Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Slovakkja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema ġuridika fis-Slovakkja.


Informazzjoni dwar l-ordni ġuridiku fis-Slovakkja tista’ tinstab fil-paġna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaNetwerk Ġudizzjarju Ewropew: ordni ġuridiku tal-ġustizzja ċivili.

Sorsi tad-dritt

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

It-terminu “sorsi tad-dritt” jintuża fi tliet sensi:

  1. sorsi tad-dritt fis-sens materjali – sorsi materjali tal-liġi
  2. sorsi tad-dritt fis-sens epistemoloġiku – sorsi tal-għarfien tad-dritt
  3. sorsi tad-dritt fis-sens formali – sorsi formali tad-dritt

Fuq il-bażi ta’ kif feġġew in-normi legali u l-forma vinkolanti li huma espressi biha, tradizzjonalment jiġu rikonoxxuti t-tipi ta’ sorsi tad-dritt li ġejjin:

  • il-konswetudni,
  • il-preċedent (il-liġi magħmula mill-imħallfin),
  • il-liġijiet miktuba,
  • it-trattati leġiżlattivi,
  • il-prinċipji legali ġenerali,
  • is-sens komun,
  • il-kotba kontemporanji, il-letteratura legali u l-opinjonijiet tal-esperti,
  • it-trattati internazzjonali, meta jkunu inkorporati kif xieraq fl-ordni ġuridiku tar-Repubblika Slovakka.

Ġerarkija tan-normi legali

Wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-ordni ġuridiku Slovakk huwa l-ġerarkija tan-normi legali. Li tinftiehem sew, kemm fil-prattika leġiżlattiva kif ukoll fl-implimentazzjoni, huwa vitali f’termini tal-legalità. Il-ġerarkija tan-normi mhijiex, madankollu, sempliċement kwistjoni ta’ preċedenza jew subordinazzjoni loġika sempliċi. Il-ġerarkija tirrigwarda l-kwistjoni kollha tal-awtorità leġittima u tinkludi wkoll l-importanza kategorika li biċċa leġiżlazzjoni tista’ ssir biss minn korp awtorizzat jagħmilha bil-liġi – fil-limiti tal-liġi u s-setgħat leġiżlattivi proprji tiegħu.

Il-leġiżlazzjoni hija kklassifikata minn dik li hija magħrufa bħala l-“forza legali”. Il-forza legali tirreferi għall-proprjetajiet tal-leġiżlazzjoni, biċċa leġiżlazzjoni tkun subordinata għal oħra (jiġifieri waħda b’forza legali akbar), jew meta biċċa leġiżlazzjoni tkun derivata minn oħra li jkollha forza legali akbar. F’sitwazzjoni li tinvolvi bċejjeċ ta’ leġiżlazzjoni b’forza legali differenti, id-dispożizzjoni aktar dgħajfa ma tistax tikkontradixxi dik aktar b’saħħitha, filwaqt li d-dispożizzjoni aktar b’saħħitha tista’ tipprevali fuq dik aktar dgħajfa.

Il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi rranġata b’mod ġerarkiku kif ġej skont il-livell tal-forza legali:

Leġiżlazzjoni primarja (atti)

  • atti kostituzzjonali (dejjem primarji),
  • atti (primarji jew derivati minn atti kostituzzjonali).

Leġiżlazzjoni sekondarja (leġiżlazzjoni subordinata)

  • regolamenti tal-gvern – dejjem sekondarji,
  • leġiżlazzjoni ta’ korpi tal-gvern ċentrali – dejjem sekondarja,
  • leġiżlazzjoni ta’ korpi ta’ unitajiet awtoregolatorji (awtoritajiet) – primarja jew sekondarja,
  • leġiżlazzjoni maħruġa f’ċirkustanzi eċċezzjonali minn awtoritajiet li mhumiex korpi governattivi – dejjem sekondarja.

Fis-sistema tad-dispożizzjonijiet legali, meta att partikolari jkollu l-preċedenza, dan bażikament ifisser li d-dispożizzjonijiet legali l-oħra kollha jridu joħorġu minn dak l-att, ikunu kompatibbli miegħu u ma jmorrux kontrih. Dan ifisser li, fil-prattika, f’sitwazzjoni fejn dispożizzjoni legali aktar baxxa fil-ġerarkija tikkontradixxi dispożizzjoni ta’ grad ogħla, l-azzjoni trid tittieħed fuq dik tal-grad ogħla.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni

Il-korpi u l-awtoritajiet elenkati hawn taħt għandhom is-setgħa li jadottaw il-leġiżlazzjoni (korpi li jfasslu l-liġijiet):

  • il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka – il-Kostituzzjoni, l-atti kostituzzjonali, l-atti, ut-trattati internazzjonali bi preċedenza fuq atti, it-trattati internazzjonali bil-forza ta’ att,
  • il-Gvern tar-Repubblika Slovakka – regolamenti tal-gvern,
  • il-ministeri u korpi oħrajn tal-gvern ċentrali – deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni, digrieti u miżuri ta’ implimentazzjoni,
  • l-assemblej muniċipali u tal-ibliet – regolamenti ta’ applikazzjoni ġenerali,
  • l-awtoritajiet muniċipali u tal-ibliet, u l-korpi tal-gvern lokali – regolamenti ta’ applikazzjoni ġenerali.

Il-proċess leġiżlattiv

Stadji tal-proċess leġiżlattiv:

  • it-tressiq ta’ abbozz ta’ liġi – inizjattiva leġiżlattiva,
  • dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi,
  • votazzjoni (deċiżjoni dwar l-abbozz ta’ liġi),
  • iffirmar tal-abbozz ta’ liġi adottat,
  • promulgazzjoni (pubblikazzjoni) tal-biċċa leġiżlazzjoni.

Il-proċess deċiżjonali

Il-proċess leġiżlattiv

It-tressiq ta’ abbozz ta’ liġi – inizjattiva leġiżlattiva

Skont l-Artikolu 87(1) tal-Att Nru 460/1992 (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka), l-abbozzi tal-liġijiet jistgħu jiġu ppreżentati minn dawn li ġejjin:

  • il-kumitati tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • il-membri tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • il-Gvern tar-Repubblika Slovakka.

L-abbozzi tal-liġijiet jiġu ppreżentati f’taqsimiet, flimkien ma’ preambolu.

Dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi

Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (l-Att Nru 350/1996), l-abbozzi ta’ liġijiet jgħaddu minn tliet qarjiet:

  1. L-ewwel qari jinvolvi dibattitu ġenerali dwar is-sustanza jew dik li hija magħrufa bħala l-“filosofija” tal-abbozz ta’ att. F’dan il-qari, ma jistgħux jiġu proposti emendi jew żidiet.
  2. Fit-tieni qari, l-abbozz ta’ liġi jiġi diskuss mill-kumitat(i) tal-Kunsill Nazzjonali li jkun ġie assenjat lilhom. Kull abbozz ta’ liġi jrid jiġi rieżaminat mill-Kumitat Kostituzzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tiegħu mal-Kostituzzjoni Slovakka, mal-atti kostituzzjonali, mat-trattati internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika Slovakka, mal-atti u d-dritt tal-UE. Wara dan, jistgħu jiġu proposti emendi u żidiet u ssir votazzjoni dwarhom ladarba jitlestew id-diskussjonijiet tal-kumitat. Din hija r-raġuni għaliex il-pożizzjonijiet differenti jridu jiġu konsolidati qabel ma l-abbozz ta’ liġi jiġi diskuss fil-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka. L-abbozz ta’ liġi jintbagħat lill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka ladarba l-Kumitat ta’ Koordinazzjoni jkun approva r-rapport konġunt tal-kumitati permezz ta' riżoluzzjoni speċjali. Dan ir-rapport jifforma l-bażi tad-dibattitu tal-Kunsill Nazzjonali Slovakk u tal-vot dwar l-abbozz ta’ liġi fit-tieni qari.
  3. It-tielet qari huwa limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ liġi li jkunu ġew approvati emendi jew żidiet għalihom fit-tieni qari. Fit-tielet qari, l-uniċi bidliet li jistgħu jressqu l-membri parlamentari huma korrezzjonijiet ta’ żbalji fit-tfassil leġiżlattiv, u ta’ żbalji grammatikali u ortografiċi. Emendi u żidiet maħsuba biex jeliminaw kwalunkwe żball ieħor iridu jitressqu minn tal-anqas tletin membru tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka. Ladarba dawn ikunu ġew dibattuti, jittieħed vot dwar l-abbozz ta’ liġi sħiħ.

Votazzjoni (deċiżjoni dwar l-abbozz ta’ liġi)

Biex liġi tgħaddi, il-maġġoranza assoluta tal-membri preżenti jridu jivvutaw favuriha.

Il-Kostituzzjoni tista’ tiġi emendata u artikoli individwali jistgħu jitħassru biss jekk jgħaddu b’maġġoranza kwalifikata, li tfisser tlieta minn kull ħamsa tal-membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (3/5 ta’ 150).

Il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jkollu kworum jekk ikun hemm preżenti mill-anqas nofs il-membri tiegħu.

Iffirmar tal-abbozz ta’ liġi adottat

L-abbozz ta’ liġi adottat jiġi ffirmat minn:

  • il-President tar-Repubblika Slovakka,
  • l-Ispiker tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • il-Prim Ministru tar-Repubblika Slovakka.

Dan il-pass fil-proċedura jinvolvi l-verifika tal-kontenut, il-korrettezza proċedurali u l-forma finali tal-abbozz ta’ liġi adottat. Bil-firma tagħhom, dawn l-ogħla uffiċjali kostituzzjonali japprovaw il-formulazzjoni tal-att.

Il-President għandu d-dritt li jeżerċita “veto sospensiv” u jirrifjuta li jiffirma att adottat minħabba difetti fil-kontenut tiegħu. Huwa mbagħad irid jibgħat lura l-att adottat, flimkien mal-kummenti tiegħu, lill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka biex jiġi diskuss mill-ġdid.

L-att irritornat imbagħad jgħaddi mill-istadji tat-tieni u tat-tielet qari. F’dan il-punt, il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jista’ – iżda ma għandux għalfejn – jikkunsidra l-kummenti tal-President. Il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jista’ jegħleb il-“veto sospensiv” billi jerġa’ jivvota, f’liema każ l-att irid jiġi promulgat, anki mingħajr il-firma tal-President.

Promulgazzjoni (pubblikazzjoni) tal-biċċa leġiżlazzjoni

Il-promulgazzjoni hija l-istadju finali fil-proċess leġiżlattiv. Il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-pajjiż kollu tiġi ppubblikata formalment fil-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi (Zbierka zákonov) tar-Repubblika Slovakka; din il-pubblikazzjoni hija kompetenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk. Il-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi hija l-istrument ta’ pubblikazzjoni statali tar-Repubblika Slovakka. Il-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi tinħareġ f’forma elettronika u f’forma stampata. Il-verżjoni elettronika u l-verżjoni stampata tal-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi għandhom l-istess effetti legali u kontenut identiku. Il-verżjoni elettronika tal-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi hija disponibbli mingħajr ħlas permezz tal-portal Slov-Lex.

Dħul fis-seħħ

Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-promulgazzjoni tagħha fil-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi.

Il-leġiżlazzjoni ssir effettiva fil-15-il jum wara l-promulgazzjoni fil-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi sakemm ma jkunx stipulat li se tidħol fis-seħħ aktar tard.

Atti oħra jsiru vinkolanti fid-data tal-promulgazzjoni tagħhom fil-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi.

Mezzi ta’ soluzzjoni tal-kunflitti bejn is-sorsi differenti tal-liġi

Strument normattiv ta’ forza legali inferjuri ma jistax jikkontradixxi strument normattiv ta’ forza legali superjuri.

Strument normattiv jista’ jiġi emendat jew imħassar biss bi strument normattiv tal-istess forza legali jew superjuri.

Fil-prattika, ir-regola għar-riżoluzzjoni tal-inkompatibbiltà bejn leġiżlazzjoni li jkollha l-istess forza legali hija li biċċa leġiżlazzjoni aktar reċenti tħassar jew temenda biċċa leġiżlazzjoni eqdem, jew li norma speċifika tħassar jew temenda norma ġenerali.

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka tirrieżamina u tiddeċiedi dwar jekk:

  • l-atti jkunux konformi mal-Kostituzzjoni;
  • ir-regolamenti tal-gvern u d-dispożizzjonijiet legali li jorbtu b’mod ġenerali, tal-ministeri u korpi oħrajn tal-gvern ċentrali, ikunux konformi mal-Kostituzzjoni, il-liġijiet kostituzzjonali, u l-liġijiet;
  • ir-regolamenti li jorbtu b’mod ġenerali, maħruġa minn korpi ta’ unitajiet awtoregolatorji, ikunux konformi mal-Kostituzzjoni u l-liġijiet;
  • id-dispożizzjonijiet legali li jorbtu b’mod ġenerali, maħruġa minn korpi lokali tal-amministrazzjoni ċentrali, ikunux konformi mal-Kostituzzjoni, il-liġijiet u dispożizzjonijiet legali oħrajn li jorbtu b’mod ġenerali;
  • id-dispożizzjonijiet legali li jorbtu b’mod ġenerali jkunux konformi mat-trattati internazzjonali promulgati bil-mod stabbilit għall-promulgazzjoni tal-atti.

Meta l-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li jkun hemm nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet legali, dawn id-dispożizzjonijiet – jew partijiet jew regoli tagħhom – ma jibqgħux effettivi. Meta l-korpi li jkunu ħarġu d-dispożizzjonijiet jonqsu milli jġibuhom konformi mal-istrumenti ta’ livell superjuri rilevanti fil-limitu ta’ żmien statutorju wara l-ħruġ tad-deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet – jew partijiet jew regoli tagħhom – ma jibqgħux fis-seħħ.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Il-bażi ta’ data Slov-Lex tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka

Il-portal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida“Ġabra Elettronika ta’ Atti Leġiżlattivi (Slov-Lex)” tal-Ministeru tal-Ġustizzja huwa bbażat fuq żewġ sistemi ta’ informazzjoni interkonnessi:

  1. eZbierka (Ġabra elettronika) – sistema ta’ informazzjoni li tipprovdi testi elettroniċi konsolidati vinkolanti tal-leġiżlazzjoni u standards oħra għal dawk indirizzati mil-liġi
  2. eLegislativa (Leġiżlazzjoni elettronika) – sistema ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-proċess għall-fażijiet kollha tal-proċess leġiżlattiv, mgħammra b’għodod ta’ editjar avvanzati għal-leġiżlaturi

Benefiċċji għall-gruppi fil-mira:

Il-prinċipju legali fundamentali li l-persuni kollha huma familjari mal-liġi kif valida u fis-seħħ u jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom huwa dejjem aktar diffiċli biex jiġi applikat fil-prattika minħabba ż-żieda fil-volum u fil-kumplessità tal-leġiżlazzjoni. Il-proġett Slov-Lex se jgħin biex itejjeb l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju billi jiżgura aċċess effettiv għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għal kulħadd:

  • iċ-ċittadini – it-taqsima eZbierka tal-proġett b’mod partikolari se ġġib benefiċċji fil-forma ta’ aċċess imtejjeb b’mod formali u sostantiv għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, bla ħlas, u għarfien akbar tal-leġiżlazzjoni ġdida
  • il-ġuristi – se jiksbu aċċess kontinwu għal-liġi fis-seħħ u l-possibbiltà li jkunu notifikati dwar leġiżlazzjoni ġdida fir-Repubblika Slovakka jew fl-Unjoni Ewropea, kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod speċifiku dwar leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma li jispeċjalizzaw fihom
  • l-imprendituri – se jiksbu wkoll aċċess kontinwu bla ħlas għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-possibbiltà li jiġu mgħarrfa dwar leġiżlazzjoni ġdida Slovakka jew tal-Unjoni Ewropea, kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod speċifiku dwar leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma li joperaw fihom; l-ambjent regolatorju mtejjeb se joħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għan-negozju u jnaqqas il-piż amministrattiv tan-negozju
  • l-awtoritajiet lokali u reġjonali – se jiksbu aċċess kontinwu bla ħlas għas-sorsi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, filwaqt li fl-istess ħin se jitnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom (l-obbligu amministrattivament impenjattiv u għali sabiex jipprovdu aċċess fil-ġranet tax-xogħol għall-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi, marbut ma’ abbonament u l-arkivjar ta’ kopja stampata tal-Ġabra), billi jiġi sostitwit l-obbligu oneruż li jipprovdu aċċess assistit għall-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi fil-jiem tax-xogħol
  • l-amministrazzjonijiet pubbliċi – il-proġett minn naħa se jipprovdi aċċess kontinwu bla ħlas għas-sorsi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, se jnaqqas il-piż amministrattiv u b’hekk l-ispiża finanzjarja tal-proċess leġiżlattiv, u l-possibbiltà li jittejjeb it-twettiq tal-kompiti fl-oqsma tat-tfassil tal-liġijiet u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea
  • l-awtoritajiet ġudizzjarji – se jiksbu aċċess kontinwu u rapidu għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi kwalunkwe jum magħżul fl-istorja, u l-possibbiltà ta’ referenzi minn deċiżjonijiet ġudizzjarji għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi żmien partikolari, li mill-anqas se jelimina parzjalment l-attivitajiet ta’ rutina u jżid l-effiċjenza tax-xogħol tal-imħallfin u tal-uffiċjali tal-qrati
  • l-awtoritajiet leġiżlattivi – se jkunu jistgħu jużaw għodda effiċjenti biex ifasslu l-leġiżlazzjoni u jamministraw il-proċess leġiżlattiv, li se teħlishom minn ftit burokrazija u tippermettilhom jiffukaw aktar fuq il-kontenut tal-proposti pendenti.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-portal legali u ta’ informazzjoni Slov-Lex


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2020