Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Ungerija

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-infurzar huwa proċedura ta’ natura ċivili li permezz tagħha l-Istat jeżerċita l-issodisfar tal-obbligi inklużi fil-qorti u deċiżjonijiet tan-nutar u dokumenti oħra ddefiniti mil-liġi bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

L-infurzar huwa ordnat u eżegwit mill-qorti, in-nutar pubbliku, jew korpi oħrajn u persuni, b’mod partikolari l-entitajiet li ġejjin:

a) l-uffiċjal ġudizzjarju tal-qorti indipendenti,

b) l-uffiċjal ġudizzjarju tal-qorti reġjonali,

c) l-uffiċjal ġudizzjarju deputat tal-qorti indipendenti,

d) l-uffiċjal ġudizzjarju deputat tal-qorti reġjonali,

e) l-uffiċjal ġudizzjarju kandidat.

Il-proċedura tal-uffiċjal ġudizzjarju — bħala proċedura ċivili mhux kontenzjuża — hija identika għal dik tal-qorti.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Ordni ta’ infurzar tista’ tinħareġ jekk id-deċiżjoni eżegwibbli fiha obbligu (penali), hija finali jew ġiet ordnata l-eżekuzzjoni interim tagħha, u l-iskadenza għall-eżekuzzjoni għaddiet.  Abbażi ta’ saldu approvat mill-qorti, ordni ta’ infurzar tista’ tinħareġ anke jekk ġie ppreżentat appell kontra digriet ta’ approvazzjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal ftehimiet approvati minn nutar pubbliku bl-istess effett ta’ soluzzjoni bil-qorti. Ordni ta’ infurzar tista’ wkoll tinħareġ fuq il-bażi ta’ sentenza mogħtija fi proċedura skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, anke jekk ġie ppreżentat appell kontra s-sentenza. Ordni ta’ infurzar ma tistax tinħareġ fuq il-bażi ta’ ordni għal pagament, jekk il-klawżola li tagħmilha finali tiddikjara li l-infurzar mhux permess dwar is-suġġett tat-talba.

Regola speċjali tapplika għall-irkupru ta’ manteniment, fejn l-infurzar jista’ jiġi awtorizzat għal ammonti li kienu skadew b’aktar minn sitt xhur jekk il-parti li qed tfittex l-infurzar tqis li huwa probabbli li l-manteniment dovut huwa imputabbli għal aġir malizzjuż tad-debitur jew tiġi provduta raġuni solida għan-nuqqas biex tkun validata t-talba. Meta jiġu infurzati deċiżjonijiet barranin, il-qorti teżamina wkoll jekk l-infurzar huwiex permess b’liġi, b’konvenzjoni internazzjonali, b’reċiproċità, jew bl-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.1 Il-proċedura

L-infurzar jista’ jiġi ordnat permezz ta’ ordni ta’ infurzar. F’ċerti każijiet, din mhijiex deċiżjoni formali (iżda minflok tieħu l-forma ta’ karta tal-infurzar jew klawżola tal-infurzar); f’każijiet oħra, jieħu l-forma ta’ ordni. Il-Qorti jew in-nutar pubbliku joħroġ l-ordni ta’ infurzar fuq talba tal-parti li tkun qed titlob l-infurzar. L-applikazzjoni għall-infurzar tiġi sottomessa bl-għadd meħtieġ ta’ kopji bl-użu tal-formola tal-ordni ta’ infurzar. Fi proċeduri li jirrigwardaw ordnijiet għal pagament, l-applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa wkoll elettronikament. B’mod ġenerali, l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa lill-qorti jew lin-nutar pubbliku fil-proċedura fl-ewwel istanza. Madankollu, f’ċerti każijiet l-Att LIII tal-1994 dwar l-Infurzar Ġudizzjarju (“l-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju”) jistabbilixxi regoli oħra dwar il-ġurisdizzjoni, eż. għal deċiżjonijiet barranin, jista’ jiġi ordnat infurzar mill-qorti distrettwali fis-sede tal-qorti reġjonali b’kompetenza skont il-post tar-residenza tad-debitur jew il-post prinċipali tan-negozju jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-post tal-assi soġġett għall-infurzar. F’Budapest dan huwa l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta’ Budapest (Budai Központi Kerületi Bíróság).

L-applikazzjoni għal infurzar għandha tinkludi informazzjoni dwar il-partijiet, id-deċiżjoni eżegwibbli, it-talba li għandha tiġi infurzata, u kemm jista’ jkun informazzjoni dwar l-assi tad-debitur li jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar.

Il-qorti jew in-nutar pubbliku minnufih — sa mhux aktar minn 15-il ġurnata wara l-wasla — jeżamina l-applikazzjoni sabiex jistabbilixxi jekk il-każ għandux jiġi riferit, miċħud mingħajr ma jiġu eżaminati l-merti, jew (bl-eċċezzjoni ta’ partijiet b’rappreżentanti legali) ritornati b’talba minħabba informazzjoni nieqsa; il-miżuri meħtieġa mbagħad għandhom jiġu implimentati. Ser tittieħed deċiżjoni fi żmien 15-il ġurnata mill-wasla tagħha jew, jekk l-informazzjoni nieqsa ġiet mitluba, fi żmien 15-il ġurnata minn meta tiġi sottomessa l-informazzjoni. Jekk l-applikazzjoni hija ġġustifikata, se tinħareġ l-ordni ta’ infurzar; jekk le, l-infurzar jiġi miċħud.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ara l-punt 2.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

Miżuri ta’ koerċizzjoni jillimitaw id-drittijiet personali u finanzjarji tad-debitur. Miżuri finanzjarji jistgħu jiġu applikati mill-qorti u mill-uffiċjal ġudizzjarju tal-qorti; miżuri kontra l-persuna jistgħu jiġu applikati mill-pulizija fuq il-bażi ta’ miżura tal-qorti jew uffiċjal ġudizzjarju tal-qorti. Dawn li ġejjin huma miżuri ta’ koerċizzjoni finanzjarji l-aktar importanti:

  • ordni ta' sekwestru ta’ pagi u emolumenti oħra,
  • il-qbid u l-bejgħ ta’ beni mobbli,
  • il-qbid ta’ fondi ġestiti minn istituzzjoni finanzjarja u l-imblukkar ta’ kontijiet bankarji,
  • il-qbid tat-talbiet tad-debitur kontra terzi persuni,
  • il-qbid u l-bejgħ ta’ beni immobbli,
  • l-impożizzjoni ta’ penali u multi.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Dawn li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar:

  • il-pagi, il-pensjonijiet, jew emolumenti oħra tad-debitur (għalkemm ċerti eżenzjonijiet japplikaw għal dawn),
  • fondi ġestiti minn istituzzjoni finanzjarja (il-liġi tipprovdi eżenzjoni minn infurzar lil persuni fiżiċi sa ċertu ammont),
  • beni mobbli (madankollu, prodotti essenzjali li huma eżentati mill-infurzar skont il-liġi ma jistgħux jiġu sekwestrati, eż. oġġetti essenzjali ta’ ħwejjeġ, għamara għall-għadd ta’ persuni fl-unità domestika tad-debitur, medikament meħtieġ għall-mard tad-debitur, eċċ.),
  • it-talbiet tad-debitur kontra terzi persuni jew l-ishma tan-negozju tad-debitur,
  • ben immobbli, ikun xi jkun it-tip tiegħu, l-użu, id-drittijiet jew l-interess ta’ garanzija, u l-fatti rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet (madankollu, ben immobbli li ma jistax jitqies li jifforma parti mill-assi tad-debitur matul proċedimenti ta’ likwidazzjoni li huma eżenti mill-infurzar).

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Miżuri ta’ infurzar fundamentalment jirrestrinġu d-dritt tad-debitur biex jiddisponi mill-assi tiegħu.

Meta ben mobbli jew kont tal-bank huwa soġġett għall-infurzar, id-dritt tad-debitur biex jiddisponi mill-assi jiġi tterminat. Jekk ben mobbli sekwestrat hu maqbud, jitneħħa wkoll mill-pussess tad-debitur. Jekk ben immobbli jiġi maqbud, id-debitur jista’ jiddisponi minnu u jbiegħ il-proprjetà, għalkemm jibqa' soġġett għad-dritt ta’ infurzar.

Jekk id-debitur jew kwalunkwe persuna oħra preżenti turi reżistenza fiżika waqt it-twettiq ta’ azzjoni ta’ infurzar, l-uffiċjal ġudizzjarju jirrikorri għand il-pulizija, li jistgħu jagħmlu użu minn miżuri ta’ koerċizzjoni kontra l-persuna sabiex titwaqqaf ir-reżistenza.

Kwalunkwe persuna li xxekkel b’mod attiv il-proċedimenti tal-uffiċjal ġudizzjarju (bil-forza) tista’ tinżamm kriminalment responsabbli. Huwa wkoll reat li tneħħi oġġett sekwestrat jew tneħħi s-siġill applikat fil-kors tal-infurzar, jew biex tidħol f’kamra msakkra li tintuża għall-ħżin tal-oġġett sekwestrat, maqful jew maqbud (minħabba r-reat ta’ ksur tas-siġill).

Il-qorti timponi multa fuq id-debitur jew il-persuna jew l-organizzazzjoni obbligata li tipparteċipa fil-proċedura ta’ infurzar jekk dawn jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn infurzar kif definit mil-liġi jew jekk dawn jaġixxu b’tali mod li jimpedixxu l-miżuri ta’ infurzar.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-miżuri jibqgħu validi sakemm l-infurzar hu ta’ suċċess jew il-miżuri jiġu tterminati mill-uffiċjal ġudizzjarju jew mill-qorti, jew mil-liġi. Il-miżuri ta’ infurzar jistgħu jiġu mwettqa skont il-perjodu ta’ preskrizzjoni stipulat mil-liġi ċivili (ġeneralment 5 snin), liema terminu jibda jiddekorri meta tingħata deċiżjoni definittiva mill-qorti. L-infurzar ma jistax jiġi ordnat għal applikazzjoni sottomessa wara li jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni, u infurzar preċedenti ma jistax jerġa’ jsir mill-ġdid. B’mod simili għal proċedimenti tal-qorti mibdija fl-interess għal segwitu ta’ talba, il-perjodu ta’ preskrizzjoni hu interrott minn kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar, u wara dan il-perjodu ta’ limitazzjoni jerġa’ jibda.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

a) Irtirar tal-karta tal-infurzar u t-tħassir tal-klawżola tal-infurzar. Jekk l-infurzar ġie ordnat permezz tal-ħruġ ta’ karta tal-infurzar jew klawżola, il-karta tista’ tiġi rtirata u l-klawżola tista’ tiġi mħassra bħala rimedju legali jekk l-ordni ta’ infurzar ma kellhiex tinħareġ. Id-debitur jew il-parti li tkun qed titlob l-infurzar tista’ titlob l-irtirar tal-karta tal-infurzar jew it-tħassir tal-klawżola ta’ infurzar, u l-qorti tista’ wkoll tordna dan ex officio. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa lill-qorti jew lin-nutar pubbliku li l-infurzar. Ma hemm l-ebda skadenza biex tissottometti l-applikazzjoni: dan jista’ jsir f’kull ħin. Jekk l-applikazzjoni tiġi milqugħa, tinħareġ ordni għall-irtirar tal-karta ta’ infurzar jew it-tħassir tal-klawżola tal-infurzar; l-ordni tista’ tiġi appellata.

b) Appell kontra l-ordni ta’ infurzar. Jista’ jsir appell mid-debitur jew parti li titlob l-infurzar kontra ordni formali li tawtorizza l-infurzar. L-appell għandu jiġi sottomess lill-qorti li tordna l-infurzar iżda indirizzat lill-qorti tal-appell. Il-qorti tal-appell għandha l-kompetenza biex tevalwa l-appell. Jekk il-merti tal-ordni maħruġa mill-qorti li ordnat l-infurzar huma korretti, il-qorti tal-appell ser tirrispetta l-ordni; inkella se temenda l-ordni. Jekk hija ssib irregolarità proċedurali, il-qorti tal-appell tirrevoka l-ordni u tagħti struzzjonijiet lill-qorti li ordnat l-infurzar biex tgħaddi deċiżjoni ġdida.

c) Appell kontra ordni li tiċħad il-ħruġ ta’ ordni ta’ infurzar. Il-parti li tfittex l-infurzar tista’ tippreżenta appell kontra ordni li tiċħad il-ħruġ ta’ ordni ta’ infurzar. L-appell għandu jiġi sottomess lill-qorti jew nutar pubbliku li jordna l-infurzar iżda indirizzat lill-qorti tal-appell. Il-qorti tal-appell għandha l-kompetenza biex tevalwa l-appell. Jekk il-merti tal-ordni maħruġa mill-qorti li ordnat l-infurzar huma korretti, il-qorti tal-appell ser tirrispetta l-ordni; inkella se temenda l-ordni. Jekk hija ssib irregolarità proċedurali, il-qorti tal-appell se tirrevoka l-ordni u tagħti struzzjonijiet lill-qorti jew lin-nutar pubbliku li ordna l-infurzar biex tgħaddi deċiżjoni ġdida.

d) L-uffiċjal ġudizzjarju jwettaq il-miżuri ta’ koerċizzjoni tal-infurzar b’mod indipendenti wara li jiġi ordnat l-infurzar; m’hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni tal-qorti. Rimedju legali separat kontra miżuri mill-uffiċjal ġudizzjarju, magħruf bħala oġġezzjoni tal-infurzar huwa disponibbli. L-oġġezzjonijiet tal-infurzar jistgħu isiru mid-debitur, il-parti li titlob l-infurzar, jew parti interessata oħra. Jekk il-qorti tilqa’ l-oġġezzjoni, hija tannulla l-miżuri illegali tal-uffiċjal ġudizzjarju jew, jekk l-uffiċjal ġudizzjarju naqas milli jaġixxi, il-qorti se tagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal ġudizzjarju biex jaġixxi. Inkella, il-qorti tiċħad l-oġġezzjoni. L-oġġezzjoni għandha tiġi sottomessa lill-uffiċjal ġudizzjarju.

e) Minbarra l-possibbiltajiet ta’ hawn fuq għal rimedju, l-infurzar jista’ wkoll jiġi terminat. Il-Qorti se toħroġ ordni sabiex jintemm l-infurzar fuq talba tal-parti li tkun qed titlob l-infurzar sakemm it-terminazzjoni ma tiksirx id-drittijiet ta’ ħaddieħor jew sakemm mhux provdut mod ieħor bil-liġi. L-infurzar se jiġi tterminat ukoll jekk id-debitur jissodisfa l-obbligu, pereżempju. Il-qorti għandha wkoll toħroġ ordni sabiex jintemm l-infurzar jekk ikun stabbilit fuq il-bażi ta’ dokumenti pubbliċi li d-deċiżjoni infurzabbli ġiet mibdula permezz ta’ deċiżjoni finali.

f) Fi proċedimenti ta’ infurzar, huwa possibbli wkoll għal parti terza b’talba għal assi sekwestrati matul l-infurzar ibbażat fuq drittijiet ta’ proprjetà jew drittijiet oħra li jipprevjenu l-bejgħ bħala parti mill-proċedura ta’ infurzar li tibda l-proċeduri ta’ talba għal infurzar kontra l-parti li titlob l-infurzar sabiex jiġi żgurat ir-rilaxx tal-assi. Jekk il-qorti tilqa’ t-talba, għandha tirrilaxxa l-assi kkonċernati mis-sekwestru.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Sospensjoni tal-infurzar:

Il-qorti li tordna l-infurzar tista’ — f’każijiet eċċezzjonali — tordna s-sospensjoni tal-infurzar fuq it-talba tad-debitur, jekk id-debitur ikun kapaċi jissostanzja ċ-ċirkostanzi leġittimi li jiġġustifikaw is-sospensjoni, u jekk id-debitur ma jkunx diġà ġie immultat waqt il-proċedura ta’ infurzar.

Jekk ikun meħtieġ għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar is-sospensjoni, il-qorti tista’ tisma lill-partijiet.

Il-Qorti b’mod partikolari tikkunsidra dan li ġej bħala ċirkustanzi leġittimi li jiġġustifikaw is-sospensjoni: l-għadd ta’ persuni huwa meħtieġ mid-debitur għall-appoġġ u l-għadd ta’ persuni li jkunu sostnuti realment mid-debitur, il-mard serju jew fit-tul tad-debitur jew id-dipendenti tad-debitur, u l-katastrofi naturali li seħħew waqt il-proċedura ta’ infurzar u affettwaw lid-debitur.

Jekk ben immobbli hi soġġetta għall-infurzar, is-sospensjoni tista’ tiġi ordnata f’okkażjoni waħda fuq talba tad-debitur, u għal mhux aktar minn 6 xhur.

Il-pagament bin-nifs:

Bl-eċċezzjoni ta’ dejn fiskali u dejn pubbliku infurzat bħala taxxi, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jiddetermina, fuq talba ta’ debitur li huwa persuna fiżika, il-kundizzjonijiet għall-pagament ta’ dejn bi ħlasijiet parzjali wara li l-uffiċjal ġudizzjarju ħa miżuri sabiex jillokalizza u jaqbad l-assi tad-debitur u d-debitur ikun diġà ħallas parti mit-talba infurzabbli. L-uffiċjal ġudizzjarju jinforma wkoll lid-debitur mingħajr assi li jista’ jkun soġġett għal infurzar dwar il-possibilitajiet u l-kundizzjonijiet tal-pagament bin-nifs.

L-uffiċjal ġudizzjarju jfassal rapport dwar il-konklużjoni u l-kontenut tal-pjan ta’ pagament bin-nifs u jagħti dan lill-partijiet. Fi żmien 15-il ġurnata minn meta tirċievi r-rapport, il-parti li titlob l-infurzar tista’ tinforma lill-uffiċjal ġudizzjarju bil-miktub jekk ma taqbilx mal-kontenut tal-pjan ta’ pagament bin-nifs, tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ dan il-pjan u l-ammont ta’ pagamenti bin-nifs, u tista’ titlob lid-debitur tipprovdi garanzija ta’ sigurtà għall-prestazzjoni. Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-parti li qed titlob l-infurzar, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jimmodifika l-kundizzjonijiet tal-pjan ta’ pagament bin-nifs kif imniżżla hawn taħt:

a) l-uffiċjal ġudizzjarju jirtira l-pjan ta’ pagament bin-nifs jekk il-parti li qed titlob l-infurzar ma taqbilx mal-pagamenti bin-nifs għall-manutenzjoni, il-pagi, jew talbiet simili, jekk persuna privata li tfittex l-infurzar tiddikjara li l-għajxien tiegħu/tagħha huwa mhedded mill-pjan ta’ pagament bin-nifs, jew jekk proċeduri ta’ falliment, ta’ likwidazzjoni jew eżekuzzjoni għaddejjin kontra xi assoċjazzjoni kummerċjali li qed tfittex l-infurzar,

b) f’każijiet mhux koperti mill-punt (a), il-pjan ta’ pagament bin-nifs jista’ jiġi stabbilit għal perjodu massimu ta’ sena (1) fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi u entitajiet mhux inkorporati li qed ifittxu infurzar u ta’ 6 xhur fil-każ ta’ persuni fiżiċi li jkunu qegħdin ifittxu l-infurzar,

ċ) l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jitlob li pagamenti parzjali jingħataw b’mod proporzjonat mal-ammont tat-talba minbarra l-pjan ta’ pagamenti bin-nifs jekk din l-azzjoni kienet mitluba fir-rapport tal-parti li qed tfittex l-infurzar.

L-uffiċjal ġudizzjarju jipprovdi lid-debitur bi pjan ta’ pagament ta’ mhux aktar minn sitt xhur b’pagamenti ndaqs kull xahar jekk ittieħdu l-miżuri ta’ infurzar kontra l-fondi tad-debitur ma’ istituzzjonijiet finanzjarji, il-pagi u l-assi mobbli iżda l-ammont kollu tad-dejn li għad ma ġiex irkuprat u

a) l-ebda pjan ta’ pagament ma ġie mogħti preċedentement,

b) l-infurzar għadu għaddej kontra d-debitur għal talba finanzjarja ta’ mhux aktar minn HUF 500 000 jew l-infurzar għadu għaddej kontra d-debitur, għal talba finanzjarja ta’ mhux aktar minn HUF 1 000 000, iżda garanzija tkun ukoll irreġistrata fir-reġistru tal-artijiet fuq proprjetà residenzjali tad-debitur bħala sigurtà għal talba oħra, u

c) il-proprjetà residenzjali tad-debitur għandu jiġu rkantat bħala rkupru għat-talba.

Il-parti li tfittex l-infurzar m’għandhiex tagħti l-kunsens tagħha għal pjan ta’ pagament bin-nifs; ir-rapport dwar il-konklużjoni ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs għandu jingħata wkoll lill-parti li qed titlob l-infurzar.

L-ammonti mnaqqsa mid-debitur b’anness iridu jkunu inklużi fil-kalkolu tal-ammont li jitħallas mid-debitur.

Il-valur stmat tal-proprjetà residenzjali u l-ewwel subbasta jista’ jiġi stabbilit biss jekk id-debitur ikun naqas milli jħallas il-pagamenti bin-nifs (Taqsimiet 52/A — 52/B tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Il-perjodu ta' preskrizzjoni għad-dritt ta’ infurzar:

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal infurzar jintemm mat-tmiem tal-perjodu ta’ talba infurzabbli. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni marbut mad-dritt tal-infurzar ġeneralment jitqiesu fuq talba; jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ex officio jekk il-perjodu ta’ preskrizzjoni tat-talba li fuqu hu bbażat għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni ex officio. Jekk il-perjodu ta’ preskrizzjoni li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-infurzar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ebda infurzar ma jista’ jiġi ordnat għal applikazzjoni sottomessa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, u l-proċeduri ta’ infurzar ordnati li diġà li ma jistgħux jitkomplew. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għad-dritt tal-infurzar hu interrott b’kull att ta’ infurzar.

Restrizzjonijiet:

L-ammont li jifforma l-bażi għal tnaqqis mill-pagi bħala parti minn proċedura ta’ infurzar huwa l-ammont li jibqa’ wara t-taxxi (avvanzi tat-taxxi), l-assigurazzjoni tas-saħħa u l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, il-fondi ta’ pensjoni privati, il-miżati ta’ sħubija u l-kontribuzzjonijiet oħra jitnaqqsu kif mitlub minn leġiżlazzjoni separata. B’mod ġenerali, mhux aktar minn 33 % jew, f’każijiet eċċezzjonali, mhux iktar minn 50 % ta’ dan l-ammont jista’ jitnaqqas.

Il-porzjon ta’ paga mensili li jikkorrispondi għall-pensjoni tax-xjuħija minima hu eżentat mill-infurzar. Madankollu, din l-eżenzjoni ma tapplikax għall-infurzar ta’ manteniment għat-tfal u l-ispejjeż tat-twelid.

Mhux aktar minn 33 % jista’ jitnaqqas mill-pagi mħallsa minn min iħaddem fuq il-bażi tar-relazzjoni tax-xogħol.

It-tnaqqis jista’ jiżdied għal mhux aktar minn 50 % tal-pagi tal-impjegati għal talbiet li jirrigwardaw dan li ġej:

a) manteniment,

b) talbiet għall-pagi tal-impjegati kontra d-debitur,

c) pagi tal-impjegati u servizzi tas-sigurtà soċjali rċevuti illegalment (Taqsima 65(2) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Massimu ta’ 33 % jista’ jitnaqqas mill-benefiċċji tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, il-benefiċċji ta’ rtirar kmieni, il-benefiċċji ta’ tul ta’ servizz, l-annwalità tal-qgħad u l-allowance tranżitorju tal-minjieri (b’mod konġunt: ‘il-benefiċċji tal-pensjoni”) (Taqsima 67(1) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

It-tnaqqis jista’ jiżdied għal mhux aktar minn 50 % tal-benefiċċji tal-pensjoni għal talbiet li jirrigwardaw dan li ġej:

a) sostenn tal-wild,

b) il-benefiċċji tal-pensjoni li waslu illegalment (Taqsima 67(2) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Mhux aktar minn 33 % jista’ jitnaqqas mill-benefiċċji għal min ikun qed ifittex ix-xogħol (benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji tal-qgħad qabel l-irtirar, benefiċċji ta’ kumpens ta’ attività) għal talbiet li jirrigwardaw dan li ġej:

a) manteniment,

b) benefiċċji tal-qgħad rċevuti illegalment,

c) benefiċċji fi flus ipprovduti bħala parti ta’ benefiċċji tal-età tax-xogħol irċevuti illegalment.

Dawn li ġejjin huma eżenti minn dokumenti mehmuża:

- il-provvediment għal kura nazzjonali, benefiċċji fi flus għal vittmi tal-gwerra, u l-annwalità dovuta skont l-Att dwar kumpens għal dawk imċaħħda illegalment minn ħajjithom jew mil-libertà għal raġunijiet politiċi,

- l-appoġġ muniċipali, l-appoġġ muniċipali straordinarju, il-benefiċċji fi flus ipprovduti bħala parti mill-benefiċċji tal-età tax-xogħol, il-benefiċċji tax-xjuħija, il-benefiċċji kumpensatorji għat-telf ta’ dħul għal persuni qiegħda, u l-provvediment għal kura,

- benefiċċji tal-maternità,

- annwalitajiet tal-invalidità u personali mħallsa lill-għomja,

- żieda mal-paga għal ħsara għas-saħħa, u suppliment temporanju tal-paga, suppliment tad-dħul, suppliment għad-dħul temporanju, u annwalità tal-estrazzjoni għal ħsara għas-saħħa,

- manteniment definit mil-liġi li jinkludi l-għajnuna għat-tfal mill-qorti, u l-benefiċċji fi flus għall-protezzjoni tat-tfal abbażi tal-Att dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-kustodja,

- il-miżata edukattiva, appoġġ speċjali u l-benefiċċju tal-familja mħallsa lil ġenituri adottivi u mmirati li jappoġġaw lit-tfal mqiegħda b’mod temporanju jew permanenti f’faċilitajiet ta’ kura jew adulti żgħażagħ fil-fażi ta’ wara l-kura,

- boroż ta’ studju, bl-eċċezzjoni ta’ boroż ta’ studju b’tip ta’ paga għal edukazzjoni avvanzata xjentifika,

- spejjeż rimborżati għal stazzjonar, servizzi f’pajjiżi barranin u vjaġġar għax-xogħol,

- ammonti li jservu biex ikopru spejjeż speċifiċi,

- benefiċċji ta’ diżabbiltà (Taqsima 74 tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Għal fondi mmaniġġjati minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u dovuti minn persuna fiżika, l-ammont ta’ aktar minn erba’ darbiet daqs il-pensjoni għax-xjuħ minima jista’ jkun soġġett għal infurzar mingħajr preskrizzjoni; tal-ammont taħt dan il-limitu, 50 % tal-ammont bejn il-prezz minimu ta’ pensjoni tax-xjuħija u erba’ darbiet il-pensjoni għax-xjuħ minima jista’ jkun soġġett għal infurzar (it-Taqsima 79/A(2) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Anki jekk id-debitur jagħti l-kunsens tiegħu, l-assi li huma eżenti mill-infurzar skont il-liġi ma jistgħux jiġu maqbuda.

Il-beni mobbli li ġejjin huma eżenti mill-infurzar:

- assi li huma essenzjali biex id-debitur iwettaq il-kompitu tiegħu, speċjalment għodda essenzjali; strumenti; tekniċi, militari, u tagħmir ieħor; uniformijiet; armi ta’ awtodifiża; u mezzi ta’ trasport (bl-eċċezzjonijiet ta’ vetturi),

- tagħmir essenzjali għal studji regolari, speċjalment kotba tal-iskola, provvisti tal-iskola, u strumenti mużikali,

- oġġetti essenzjali tal-ilbies: 3 ilbies ta’ barra, kowt (1) tax-xitwa, kappott (1), 3 pari żraben,

- oġġetti essenzjali tas-sodda: Sett 1 b’2 liżari għal kull persuna,

- għamara għall-għadd ta’ persuni fl-unità domestika tad-debitur: mhux aktar minn 3 imwejjed u 3 gwardarobbi jew għamara simili, flimkien ma’ sodda (1) jew għamara ekwivalenti u siġġu (1) jew għamara oħra ekwivalenti għal kull persuna,

- tagħmir essenzjali għat-tisħin u għad-dawl,

- tagħmir essenzjali tal-kċina u għall-unità domestika tad-debitur, u friġġ jew friżer (1) u magna tal-ħasil (1),

- għotjiet (onorifiċenzi, medalji, badges, plakek) mogħtija lid-debitur, jekk jiġu ċċertifikati permezz ta’ dokumenti,

- medikazzjoni u mediċinali u t-tagħmir tekniku meħtieġ għall-mard jew id-diżabbiltà fiżika tad-debitur, u l-vettura ta’ debitur b’mobbiltà mnaqqsa,

- l-oġġetti użati minn minorenni fl-unità domestika tad-debitur li huma maħsuba għat-tfal,

- ikel għal xahar (1) u fjuwil għat-tisħin għal 3 xhur, kif mitlub mid-debitur u l-unità domestika tad-debitur,

- uċuh tar-raba’ weqfin, uċuh tar-raba’ mhux miġbura u frott,

- oġġetti li ma jistgħux jitqiesu li jifformaw parti mill-assi tad-debitur fi proċedimenti ta’ likwidazzjoni,

- l-assi kulturali elenkati fiċ-ċertifikat speċifikati bl-Att dwar il-protezzjoni speċjali tal-assi kulturali msellfa, matul it-terminu ta’ protezzjoni speċjali (it-Taqsima 90(1) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Meta l-vettura meħtieġa minn debitur li jkun persuna fiżika li jwettaq/twettaq il-kompiti tiegħu/tagħha tiġi maqbuda — sakemm il-vettura mhijiex ikkonfiskata — huwa biżżejjed biex tiġi sekwestrata l-karta tar-reġistrazzjoni, li qed tintbagħat flimkien ma’ kopja tar-rapport tal-qbid lill-awtorità tat-trasport kompetenti jew, jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jiġu determinati, lill-awtorità li tkun irreġistrat il-vettura. Sakemm il-vettura ma tkunx ġiet ikkonfiskata, id-debitur jista’ juża l-vettura sakemm tinbiegħ.

Jekk il-valur stmat tal-vettura jkun inqas mill-ammont speċifikat fid-digriet maħruġ mill-Ministru għall-Ġustizzja bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-politika fiskali, il-vettura tkun eżentata mill-infurzar.

Irtirar tal-karta tal-infurzar u t-tħassir tal-klawżola tal infurzar:

Jekk il-qorti kienet bi ksur tal-liġi meta ħarġet il-karta ta’ infurzar, din għandha tiġi rtirata.

Jekk il-qorti kienet qed tikseril-liġi meta żiedet il-klawżola għall-infurzar tal-ordni, il-klawżola trid titħassar.

Il-Qorti se tirtira l-karta tal-infurzar jew tħassar il-klawżola tal-infurzar jekk isib, fuq talba tad-debitur, li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet għal:

a) rifjut għall-infurzar skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004,

b) rifjut għall-infurzar skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jew l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007, jew

c) rifjut għall-infurzar skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 jew l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

Appell kontra l-ordni ta’ infurzar:

Jekk il-qorti ħarġet ordni ta’ infurzar jew, jekk l-ordni ta’ infurzar hija differenti mill-applikazzjoni, ħarġet ordni li tikkonċerna din id-differenza, il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra l-ordni. L-appell kontra l-ordni ma jissospendix l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ infurzar. Madankollu, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor mil-liġi, ma jistgħux jittieħdu passi sabiex tinbiegħ proprjetà maqbuda u l-ammont irċevut matul il-kors tal-infurzar ma jistax jitħallas lill-benefiċjarju.

Oġġezzjoni għall-infurzar:

Il-partijiet jew partijiet interessati oħrajn jistgħu jippreżentaw l-oġġezzjonijiet għall-infurzar lill-qorti li qed teżegwixxi l-infurzar kontra l-azzjoni jew ommissjoni mill-uffiċjal ġudizzjarju li jikkawża ksur sostantiv tar-regoli ta’ proċeduri ta’ infurzar jew id-drittijiet jew l-interessi legali tal-parti li qed tippreżenta l-oġġezzjoni għall-infurzar. Ksur tar-regoli sostantiv tal-proċeduri ta’ infurzar tar-regoli għandhom jinftiehmu li jfissru ksur li kellu effett sostantiv fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ infurzar (Taqsima 217(1) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).

Jekk il-miżura kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti legali jew ma tikkostitwixxix ksur sostantiv, il-qorti se tiddefendi l-miżura kkontestata u tiċħad l-oġġezzjoni. Jekk il-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix ksur sostantiv, il-qorti se tannulla kompletament jew parzjalment il-miżura kkontestata jew — jekk permess mil-liġi u sakemm il-fatti meħtieġa għal din id-deċiżjoni jistgħu jiġu sostanzjati — temenda jew parti jew il-miżura ta’ infurzar fl-intier tagħha. Jekk l-oġġezzjoni kienet tirreferi għal ommissjoni, il-qorti tidderieġi lill-uffiċjal ġudizzjarju biex jimplimenta l-miżura li tħalliet barra (it-Taqsima 217/A(5) tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2017