Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Smigħ ta' xhieda - Belġju

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Is-sistema ġuridika Belġjana tagħmel distinzjoni bejn il-liġi ċivili u l-liġi tal-kummerċ. Il-liġi tal-kummerċ hija liġi speċifika għall-kummerċjanti, filwaqt li l-liġi ċivili hija marbuta mal-liġi ordinarja.

Il-liġi dwar l-evidenza li taqa' taħt il-liġi ċivili tinsab fit-Taqsima 1315 et seq. tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek). Hija sistema magħluqa, b'forom ta' evidenza strettament regolamentati (ara t-Taqsima 5a għal aktar dettalji).

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-evidenza fil-liġi tal-kummerċ jinsabu fit-Taqsima 25 tal-Kodiċi tal-Kummerċ (Wetboek van Koophandel). Il-karatteristiċi l-aktar importanti tagħhom huma l-ftuħ tas-sistema u l-libertà f'dak li jirrigwarda l-forom ta' evidenza fl-impriżi kummerċjali. It-Taqsima 25 tal-Kodiċi tal-Kummerċ tiddikjara: "Apparti l-forom ta' evidenza permessi fil-qafas tal-liġi ċivili, l-impenji kummerċjali jistgħu jiġu ppruvati wkoll minn xhieda fil-każijiet kollha fejn il-qorti tqis li dan għandu jkun permess, minbarra fl-eċċezzjonijiet stabbiliti għal każijiet speċjali. Ix-xiri u l-bejgħ jistgħu jiġu ppruvati permezz ta' fattura aċċettata, mingħajr preġudizzju għall-oġġetti l-oħra ta' evidenza ammissibbli fil-qafas tal-liġijiet tal-kummerċ".

L-aspetti proċedurali tal-evidenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali huma rregolati mit-Taqsima 870 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Gerecthelijk Wetboek). It-Taqsima 876 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tistipula li l-qorti trid tiġġudika t-tilwima li titressaq quddiemha f'konformità mar-regoli tal-evidenza li japplikaw għal dik it-tip ta' tilwima. It-tilwima tista' tkun ċivili jew inkella kummerċjali.

L-evidenza ta' fatt, dikjarazzjoni jew allegazzjoni trid tiġi sottomessa mill-parti li tinvokaha. Parti li titlob it-twettiq ta' obbligu, trid tagħti prova li dak l-obbligu jeżisti tassew. Bl-istess mod, parti li tiddikjara li tkun liberata minn xi obbligu, trid tipprovdi l-evidenza tal-ħlas jew tal-fatt li jkun illiberaha mill-obbligu tagħha (it-Taqsima 1315 tal-Kodiċi Ċivili). Fil-proċedimenti legali, kull waħda mill-partijiet trid tippreżenta l-evidenza tal-fatti li tallega (it-Taqsima 870 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: ‘actori incumbit probatio’). Imbagħad ikun f'idejn il-kontroparti li tirrifjuta l-valur probatorju ta' dawn il-fatti, fejn dan ikun possibbli u permess.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Sakemm ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal raġunijiet ta' politika pubblika u ta' sikurezza nazzjonali, il-fatti kollha jistgħu jiġu ppruvati. Hemm tliet limitazzjonijiet għad-dritt li tippreżenta l-evidenza matul il-proċedimenti. L-ewwel nett, il-fatt li għandu jiġi ppruvat irid ikun rilevanti. It-tieni nett, il-fatt li għandu jiġi ppruvat irid ikun konklużiv, jiġifieri li jkun se jikkontribwixxi biex jikkonvinċi lill-qorti bid-deċiżjoni li għandha tieħu. It-tielet nett, il-liġi trid tkun tippermetti s-sottomissjoni tal-evidenza per se biex jiġu ppruvati ċerti fatti: pereżempju, ma tistax tmur kontra l-privatezza personali, il-kunfidenzjalità professjonali u l-privatezza tal-korrispondenza.

Normalment il-preżunzjonijiet jiġu kkonfutati mill-parti kontradittriċi. Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli ("juris et de jure") biss ma jistgħux jiġu kkontestati; huwa saħansitra illegali li wieħed jipprovdi evidenza biex jirribattihom. Il-preżunzjonijiet konfutabbli ("juris tantum") jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' evidenza li tipprova l-kuntrarju: il-forom ta' evidenza aċċettabbli f'dan il-każ huma rregolati mil-liġi ċivili, u mhux mil-liġi tal-kummerċ.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti trid tikkonvinċi ruħha mill-elementi ppreżentati mill-partijiet permezz tal-evidenza u tal-kredibilità tagħha. Jekk il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-elementi ppreżentati lilha jistgħu jgħinuha ssolvi t-tilwima u li l-mod kif dawn ġew ippreżentati jirrifletti b'mod affidabbli l-verità dwar il-kwistjoni, hija tattribwixxi valur probatorju lil dawn l-elementi. Huwa biss meta l-qorti tattribwixxi valur probatorju lil xi element jew ieħor, li dan ikun jista' jitqies verament bħala evidenza.

Il-valur probatorju huwa xi ftit jew wisq soġġettiv, filwaqt li l-proprja prova hija strettament oġġettiva. L-istatus ta' prova jiddependi mill-grad ta' affidabbiltà mistenni minn dik l-evidenza. L-evidenza titqies legalment bħala prova biss meta jkollha livell adegwat ta' affidabbiltà, minħabba li l-qorti hija, wara kollox, miċħuda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Dan jiġri fil-każ tal-evidenza dokumentata. Jekk il-qorti tinterpreta l-kontenut ta' dokument li nkiseb b'mod leċitu b'mod inkompatibbli mal-formulazzjoni proprja tiegħu, hija tkun tmur kontra l-istatus ta' prova tad-dokumenti formali. Il-parti telliefa tista' tinvoka dan il-ksur bħala bażi għall-appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Parti li tagħmel allegazzjoni jrid ikollha l-provi għaliha. F'ċerti każijiet, l-imħallef jista' jordna lil xi parti biex tuża forma partikolari ta' evidenza, bħal pereżempju, meta tieħu ġurament (it-Taqsima 1366 tal-Kodiċi Ċivili). Il-qorti tista', taħt kundizzjonijiet stretti, tobbliga lil xi parti tagħmel dikjarazzjoni taħt ġurament, biex tasal għas-soluzzjoni tat-tilwima abbażi tagħha jew inkella sempliċiment biex tiddetermina l-ammont tal-kumpens.

Il-qorti tista' tpoġġi mistoqsijiet lill-partijiet u tordna li jiġu mistoqsija x-xhieda, sakemm dan ma jkunx ipprojbit mil-liġi (it-Taqsima 916 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Hija tista' wkoll tqabbad lill-esperti biex jiddeterminaw fatti speċifiċi jew biex jipprovduha b'pariri tekniċi (it-Taqsima 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

L-applikazzjonijiet għall-miżuri investigatorji jridu jsiru minn waħda mill-partijiet fil-forma ta' azzjoni ewlenija jew ta' azzjoni provviżorja. Id-deċiżjoni sussegwenti tal-qorti tista' tilqa' l-miżuri investigatorji mitluba jew inkella tiċħadhom, u tinkludi r-raġunijiet tagħha għal dan.

Fil-każ ta' verifika tal-kaligrafija (it-Taqsima 883 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) jew ta' investigazzjoni ta' falsifikazzjoni (it-Taqsima 895 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), il-qorti tordna lill-partijiet biex jidhru quddiemha (b'rappreżentanza ġudizzjarja, jew mingħajr) u biex iġibu magħhom it-titoli, id-dokumenti u l-oġġetti kollha li jkunu jridu jiġu mqabbla, jew id-dokument suspettat li jkun falsifikat. Il-qorti tista' tagħżel li tittratta l-kwistjoni b'mod immedjat jew inkella li taħżen l-oġġett inkwistjoni fir-reġistru biex imbagħad twettaq investigazzjoni hi stess jew tikkonsulta mal-esperti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tiddeċiedi dwar il-verifika tal-kaligrafika jew l-investigazzjoni tal-falsifikazzjoni.

Meta parti toffri li tipprovdi l-evidenza permezz ta' xhud wieħed jew aktar, il-qorti tista' tawtorizza l-preżentazzjoni ta' tali evidenza, sakemm din tkun ammissibbli (it-Taqsima 915 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Jekk il-liġi ma tkunx tipprojbixxiha, il-qorti tista' tordna li jsiru mistoqsijiet lix-xhieda. Ix-xhieda jiġu mħarrka mir-reġistratur tal-qorti tal-inqas tmint ijiem qabel id-data tas-smigħ tagħhom. Iridu jieħdu ġurament u mbagħad jiġu mistoqsija wieħed wieħed mill-imħallef. Il-qorti tista' tagħmel xi mistoqsijiet lix-xhud fuq inizjattiva tagħha stess, jew inkella fuq talba ta' waħda mill-partijiet. Ix-xhieda titniżżel bil-miktub, tinqara b'vuċi għolja, tiġi kkoreġuta u fejn ikun hemm bżonn, tiġi kkompletata, u mbagħad is-smigħ tax-xhud ikun jista' jingħalaq.

Il-qorti tista' tordna li ssir investigazzjoni esperta sabiex tiġi solvuta tilwima jew biex tiġi evitata. L-investigazzjoni tista' tkun tikkonċerna biss sejbiet fattwali jew pariri tekniċi (it-Taqsima 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-espert iwettaq il-missjoni tiegħu taħt is-superviżjoni tal-qorti. Il-partijiet jipprovdu lill-espert bid-dokumenti kollha meħtieġa u jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlilhom. Ir-rapport ikun irid jiġi ppreżentat sad-data stabbilita mill-ordni tal-qorti. Jekk ir-rapport ikun joħloq kunflitt mal-konvinzjoni tal-imħallef, il-qorti mhijiex obbligata ssegwi l-parir tal-espert.

Il-qorti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba min-naħa tal-partijiet, tista' tordna li ssir investigazzjoni in situ (it-Taqsima 1007 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-investigazzjoni, li tista' ssir kemm fil-preżenza tal-partijiet kif ukoll fl-assenza tagħhom, jagħmilha l-imħallef li jkun ordnaha jew persuna li tkun ġiet inkarigata uffiċjalment biex twettaqha. Isir rapport uffiċjali tal-attivitajiet u s-sejbiet kollha u dan jiġi trażmess lill-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti qatt ma hija obbligata taċċetta talba tal-parti għall-miżuri investigatorji. Iżda jekk l-imħallef jirċievi ittra rogatorja, imbagħad ikollu jeżegwiha (it-Taqsima 873 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm ħames tipi ta' evidenza skont il-liġi ċivili (komuni): l-evidenza miktuba, ix-xhieda orali, il-preżunzjonijiet, il-konfessjonijiet tal-partijiet u l-ġuramenti (it-Taqsima 1316 tal-Kodiċi Ċivili).

L-evidenza miktuba (it-Taqsima 1317 tal-Kodiċi Ċivili) tista' tiġi preżentata jew permezz ta' strument awtentiku jew inkella permezz ta' strument privat. Strument awtentiku huwa strument li jkun ġie eżegwit fil-forma statutorja minn uffiċjal pubbliku kompetenti (pereżempju, nutar jew reġistratur), u jitqies, kemm mill-partijiet kif ukoll mill-partijiet terzi, bħala evidenza konklużiva tal-ftehim li jkollu fih. Strument privat approvat, li jkun ġie ffirmat mill-partijiet kollha inkwistjoni u li jkun tfassal f'numru ta' kopji li jikkorrispondi għan-numru ta' partijiet, jitqies mill-partijiet bħala evidenza konklużiva. Għall-każijiet li jkollhom somma jew valur ta' EUR 375 jew aktar, irid jitħejja strument bil-miktub (it-Taqsima 1341 tal-Kodiċi Ċivili).

Ix-xhieda orali (it-Taqsima 1341 tal-Kodiċi Ċivili) li tikkontradixxi jew tamplifika l-kontenut tad-dokumenti miktuba, mhijiex ammissibbli. Madankollu, meta jkun hemm biss evidenza miktuba prima facie, jew meta ma jkunx possibbli li titfassal evidenza miktuba, ix-xhieda orali tiġi aċċettata.

Il-preżunzjonijiet (it-Taqsima 1349 tal-Kodiċi Ċivili) huma konklużjonijiet li tagħmel il-liġi jew il-qorti abbażi ta' fatt magħruf sabiex tiddetermina fatt mhux magħruf. Il-preżunzjonijiet ma jistgħux jikkompromettu l-kontenut tal-istrumenti miktuba, iżda –bħax-xhieda orali– jistgħu jikkumplimentaw l-evidenza miktuba prima facie u jissostitwixxu l-evidenza miktuba meta din ma tkunx tista' titfassal.

Il-konfessjonijiet tal-partijiet (it-Taqsima 1354 tal-Kodiċi Ċivili) ikunu ġudizzjarji jew extraġudizzjarji. Konfessjoni ġudizzjarja hija dikjarazzjoni affidabbli li ssir quddiem il-qorti minn waħda mill-partijiet jew mir-rappreżentant awtorizzat speċifiku tagħha, li tkun tmur kontra l-persuna li tagħmilha. Konfessjoni extraġudizzjarja mhija soġġetta għall-ebda rekwiżit proċedurali.

Il-ġurament (it-Taqsima 1357 tal-Kodiċi Ċivili) jista' jittieħed minn waħda mill-partijiet fuq talba tal-oħra (ġurament deċiżiv), jew inkella jista' jiġi ordnat mill-qorti. Fil-każ ta' ġurament deċiżiv, il-ġurament ikun jikkostitwixxi biss evidenza favur jew kontra l-persuna li tkun talbet li jittieħed il-ġurament.

L-evidenza fi kwistjonijiet kummerċjali (it-Taqsima 25 tal-Kodiċi tal-Kummerċ) mhijiex regolata, iżda tinkludi forma speċifika ta' evidenza, jiġifieri l-irċevuta fil-każ ta' kuntratti ta' bejgħ. Kummerċjant dejjem jista' juża l-irċevuta biex joħloq evidenza valida, filwaqt li d-dokumenti bil-miktub l-oħra jridu jiġu ppreżentati mill-parti kontradittriċi sabiex ikunu jistgħu jservu ta' evidenza.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda orali hija regolata bħala forma indipendenti ta' evidenza mill-Kodiċi Ċivili, filwaqt li l-Kodiċi Ġudizzjarju jistabbilixxi l-aspetti proċedurali tal-evidenza. L-investigazzjoni tal-esperti hija sempliċiment mod kif tinstab prova u hija regolata mill-Kodiċi Ġudizzjarju. Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti biex issejjaħ lix-xhieda, iżda ma jistgħux jaħtru esperti fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Il-qorti biss tista' tagħmel dan.

L-evidenza miktuba għandha valur probatorju u l-qorti trid tirrispetta l-kontenut tagħha, iżda dan ma japplikax għar-rapporti u l-opinjonijiet mill-esperti. Jekk ir-rapport jew l-opinjoni jmur/tmur kontra l-konvinzjonijiet tal-imħallef, huwa ma jkunx obbligat isegwih(a) (it-Taqsima 986 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Hemm ġerarkija fil-forom regolati tal-evidenza. Il-konfessjonijiet u l-ġuramenti jinsabu fil-quċċata. Strument bil-miktub dejjem ikollu pożizzjoni ogħla minn dik tax-xhieda u tal-preżunzjonijiet. Id-dokumenti awtentiċi (titoli) jikkostitwixxu prova konklużiva ta' ftehim bejn il-partijiet u partijiet terzi, filwaqt li d-dokumenti privati rikonoxxuti jikkostitwixxu prova konklużiva ta' ftehim bejn il-partijiet. Ix-xhieda orali u l-preżunzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala affidabbli biss jekk l-evidenza dokumentata ma tkunx kompluta jew jekk ma jkunx possibbli li tinħoloq evidenza dokumentata tal-obbligu li jkun irid jiġi ppruvat.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Skont jekk il-fatt ikunx klassifikat bħala kwistjoni ċivili jew kwistjoni kummerċjali, il-liġi tal-evidenza hija regolamentata jew le. Skont il-liġi ċivili, irid jitħejja strument awtentiku jew strument privat għall-kwistjonijiet u t-tranżazzjonijiet kollha li jeċċedu s-somma jew il-valur ta' EUR 375 (it-Taqsima 1341 tal-Kodiċi Ċivili). Dan l-istrument biss jista' jservi ta' evidenza; ix-xhieda orali u l-preżunzjonijiet mhumiex ammissibbli. B'kuntrast ma' dan, fi kwistjonijiet kummerċjali, l-evidenza mix-xhieda orali u mill-preżunzjonijiet, li tikkontradixxi jew tissupplimenta l-kontenut tal-istrumenti, fil-prinċipju, hija ammissibbli.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Le, ix-xhieda jinstemgħu biss fuq talba tal-partijiet jew inkella fuq l-ordni ex officio tal-qorti (it-Taqsimiet 915-916 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Jekk xhud jissejjaħ biex jidher quddiem il-qorti u dan jallega li jkollu raġuni legalment valida li teżentah milli jixhed, id-deċiżjoni dwar il-leġittimità tar-rifjut titħalla f'idejn il-qorti. Waħda mir-raġunijiet meqjusa bħala leġittimi hija l-obbligu ta' segretezza professjonali tax-xhud (it-Taqsima 929 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Persuna li tissejjaħ biex tixhed il-qorti hija obbligata li tidher. Jekk din ma tidhirx, il-qorti tista' ssejħilha, fuq talba ta' waħda mill-partijiet, permezz ta' ċitazzjoni nnotifkata mill-bailiff (it-Taqsima 925 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Skont il-liġi kriminali, il-persuna li tissejjaħ biex tixhed u li tonqos milli tidher tista' teħel multa (it-Taqsima 926 tal-Kodiċi Ġudizzjarja).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Ix-xhieda orali ma titqiesx valida jekk tingħata minn persuna li ma tkunx legalment kompetenti biex tagħmel dan (it-Taqsima 961(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarja).

Minorenni taħt l-età ta' ħmistax-il sena ma jistax jiġi mistoqsi taħt ġurament. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu jistgħu jintużaw biss għall-finijiet ta' informazzjoni (it-Taqsima 931(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fi kwalunkwe proċediment li jkun jikkonċernah, il-minorenni li jkollu l-kapaċità ta' dixxerniment, jista' jiġi mistoqsi mill-imħallef jew minn persuna maħtura mill-imħallef, fuq talba tal-minorenni stess jew inkella fuq ordni tal-qorti, għalkemm fil-każ tal-aħħar, il-minorenni jista' jirrifjuta li jsirulu mistoqsijiet (it-Taqsima 931(3) sa (7) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Id-dixxendenti ma jistgħux jiġu mistoqsija fil-każijiet meta l-axxendenti tagħhom ikollhom interessi opposti (it-Taqsima 931(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-partijiet ma jistgħux jindirizzaw lix-xhieda direttament u lanqas jinterrompuhom, iżda jridu dejjem jindirizzaw lill-imħallef (it-Taqsima 936 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-imħallef jista', ex officio jew fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, jsaqsi l-mistoqsijiet kollha lix-xhieda sabiex l-evidenza tkun tista' tiġi ċċarata jew issupplimentata (it-Taqsima 938 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Ix-xhieda indiretta hija valida; ma hemm l-ebda dispożizzjoni statutorja jew prinċipju ġuridiku li topponi/jopponi għal dan. Barra minn hekk, it-Taqsima 924 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tistipula li huwa possibbli għall-imħallef li jiddeċiedi li, jekk ix-xhud ma jkunx jista' jkun preżenti, jieħu l-evidenza tiegħu mill-post fejn ikun jinsab ix-xhud.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

L-evidenza li tinkiseb b'mod illeċitu ma tistax tintuża matul il-proċedimenti. Għaldaqstant, l-imħallef irid jinjoraha meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu. L-evidenza li tinkiseb b'mod li jkun jikkostitwixxi ksur tal-privatezza, tas-segretezza professjonali jew tal-privatezza tal-korrispondenza hija illeċita u inammissibbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Id-dokumenti bil-miktub li jkunu ġejjin mingħand waħda mill-partijiet stess, ma jistgħux jintużaw bħala evidenza għal dik il-parti. Fil-liġi tal-kummerċ biss, tista' tintuża fattura (li tkun ġiet aċċettata mill-klijent) fi tranżazzjoni ta' bejgħ bħala evidenza minn kummerċjant biex jipprova fatti li jikkonċernawh, anke jekk dan id-dokument ikun ħarġu hu stess. Rekords kontabilistiċi miżmuma tajjeb jistgħu jiġu aċċettati mill-qorti bħala evidenza ta' tranżazzjonijiet bejn il-kummerċjanti.

Konfessjoni mingħand waħda mill-partijiet hija d-dikjarazzjoni li tagħmel quddiem il-qorti l-parti stess jew rappreżentant tagħha b'awtorizzazzjoni speċjali. Din tikkostitwixxi evidenza konklużiva kontra l-persuna li tkun għamlet il-konfessjoni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 18/11/2015