kamra Superjuri tista’ biss taċċetta jew tirrifjuta l-proposta leġiżlattiva. Ladarba tiġi aċċettata mill-Kamra Superjuri, il-kap tal-istat jirratifika l-proposta u din issir liġi.

Bażijiet legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOverheid.nl huwa l-punt ċentrali ta’ aċċess għall-informazzjoni kollha dwar l-organizzazzjonijiet governattivi tan-Netherlands. Dan jagħtik aċċess għal:

  • Pubblikazzjonijiet uffiċjali
  • Gazzetti uffiċjali
  • Dokumenti parlamentari

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-paġina "Wet- en regelgeving" tikkontjeni leġiżlazzjoni kkonsolidata ddatata mill-1 ta' Mejju 2002.

L-aċċess għall-bażi ta’ dejta huwa bla ħlas?

L-aċċess għas-sit web u għall-bażi ta' dejta huwa bla ħlas.

Links

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegering.nl, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisterie van Buitenlandse Zaken, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaTweede Kamer

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaGovernment.nl, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaHouseofrepresentatives.nl


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/05/2018